Bejn nhar it-Tnejn 28 ta’ April u l-Ġimgħa 2 ta’ Mejju 2025, ġie ċċelebrat il-71 Kapitlu Provinċjali Ordinarju Elettiv tal-Aħwa Kapuċċini Maltin.
Dan il-Kapitlu sar fil-kunvent tas-Salib Imqaddes, fil-Furjana u għalih attendew 45 Aħwa Kapuċċini.
Matul din il-ġimgħa l-Aħwa Kapuċċini kellhom iċ-ċans li flimkien jitolbu, jiddiskutu u anke jfasslu programm għall-futur tal-Provinċja tagħhom. F’dan il-Kapitlu presedut mill-Kunsillier Ġenerali tal-Ordni tal-Kapuccini, Patri Maurizio Placentino saru wkoll l-elezzjonijiet tal-Ministru Provinċjali u anke tal-Kunsill tiegħu ghal dawn it-tlett snin li ġejjin.
Fl-elezzjonijiet li saru ġew magħżula: Patri Ivan Scicluna bħala Ministru Provinċjali, Br Miguel Zammit bħala Vigarju Provinċjali u Patri Elmar Pace, Patri Mark Scicluna u Patri Jethro Bajada bħala Kunsilliera.
Dawn il-jiem servew ukoll biex dawn l-Aħwa miġbura lkoll flimkien jismigħu dwar dak kollu li sar matul dawn it-tlett snin u flimkien jevalwaw il-ħidma tagħhom u anke jgħixu mumenti ta’ fraternità.
Nitolbu lil Alla sabiex il-ħidma kollha li saret matul din il-ġimgħa tħalli sew il-frott mixtieq!