
Caritas Malta tħabbar li l-pubblikazzjoni INĦOBBKOM, ktieb li jiċċelebra l-ħajja ta’ Monsinjur Victor Grech, ġie stampat għat-tieni darba f’inqas minn xahar.
F’Ottubru li għadda Caritas Malta nediet din il-pubblikazzjoni li tiġbor fiha kitbiet minn staff, voluntiera, klijenti, parruċċani li kienu qribu mill-parroċċa tal-Ibraġ, 60 paġna ta’ ritratti esklussivi, l-aħħar intervista li Monsinjur Victor Grech ta lill-editur tal-ktieb Joe Cassar u l-aħħar kapitlu dwar il-Funeral organizzat mill-Istat b’kollaborazzjoni mal-Kurja tal-Arċisqof u Caritas Malta.
It-tnedija saret fit-18 ta’ Ottubru fejn sal-ewwel ġimgħa ta’ Novembru, l-elf ktieb stampat spiċċaw kollha.
Peress li għad hawn domanda kbira għal din il-pubblikazzjoni, Caritas għamlet l-arranġamenti biex tistampa iktar kotba li jaslu għand Caritas Malta fl-aħħar ta’ din il-ġimgħa. Dan kien possibbli grazzi għall-PG Plc, PAVI/PAMA u ZARA HOME, li daħħlu għall-ispejjeż tal-istampar. Din hi l-aħħar darba li dan il-ktieb se jkun pubblikat, għalhekk tħeġġeġ lil dawk li għadhom ma akkwistawhx biex jordnaw il-kopja tagħhom minn issa.
Caritas Malta tħabbar ukoll li nhar il-Ħadd li ġej, 30 ta’ Novembru, voluntiera ta’ Caritas Malta se jkunu fuq iz-zuntier tas-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu, f’Għawdex, bejn l-10am u s-1pm biex l-Għawdxin li jixtiequ jiksbu kopja ta’ dan il-ktieb ikunu jistgħu jagħmlu b’mod aktar faċli għalihom.
Caritas Malta tieħu l-opportunità tirringrazzja lill-pubbliku li wera interess f’din il-pubblikazzjoni, li tista’ tiġi akkwistata b’donazzjoni ta’ €30.
Min hu interessat jista’ jidħol fis-sit caritas.malta.org biex jakkwista kopja ta’ INĦOBBKOM. Għall-iktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 2219 9000




