• Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna


  • Taħt il-pont tal-Kappara, il-Gżira

    22 ta’ Mejju 2019

    Nixtieq insellem lill-persunalitajiet distinti, lill-Ministru, lir-Rispettabbli Sindku, lilek għażiż Kappillan Dun Karm Tanti u anke lil Fr Vince. Lis-Sur John Lauria nirringrazzjah tal-inizjattiva li ħa 30 sena ilu. Proprju 30 sena wara l-ewwel niċċa modesta u umli, qegħdin ninawguraw dan—ippermettuli nsejjaħlu—kapolavur ta’ arkittettura. Din hi verament xi ħaġa sabiħa ħafna li tagħmel unur ukoll lil din il-lokalità.

    Nixtieq nirringrazzja lis-Sindku ta’ din l-inizjattiva, imma wkoll lill-awtoritajiet tal-permessi meħtieġa u tal-inizjattiva. Nirringrazzjak Ministru, tax-xogħol li qed isir. Jekk hemm xi ħaġa li hija tassew għal kulħadd huma t-toroq. Għaliex it-triq ma tistaqsikx min int qabel ma tgħaddi minnha, u hekk għandu jkun. Ministru, inti qed tagħti struttura li jgawdi minnha tassew kulħadd u nawgurawlek ħafna fix-xogħol tiegħek.

    Illum qegħdin hawnhekk biex nirringrazzjaw lil Alla ta’ tant inizjattivi u doni li jiġu flimkien u joħolqu sinerġija flimkien u kważi sinfonija, u dan għandu jfakkarna fil-ħarsien ta’ Ommna. Aħna l-Maltin tgħallimna kemm il-Madonna tieħu ħsiebna. Din mhjiex xi ħaġa tal-antik biss għax aħna llum qed ninawguraw niċċa ġdida għax nemmnu li l-ħarsien tal-Madonna għandna bżonnu u li jibqa’ magħna.

    Ma nibżgħux, kulħadd għandu d-dgħufija tiegħu, id-dnubiet tiegħu.

    Ix-xbieha qaddisa tal-Madonna ta’ Lourdes tfakkarna wkoll fl-istedina tal-Madonna hi u tkellem lil Bernadette Soubirous biex aħna nersqu lejn binha. Ma nibżgħux, kulħadd għandu d-dgħufija tiegħu, id-dnubiet tiegħu. Ma nibżgħux nersqu lejn binha. Il-Madonna talbet li jsiru purċissjonijiet u li tinbena knisja. Għall-grazzja  ta’ Alla f’Malta d-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Lourdes daħlet kmieni, imma l-Gżira hi wkoll marbuta mal-qima lill-Madonna. Aħna nafuha bħala l-Madonna tal-Ġebla imma kienet il-Madonna tal-Karmnu li permezz tagħha bqajna niftakru f’xi ħadd li bi ħmerija pprova jkasbarha. Il-Madonna taf tbiddel in-nuqqasijiet tagħna f’okkażjoni tat-tajjeb u dan hemm bżonn nitgħallmuh. Il-Madonna u binha dejjem ifittxu li jkunu għajn ta’ ġid u barka, bħalma kien iħobb jgħid San Ġorġ Preca: “Ġid lil kulħadd, deni lil ħadd”.

    … hu importanti ħafna li ma nitilfux l-għeruq tagħna.

    Jiena nixtieq li nitolbu biex kull min juża’ t-toroq, ikollu l-protezzjoni tal-Mulej u jkollu s-sens ta’ responsabbiltà li fit-triq trid tieħu ħsieb lil ħaddieħor ukoll. Imma nixtieq ukoll li nitolbu għal kull min ħadem, mill-kbir saż-żgħir nett, biex ikollna toroq ġodda u sbieħ u infrastruttura aħjar. Imma hu importanti ħafna li ma nitilfux l-għeruq tagħna. Dan il-bini (in-niċċa) huwa sinjal ċar: hemm l-iżvilupp imma qed inħarsu wkoll lejn l-għeruq tagħna. Kemm hi ħaġa sabiħa li dawn iż-żewġ affarijiet jimxu flimkien għax jalla l-ġid, imma tajjeb nibqgħu niftakru wkoll li s-siġra tagħmel il-frott u jkollha weraq sabiħ, imma l-għeruq li ma narawx huma importanti. Huwa tajjeb li qed nieħdu ħsieb ukoll l-ambjent mibni, imma l-ambjent iqarribna wkoll lejn Alla.

    Jiena nawguralkom ħafna li mhux biss ingawdu dan il-monument ta’ devozzjoni imma wkoll nikbru fl-għaqda ta’ bejnietna u ngawdu l-ġid billi naħsbu dejjem f’xulxin. Grazzi.

     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta