L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Liema hu l-kmandament il-kbir, fil-liġi?” (Mt 22:36) Din hija l-mistoqsija li għamel lil Ġesù wieħed mill-Fariżej, għaref fil-liġi. Ried li Ġesù jwieġbu liema hu l-kmandament il-kbir. Dak iż-żmien kienet issir diskussjoni sħiħa fuq liema hu l-kmandament il-kbir minn ħafna kmandamenti, liġijiet, normi u preċetti li kellhom, u għalhekk, dan li kien għaref fil-liġi, ried li Ġesù jgħidlu liema hu l-kbir.
Ġesù jwieġbu mal-ewwel. Mhux dejjem Ġesù jwieġeb il-mistoqsijiet mal-ewwel, imma hawn mal-ewwel. Jgħidlu: “Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu. Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed” (Mt 22:37-38). Imma mbagħad Ġesù ma jieqafx hawn. Seta’ waqaf hawn, għax dik kienet id-domanda: liema hu l-kmandament il-kbir. Imma Ġesù jżid ħaġa oħra. Jgħid: “It-tieni jixbhu: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Mt 22:39). Ġesù jgħaqqad flimkien dawn iż-żewġ kmandamenti, u jgħid li fil-fatt dawn iż-żewġ kmandamenti huma “l-qofol tal-Liġi kollha u tal-profeti”. (Mt 22:40)
Ħa naraw ftit x’qed jgħid Ġesù b’din ir-risposta. L-ewwel nett, qed jgħid li l-ewwel, il-kmandament il-kbir, hu l-imħabba lejn Alla – l-imħabba sħiħa u totali. Għalhekk Ġesù isemmi “b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’moħħok kollu”. Qed jgħid li għandu jkollna din l-imħabba totali, li turi ruħha fl-għażliet tal-ħajja tagħna, fil-mod kif aħna ngħixu. Dan importanti. Kultant issib min jgħidlek: “dan il-ħafna diskors fuq Alla hu żejjed. Ħobb u agħmel il-ġid lin-nies, u biżżejjed”. Mhux hekk qed jgħid Ġesù. Qed jgħid: l-ewwel l-imħabba tagħna sħiħa lejn Alla, u dak hu l-kmandament il-kbir.
Imbagħad, meta Ġesù jgħaqqad flimkien miegħu “ħobb lil għajrek bħalek innifsek”, qed jgħid li aħna verament inħobbu lil Alla meta din l-imħabba tmexxina lejn l-oħrajn biex inħobbu wkoll lill-oħrajn, għax dawn imorru flimkien. Jekk nifirduhom, qed jgħid li mhux vera l-imħabba lejn Alla; għax, jekk tkun hemm, hi din l-istess imħabba li turi ruħha fl-imħabba lejn l-oħrajn. Nafu li Ġesù tkellem diversi drabi fuq dan, u wera kif dawn huma magħqudin flimkien. Niftakru meta semma l-opri tal-ħniena, u jidentifika ruħu ma’ min hu fil-bżonn, u jgħid: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 22:40) – jekk urejtu mħabba vera lejn dawn li huma fil-bżonn, urejtu mħabba vera lejja. U l-kontra wkoll: “Dak li ma għamiltux ma’ wieħed minn dawn iż-żgħar, lanqas miegħi ma għamiltuh (Mt 22:45). Nafu li San Ġwann jispjegaha b’mod qawwi din il-verità, meta jgħid: “Jekk xi ħadd jgħid ‘jiena nħobb lil Alla’ u jobgħod lil ħuh, dan ikun giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah?” (1 Ġw 4:20) Għalhekk din l-insistenza ta’ Ġesù li dawn imorru flimkien.
Dan hu messaġġ importanti għal ħajjitna: li fil-qalba tal-ħajja tagħna jkollna din l-imħabba sħiħa lejn Alla u lejn l-oħrajn. Din nuruha mhux bit-tpaċpiċ imma bil-fatti, bl-għażliet li nagħmlu fil-ħajja tagħna. Nuruha bis-sensitività lejn l-oħrajn, li nieqfu magħhom meta jkollhom bżonn l-għajnuna, li nagħtu appoġġ u kuraġġ lil min għaddej minn diffikultà. F’dawn l-affarijiet ordinarji ta’ kuljum, hemmhekk nuru tassew kemm aħna nħobbu. Irrid insemmi speċjalment anke l-kliem tagħna. Il-kliem juri x’hemm fil-qalb. Għalhekk, qalb li vera tħobb tesprimi ruħha fi kliem li juri tassew imħabba.
Ħa nsemmi l-eżempju tal-festi tagħna, festi reliġjużi, li huma okkażjonijiet sbieħ, fejn ħafna drabi tara tassew din l-espressjoni ta’ mħabba – l-imħabba lejn dawk li huma fil-bżonn, imma wkoll l-imħabba li tgħaqqad flimkien il-familji u l-komunità. Kemm hi sabiħa din l-imħabba lejn Alla li turi ruħha wkoll fl-imħabba lejn l-oħrajn! Bħalma hi kerha, imbagħad, meta fil-festi reliġjużi tagħna jkun hemm min mhux jgħajjar biss – li hu ħażin – imma jgħid kliem oxxen, kliem ħażin, kliem li jagħmel għajb lil min jgħidu u jwaqqa’ għaż-żufjett liċ-ċelebrazzjoni, lill-qaddis li qed jiċċelebraw. Dak li joħroġ mill-fomm juri x’hemm fil-qalb. U jekk il-qalb tkun tassew qalb li tħobb, turi ruħha f’dak li aħna ngħidu u fil-mod kif nittrattaw lill-oħrajn.
San Ġwann tas-Salib jgħid: “Fl-għabex ta’ ħajjitna, se nkunu ġġudikati fuq kemm ħabbejna”. Nitolbu lill-Mulej li jkollna f’qalbna tassew l-imħabba totali u sħiħa lejh, li turi ruħha fl-imħabba lejn l-oħrajn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju