
Il-messaġġ tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Fil-ħajja ta’ kull djoċesi Kattolika, hemm mumenti li jagħtu spinta ġdida lill-ħajja tal-Poplu ta’ Alla. Wieħed minn dawn il-mumenti li jgħin f’dan hu bla dubju l-Assemblea Djoċesana – esperjenza ta’ fidi li tfisser ħafna aktar minn laqgħa jew diskussjoni dwar affarijiet amministrattivi. Huwa żmien ta’ smigħ u dixxerniment, fejn il-Knisja lokali tfittex li tisma’ x’qed jgħidilha l-Ispirtu s-Santu, u għalhekk dak li jrid Alla minnha fi żmienna u fis-snin li ġejjin.
L-Assemblea fl-Arċidjoċesi ta’ Malta se ssir, bħalma ssir kull sena, matul il-ġimgħa li twassal għas-solennità ta’ Kristu Re – nhar il-Ħamis 20 ta’ Novembru u l-Ġimgħa 21 ta’ Novembru 2025, fis-6:30pm, fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana. It-tema hija: “Il-Knisja f’Malta llum: Komunjoni, Parteċipazzjoni, Missjoni”.
Storja ta’ sinodalità
Kien wara s-Sinodu Djoċesan, li sar bejn l-1999 u l-2003, li bdiet tiltaqa’ għall-ewwel darba, assemblea djoċesana. Fil-fatt kien proprju fl-2004 li saret l-ewwel Assemblea Djoċesana, presjeduta mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca, u bil-parteċipazzjoni ta’ persuni ġejjin minn oqsma differenti tal-Knisja f’Malta.
L-Assemblea Djoċesana baqgħet issir regolarment kull sena, taħt it-tmexxija tal-Arċisqof Pawl Cremona OP u l-Arċisqof Charles J. Scicluna, u ssir fuq jumejn. Kien biss fiż-żmien tal-pandemija li l-Assemblea ħadet xejra oħra u saret bil-parteċipazzjoni online minħabba ċ-ċirkustanzi ta’ dak iż-żmien.
Żmien ta’ smigħ u dixxerniment
Kull assemblea djoċesana tibda mis-smigħ. Il-Knisja, li timxi fuq il-passi ta’ Ġesù, trid tkun Knisja li tisma’: tisma’ lill-Mulej, imma wkoll lill-poplu tagħha. F’laqgħa bħal din, il-parteċipanti – saċerdoti, reliġjużi, lajċi, fosthom membri ta’ diversi għaqdiet u movimenti – iġibu magħhom il-ħajja ta’ kuljum tal-komunitajiet tagħna: il-ferħ, it-tbatijiet, l-isfidi u l-ħolm.
Meta dawn il-vuċijiet jiltaqgħu, il-Knisja tagħmel esperjenza qawwija ta’ dak li hi msejħa li tkun: Poplu ta’ Alla li jisma’ flimkien. Mhix kwistjoni ta’ min għandu raġun jew min għandu l-aħħar kelma, imma ta’ smigħ fidil tal-Ispirtu li jitkellem permezz tal-esperjenzi ta’ kulħadd. Hi esperjenza ta’ sinodalità. Hekk kif fisser b’mod ċar il-Papa Franġisku, is-sinodalità mhix parlament jew diskors ta’ politika; hija mixja flimkien, fejn kulħadd jisma’ lill-Ispirtu s-Santu.
Meta n-nies minn realtajiet differenti jiltaqgħu madwar l-Isqof, isir iktar ċar li l-Knisja mhix biss il-ġerarkija jew xi ftit mexxejja, imma komunità ħajja ta’ wlied Alla li jimxu flimkien.
L-Assemblea Djoċesana ssir għalhekk esperjenza ta’ dixxerniment komunitarju, fejn il-Knisja tistaqsi: “Mulej, xi trid minna llum?”
Sinjal ta’ unità u komunjoni
L-Assemblea Djoċesana hija wkoll sinjal qawwi ta’ unità u komunjoni. Il-Konċilju Vatikan II ifakkarna li l-Isqof hu l-prinċipju viżibbli ta’ din l-unità fid-djoċesi, iżda din l-unità titwettaq meta l-poplu kollu jħossu responsabbli flimkien miegħu – koresponsabbli – għall-missjoni tal-Knisja.
Meta n-nies minn realtajiet differenti jiltaqgħu madwar l-Isqof, isir iktar ċar li l-Knisja mhix biss il-ġerarkija jew xi ftit mexxejja, imma komunità ħajja ta’ wlied Alla li jimxu flimkien. L-Assemblea tgħin lil kulħadd jifhem li dak li nagħmlu fil-parroċċa, fil-kongregazzjoni, jew fil-għaqda, moviment jew grupp tagħna jagħmel parti minn ħidma usa’, minn missjoni komuni.
Din il-komunjoni tgħin ukoll biex negħlbu kull sens ta’ individwaliżmu jew kompetizzjoni, u flokhom nibnu ħajja aktar magħquda u fraterna.
Valutazzjoni u tiġdid pastorali
Hu importanti li l-Knisja kontinwament tevalwa kif qed twettaq il-missjoni tagħha. L-Assemblea Djoċesana hi waħda mill-aħjar opportunitajiet biex dan iseħħ b’mod komunitarju u miftuħ.
Il-parteċipanti jistgħu jħarsu lejn il-ħidma preżenti, u tal-aħħar snin, u jagħmlu valutazzjoni tagħha: X’qed jagħti frott? X’għandu bżonn jiġġedded? L-Ispirtu fejn qed jiftħilna toroq ġodda?
Dawn il-mumenti ma jiġux trattati bħala xi ħaġa formali jew burokratika, imma bħala esperjenza ta’ tiġdid spiritwali u pastorali. L-Assemblea tistedinna nħallu warajna mentalità ta’ manutenzjoni, jew mentalità ta’ “għax dejjem hekk sar”, u nħaddnu spirtu ġdid ta’ evanġelizzazzjoni u ħidma ħajja. Tistedinna nsiru Knisja li tilqa’, li takkumpanja, li toħroġ, li tfittex lil min jinsab ’il bogħod.
Din is-sena, l-Assemblea Djoċesana se tkun parti importanti mill-proċess biex is-sena d-dieħla jkun hemm Pjan Pastorali ġdid għall-Arċidjoċesi ta’ Malta, li jkompli jibni fuq dak li sar tul l-aħħar snin b’ispirazzjoni tad-dokument impenjattiv għat-tiġdid ekkleżjali Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed. Hu l-Vigarjat Episkopali għall-Koordinament Pastorali li qed imexxi l-proċess bi tħejjija għal dan il-Pjan.
Koordinazzjoni u kollaborazzjoni fil-missjoni
Wieħed mill-ikbar frott ta’ Assemblea Djoċesana hu l-għaqda fil-ħidma. Din tkun opportunità biex il-parroċċi, il-kongregazzjonijiet reliġjużi u l-movimenti u l-għaqdiet jikkoordinaw flimkien, jaqsmu l-esperjenzi u jfasslu pjan komuni għall-ġejjieni.
L-Assemblea twassal għal linji gwida jew direzzjonijiet pastorali li jispiraw il-ħidma djoċesana kollha. Imma l-iktar ħaġa importanti hi li dawn ikunu frott ta’ smigħ u diskussjoni komunitarja, li jwasslu għal missjoni komuni.
Meta s-saċerdoti, il-lajċi u r-reliġjużi jaħdmu flimkien bħala msieħba fil-missjoni, il-ħidma tal-Knisja ssir aktar ħajja. Hekk naraw fil-prattika dak li jgħid il-Konċilju Vatikan II: li kulħadd hu msejjaħ biex jagħti sehmu fil-missjoni tal-Knisja.
Esperjenza ta’ talb u tama
Il-qalba ta’ kull Assemblea Djoċesana għandha tkun it-talb. Mingħajru, hemm dejjem ir-riskju li jsir eżerċizzju ta’ rapporti jew strateġiji waħedhom. Imma meta kollox jitnissel mit-talb, mill-Ewkaristija, u mis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, l-Assemblea ssir mument ta’ grazzja u tama, u tagħraf tuża r-rapporti u l-istrateġiji, li huma meħtieġa ħafna, fid-direzzjoni t-tajba.
It-talb jgħinna niftakru li l-futur tal-Knisja ma jinbeniex fuq il-pjanijiet tagħna l-ewwel, imma fuq il-fedeltà ta’ Alla. Hu jagħti l-frott, hu jmexxi lill-poplu tiegħu, u l-pjanijiet tagħna huma t-tweġiba tagħna għal dak li jrid hu. L-Assemblea Djoċesana ssir allura bħal Pentekoste ġdid, fejn l-Ispirtu jġedded il-qalb tal-komunitajiet u jqanqal fiha ħeġġa ġdida għall-missjoni.
L-Assemblea Djoċesana hija għalhekk mument ta’ grazzja u tiġdid. Hija stampa ħajja tal-Knisja li tfittex li tgħix f’komunjoni, parteċipazzjoni u missjoni – it-tliet kelmiet li l-Papa Franġisku kien iħobb isejħilhom il-pedamenti tas-sinodalità.
Hija opportunità biex il-poplu kollu ta’ Alla – saċerdoti, reliġjużi u lajċi – jerġa’ jiskopri l-għaqda tiegħu ma’ Kristu u mal-missjoni li fdalna hu: li nkunu xhieda tal-Evanġelju fis-soċjetà Maltija llum.
Meta tgħix bi spirtu ta’ talb u b’qalb miftuħa għall-Ispirtu s-Santu, l-Assemblea Djoċesana ssir esperjenza ta’ Knisja ħajja, li tfittex flimkien it-triq tal-Mulej u li timxi b’pass wieħed wara Kristu – it-Triq, il-Verità u l-Ħajja.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju
Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fuq ‘Il-Leħen’ fid-9 ta’ Novembru 2025




