
L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Pawlu jgħaddi minn esperjenza ta’ dawl qawwi proprju f’nofsinhar; dawl eċċezzjonali, straordinarju, u sopranaturali. Il-moħħ u l-qalb tagħna llum imorru lejn Damasku fis-Sirja; u f’din il-festa, b’mod speċjali din is-sena, nitolbu ħafna għal dan il-pajjiż.
Damasku hija waħda mill-eqdem bliet fl-istorja taċ-ċiviltà umana. U mhux biss din il-festa tgħaqqadna ma’ Damasku, għax huwa l-post fejn saret il-konverżjoni tal-Appostlu Missierna; imma anke x-xbieha qaddisa tal-Madonna ta’ Damaxxena ta’ Damasku, li aħna nqimu fil-Belt Valletta, u li waslet Malta permezz ta’ familji Griegi-Kattoliċi, li ġew mal-Kavallieri fl-1530.
Pawlu jgħaddi minn din l-esperjenza mhux ’il bogħod minn Damasku. Meta żort is-Sirja fl-2008, in-Nunzju ħadni proprju f’kappella ċkejkna li tikkommemora l-post tal-konverżjoni, ta’ din il-laqgħa ta’ Pawlu ma’ Ġesù. Kien hemm ukoll monument tal-bronż li jfakkar il-post, li ftit tal-ġimgħat ilu nqered. Nitolbu ħafna għall-komunità Nisranija ta’ Damasku, li hija waħda mill-eqdem komunitajiet Insara, għax bħalissa għaddejja minn żmien ta’ diffikultà kbira.
Illum smajna l-aħħar rakkont li jagħti Pawlu mill-kap. 22 tal-Atti tal-Appostli. Fil-Ktieb tal-Atti tal-Appostli għandna żewġ rakkonti tal-konverżjoni ta’ San Pawl: fil-kapitlu 9 u kapitlu 22. U l-ewwel verżjoni li tiġi proposta fil-Liturġija hija proprju l-aħħar rakkont lejn it-tmiem ta’ dan il-ktieb miktub minn San Luqa, u ftit paġni qabel il-vjaġġ lejn Malta.

B’xi mod, dan ir-rakkont li jagħti Pawlu f’kapitlu 22 tal-Atti tal-Appostli, qisu Pawlu qed jerġa’ jgħix il-vjaġġ tiegħu li jibda minn Damasku u li jgħaddih Ġerusalemm, iwasslu Malta u anke Ruma. L-aħħar kapitli tal-Atti tal-Appostli jibdew b’dan ir-rakkont tal-bidu.
Imma f’dan ir-rakkont hemm laqtiet psikoloġiċi, straordinarjament effikaċi, li huma qawwija ħafna, u li nixtieq li nixtarru fuqhom illum. L-ewwel nett, Ġesù lil Pawlu, jindirizzah bl-isem Lhudi. Pawlu bħala ċittadin Ruman kellu l-isem Ruman: Paulus; imma kellu wkoll l-isem li tawh fiċ-ċirkonċiżjoni: Sawlu. Pawlu mhuwiex isem li ħa meta sar Nisrani imma kien isem li ħa għaliex kien ċittadin Ruman. ‘Paulus’ ifisser ċkejken; ma nafux jekk kienx raġel twil jew qasir, x’aktarx kien raġel ta’ statura medja; imma Paulus jiddiskrivi wkoll il-fiżjonomija ta’ Sawlu ta’ Tarsu.
“Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?” (Atti 22:7). Min jaf kemm-il darba rriflettejna fuq il-fatt li Ġesù, meta jara lil Pawlu jippersegwita lill-Insara jqis li dik il-persekuzzjoni hija magħmula lilu nnifsu. Ma jgħidlux għaliex qed tippersegwita lill-Insara. Imma jgħidlu: “Għaliex qiegħed tippersegwitani?” (Atti 22:7).
U din id-domanda fundamentali ta’ Pawlu li naħseb jien b’xi mod hija deskrizzjoni tal-ħajja ta’ Pawlu bħala Nisrani: “Min int, Mulej?” (Atti 23:8). U Pawlu jqatta’ l-kumplament ta’ ħajtu jipprova jirrispondi din il-mistoqsija. Wara kollox, ħafna mir-riflessjoni teoloġika profonda tat-Testment il-Ġdid fuq l-identità ta’ Ġesù, dwar min hu Ġesù, nafuha proprju mir-riflessjoni u mill-kitba u l-ittri ta’ Pawlu l-Appostlu Missierna. “Min int, Mulej?” (Atti 22:8).

U Ġesù, fir-risposta tiegħu, juża t-titlu li tawh fuq is-salib: “Jien Ġesù ta’ Nazaret, li int qiegħed tippersegwitah” (Att 23:8). Ġesù jirrisponda għad-domanda: ‘Jiena Ġesù ta’ Nazaret’. Niftakru li fuq is-salib, Ġesù hekk kien indikat: “Ġesù ta’ Nazaret, is-sultan tal-Lhud” (Ġw 19:19). Għalina l-Maltin, din ir-risposta ta’ Ġesù hija għażiża ħafna għax aħna nsejħu lilna nnfusna ‘Nsara’. Il-kelma ‘Nisrani’ ġejja mill-għerq tar-raħal ta’ Nazaret fejn trabba Ġesù u li kien parti mill-identità tiegħu.
Illum fid-dinja Għarbija, biex tinsulta lil xi ħadd, tgħidlu: Nisrani. Fil-kultura tagħna, dan l-insult huwa proprju sinifikat ta’ glorja. L-ISIS, meta kienu jridu jindikaw lill-familji Nsara biex joqtluhom kienu jagħmlu l-kelma ‘N’ – Nisrani. Kienu jagħmluha b’ċertu disprezz biex jindikaw fejn għandhom bżonn jidħlu, jistupraw, joqtlu, jeqirdu.
Imma importanti nifhmu wkoll li fl-esperjenza tal-konverżjoni tal-Appostlu Missierna, ir-rieda ta’ Ġesù, mhix biss l-esperjenza diretta li rah u semgħu, li tagħmel l-effett tal-grazzja f’Pawlu l-Appostlu Missierna, imma li Ġesù jindikah lill-Knisja. L-interpretazzjoni tal-missjoni tiegħu u anke tal-esperjenza tiegħu, ma tiġix mir-riflessjoni profonda, biex żgur għamel fuq dak li ġara, imma Ġesù jindikalu l-Knisja.
“Imbagħad jien għedt, ‘X’għandi nagħmel, Mulej?’” (Atti 22:10). Pawlu, fid-djalogu ma’ Ġesù; l-ewwel jgħidlu: Min inti? U meta Ġesù jgħidlu min hu, imbagħad jistaqsih: issa x’għandi nagħmel? “U l-Mulej qalli, ‘Qum u mur Damasku. Hemm jgħidulek kulma għandek tagħmel’” (Atti 22:10). Ġesù lil Pawlu jindikalu l-Knisja. Inti smajtni, inti rajtni, għidtlek min jien, għidtli x’għandi nagħmel: mur għand il-Knisja. Kemm huma żbaljati dawk li aljenati jew distratti jgħidu: Ġesù iva, il-Knisja le! Għax Ġesù, din l-esperjenza li qegħdin infakkru llum, lil Pawlu, biex jifhem xi ġralu u biex ikun jaf il-missjoni u l-vokazzjoni tiegħu, jgħidlu: “Mur Damasku. Hemm jgħidulek kulma għandek tagħmel.” (Atti 22:10).

Pawlu jara dija li tagħmih. U biex jirċievi d-dawl spiritwali u anke fiżiku, għandu bżonn il-medjazzjoni tal-komunità li hu kien jippersegwita. Għalih l-oġġett, il-mira tal-persekuzzjoni tiegħu, isir l-istrument tad-dawl u s-salvazzjoni tiegħu. Nistgħu ngħidu li huwa Ħananija, li f’isimna, f’isem il-Knisja, li lil Sawlu mhux biss jgħinu u jfarrġu, imma wkoll jagħtih il-vokazzjoni tiegħu. Kemm hi kelma għażiża, dik li Ħananija, li ismu jfisser ‘il-ħniena t’Alla’, jindirizza lil Sawlu l-persekutur, bħala ħuh: “‘Sawl, ħija, ħu d-dawl’. Dak il-ħin stess bdejt nara u nħares lejh” (Atti 22:13). “Imbagħad hu qalli, ‘Alla ta’ missirijietna għażlek biex tagħraf ir-rieda tiegħu, tara lil dak li hu l-ġust u tisimgħu jkellmek b’fommu stess” (Atti 22:14). Inti magħżul. Bil-Latin inkantaw l-antifona: ‘Vaz electionis’ (inti magħżul). “Biex tagħraf ir-rieda tiegħu” (Atti 22:14).
Nistgħu ngħidu li din hi l-vokazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna. Aħna magħżulin biex nagħrfu r-rieda tal-Mulej. Biex tara dak li hu ġust u tisimgħu jkellmek b’fommu stess. Din mhix l-esperjenza tagħna, hi esperjenza partikulari li Ġesù għażel li jagħti lil Pawlu, li jarah u jisimgħu. “Għax int għad trid tixhed għalih quddiem il-bnedmin kollha fuq dak li rajt u smajt” (Att 22:15). U nistgħu ngħidu li din il-profezija, din il-missjoni, li Ħananija jagħti lil Pawlu, seħħet hawnhekk. Żgur li fit-tliet xhur li għadda fostna, Pawlu tkellem fuq l-esperjenza ta’ Damasku. Lilna l-Maltin, lil missirijietna qalilhom x’sema’ u x’ra. “Għax int għad trid tixhed għalih quddiem il-bnedmin kollha fuq dak li rajt u smajt. U issa x’int tistenna? Qum! Tgħammed u nħall minn dnubietek, int u ssejjaħ ismu” (Att 22:15-16).
Il-konverżjoni ta’ San Pawl hija l-qawmien tiegħu. Hija wkoll il-ħelsien tiegħu minn dnubietu imma hija wkoll l-istedina għall-magħmudija. It-tnax-il appostlu ma kellhomx bżonn tas-sagramenti. Għax is-sagrament kbir tagħhom kien il-laqgħa fiżika, personali, intima ma’ Ġesù. Imma Pawlu l-Appostlu Missierna, bħalna, kellu jikkonferma l-laqgħa tiegħu permezz tal-magħmudija. Kienet il-magħmudija li Pawlu l-Appostlu Missierna ħelsitu minn dnubietu. Aħna ngħatajna l-magħmudija u s-sagrament tal-qrar, li huwa mod ieħor kif aħna fit-triq tagħna tad-dgħufija u tad-dnub, ninħallu minn dnubietna.

Illum, għalhekk nirringrazzjaw lil Alla, mhux biss tad-don tal-konverżjoni tal-Appostlu Missierna, imma wkoll tal-fatt li l-Mulej li poġġa fil-Knisja, din il-qawwa tad-dixxerniment. Huwa Ħananija li lill-Appostlu Missierna jgħidlu s-sinifikat profond ta’ dak li ġara minnu u l-missjoni li kellu.
Ġesù stess jgħidlu: “Mur Damasku. Hemm jgħidulek kulma għandek tagħmel” (Atti 22:10). Għax il-missjoni ta’ kull wieħed u waħda minna, tgħaddi mill-Knisja; ngħixuha fil-Knisja; hija għall-ġid tal-Knisja u għall-glorja ta’ Alla. L-Appostlu Missierna wkoll kellu din ix-xorti li jindikalna t-triq li mbagħad twasslilna għaliex il-Mulej qallu: ‘Hemm bżonn taħbtu ma’ gżira’ (Atti 28:26). Kienet il-providenza ta’ Alla, il-bżonn, id-deċiżjoni tal-Mulej, li jlaqqgħu magħna jew ma’ missirijietna; u lilna jagħtina wkoll dik il-qawwa li poġġa l-Mulej fil-Knisja tiegħu. ‘Ħu d-dawl… għaraf ir-rieda ta’ Alla… ixhed għall-Mulej’. Dan il-kliem, illum, il-Mulej jgħidu lili u lilek.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 8:23b – 9:3
Responsorju: S 26 (27):1,4,13-14
Qari II: 1 Kor 1:10-13,17
L-Evanġelju: Mt 4:12-23





