L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Il-festa għażiża tal-Lunzjata ddaħħalna f’wieħed mill-aktar mumenti intimi u deċiżivi fl-Istorja tas-Salvazzjoni: il-laqgħa bejn l-anġlu Gabriel u l-Verġni Marija.

F’dar kwieta f’Nazaret, ’il bogħod mill-poter u l-glorja tad-dinja, tfajla żagħżugħa tirċievi messaġġ li jibdel ħajjitha. Imma mhux biss ħajjitha; jibdel id-destin tal-umanità kollha: “Ara, int se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u jsemmuh Ġesù” (Lq 1:31). Alla jidħol fl-istorja tal-bniedem mhux bil-forza, mhux bl-istorbju, imma bi stedina kwieta, b’sejħa personali.

Din it-tfajla żagħżugħa Marija mhijiex passiva. Tisma’, tinkwieta, tistaqsi, tfittex li tagħraf dak li Alla jrid minnha. U mbagħad twieġeb: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38). Din mhijiex sentenza sempliċi. Hija sentenza li tfisser ħafna. Qed tgħid iva. Hija deċiżjoni favur il-ħajja.

Mal-kliem tad-deċiżjoni tagħha, it-tarbija tnisslet fi ħdanha. Bdiet ħajja umana ġdida. Ħajja ta’ ftit ċelloli, ma tidhirx, imma hemm diġà bniedem. Mat-tnissil ta’ Ġesù fiha, Marija ma għandhiex xi ħaġa ġo fiha; għandha lil xi ħadd, u xi ħadd speċjali. Fil-ġrajja tal-Lunzjata, hekk kif l-anġlu Gabriel jitlaq, ma għadhiex waħedha. Huma tnejn.

Xi tfisser l-iva ta’ Marija

Ħa nħarsu lejn xi tfisser din l-iva ta’ Marija għaliha. Tfisser ħafna. Marija taċċetta tqala mhux mistennija, tarbija mhux ippjanata, u magħha futur mimli inċertezza, u r-riskju ta’ nuqqas ta’ ftehim, rifjut, u anke periklu.

Jekk tħares lejn din il-ġrajja minn perspettiva ta’ x’kien jaqblilha, jew x’kien l-aħjar għaliha, Marija kellha kull raġuni biex tgħid le, biex tgħid lill-anġlu Gabriel: grazzi ħafna tal-istedina li qed twassalli, napprezza, imma aħjar kif jien! Imma hi tilqa’ l-istedina, hi tagħżel il-ħajja. B’dan, hi ssir l-ewwel waħda li tilqa’ lil Ġesù Kristu mhux biss spiritwalment, imma fiżikament, fil-ġuf tagħha stess. Alla jsir bniedem. Marija ssir santwarju ħaj fejn il-ħajja tiġi maħbuba, imħarsa, imrobbija u mwielda.

Marija tagħtina messaġġ qawwi fejn tidħol il-ħajja. Turina li kull ħajja hija don, qabel ma hija sfida. Hija don mingħand Alla, u lilna jsejħilna biex nilqgħu dan id-don.

L-Evanġelju tal-ħajja

Il-festa tal-Lunzjata hija, fil-qalba tagħha, tħabbira tal-ħajja, festa tal-ħajja. Turina li l-ħajja tibda meta Alla jridha, li l-ħajja hija qaddisa mill-bidu nett tagħha, li l-ħajja hija fdata lilna, anke meta tiġi bla mistenni.

Marija ma għażlitx il-ħin. Ma kkontrollatx iċ-ċirkustanzi. Imma għażlet li tilqa’ l-ħajja b’fiduċja. F’dinja fejn il-ħajja spiss titkejjel skont kemm hija utli, produttiva jew komda, Marija tfakkarna f’verità aktar profonda: il-ħajja mhijiex xi ħaġa li noħolqu, imma xi ħadd li nirċievu.

Id-dinja tagħna u l-biża’ mill-ħajja

Illum, diversi nies jibżgħu jgħidu iva għall-ħajja. Hemm biża’ mill-futur, mir-responsabbiltà, mit-tbatija. Hemm tant ċirkustanzi fil-ħajja li joħolqu biża’. Jekk inħarsu fid-dinja, hemm tant sitwazzjonijiet fejn il-ħajja hija meqruda.

Xi drabi, il-ħajja tiġi miċħuda qabel ma tingħata ċans li titwieled. Ikun hemm min iqis lil dawk l-aktar vulnerabbli u dipendenti – dawk li għadhom ma tweldux – bħala piż aktar milli bħala barka. Hemm min jiddiskuti kif tista’ tagħmel safe it-tneħħija tal-ħajja, flok kif tassigura l-protezzjoni tagħha.

Marija tgħallimna li l-kuraġġ mhuwiex in-nuqqas ta’ biża’, imma d-deċiżjoni li nafdaw f’Alla minkejja l-biża’. L-iva tagħha ssir xhieda kwieta iżda qawwija kontra l-kultura tal-mewt, u favur il-kultura tal-ħajja.

Ngħidu iva bħal Marija

Aħna u niċċelebraw illum il-festa tal-Lunzjata, patruna ta’ din il-parroċċa, irridu niftakru li l-Lunzjata hija verament festa kbira għax ġabitilna l-awtur tal-ħajja. Imma l-Lunzjata mhijiex biss dwar Marija. Hija dwarna wkoll. Kull wieħed u waħda minna hu msejjaħ, b’modi differenti, biex jgħid iva għall-ħajja.

Nagħmlu dan billi nilqgħu l-ħajja ġdida b’ġenerożità, billi niddefendu lil min għadu ma twelidx, billi nappoġġjaw lil min qed jaffaċċja tqala diffiċli jew qed isib diffikultà biex jaċċettaha, billi nieħdu ħsieb il-morda u l-anzjani, billi naħdmu bis-sħiħ kontra kull forma ta’ abbuż u min jipproteġi l-abbuż, billi nxerrdu madwarna u fis-soċjetà kuxjenza favur il-ħajja, u billi norbtu r-rieda tagħna ma’ dak li ġie fostna biex jagħtina l-ħajja.

Aħna m’aħniex imsejħin biex inġibu lil Kristu fid-dinja bl-istess mod li għamlet Marija bħala omm – hija kellha din il-grazzja partikulari – imma aħna msejħin biex inġibu lil Kristu għall-ħajja fl-għemil tagħna. Kull iva għall-ħajja, anke l-iżgħar, tirrepeti l-iva ta’ Marija.

Marija, Omm il-ħajja

Marija mhijiex biss Omm Ġesù; hija wkoll Ommna lkoll, u hija Omm mudell għal kull min jagħżel il-ħajja. Hi tifhem is-sbuħija li tilqa’ l-ħajja, l-uġigħ li jista’ jiġi magħha, il-prezz tal-imħabba. U timxi magħna, takkumpanjana. Meta nħossuna mbeżżgħin, inċerti jew inħossu ċ-ċirkustanzi diffiċli tal-ħajja se jegħlbuna, għandna nduru lejha u nitolbu: “Marija, għallimni ngħid iva.”

Fil-ġrajja tat-Tħabbira tal-Mulej, kelma ntqalet, u dik il-kelma saret ġisem – l-Iben ta’ Alla li sar bniedem fostna. Illum, Alla jibqa’ jitkellem, jibqa’ jistieden, jibqa’ jafda l-ħajja f’idejna. Il-mistoqsija tibqa’ l-istess: se ngħidu iva?

Nitolbu l-interċessjoni ta’ Marija, biex bħalha nwieġbu:“Ħa jsir minni skont kelmtek”. U f’din l-iva, il-ħajja tkun milqugħa bil-qalb, imħarsa u maħbuba. Insellmulha bil-kliem tal-Innu Popolari:

Lilek ja xbejba, l’accetajt u ghidt Iva
B’grazzji kotrana mill-Mulej mimlija:
Int li kont qieghda fi hsieb Alla dejjem, 
O Warda Mistika, itlob ghalina.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta