Il-Knisja f’Malta tifraħ lil Fr Fabio Attard SDB li nħatar bħala l-11-il suċċessur ta’ Don Bosco fil-missjoni pastorali tiegħu ta’ Rettur Maġġur tal-Konkregazzjoni Salesjana.

F’dan il-mument tant sabiħ għall-Knisja f’Malta u għall-Knisja Universali, nitolbu għal Fr Fabio f’din il-missjoni ġdida ta’ ragħaj fdata lilu f’136 pajjiż madwar id-dinja.

F’telefonata ma’ Fr Fabio ftit wara t-tħabbira tal-ħatra tiegħu, l-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof Awżilarju Joseph Galea-Curmi awgurawlu għal din il-ħidma l-ġdida u wegħduh is-sapport u t-talb tal-Knisja f’Malta.

Fost il-bosta esperjenzi teoloġiċi, pastorali u akkademiċi tiegħu, Fr Fabio kien ukoll l-ewwel direttur tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali li twaqqaf bħala risposta għas‑sejħa li ħarġet mis‑Sinodu Djoċesan tal‑2003 sabiex tiġi promossa u kkoordinata l‑formazzjoni tal‑Insara fl-Arċidjoċesi ta’ Malta.