L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (Ġw 15:12). Dan hu li jgħid Ġesù lid-dixxipli tiegħu fl-Evanġelju skont San Ġwann, u jirrepeti dan darbtejn, kemm fil-bidu u fl-aħħar ta’ din is-silta.
Nixtieq li niftakru ftit meta qalu dan il-kliem. Qalu fl-Aħħar Ċena, meta diġà kien qed jara għalxiex dieħel – il-passjoni u l-mewt – u qed jitkellem ma’ nies li kważi kollha, ħlief wieħed, ma kinux se jkunu qrib tiegħu f’dak li kien se jgħaddi minnu. Fost in-nies fl-Aħħar Ċena, kien hemm wieħed li se jittradih, ieħor li se jiċħdu, u ħafna minnhom li se jabbandunawh. U safrattant, minkejja dan kollu, u minkejja li jaf li ftit mumenti oħra dieħel għall-passjoni u l-mewt, Ġesù ikellimhom fuq l-imħabba. U jgħidilhom li dan hu l-kmandament li qed jagħtihom: li jħobbu lil xulxin. Nifhmu, għalhekk, il-piż tal-kliem tiegħu, u kemm hu importanti meta nindunaw f’liema ambjent. Dan mhux qed jara minn qabel li se jkun f’okkażjoni sabiħa ta’ ċelebrazzjoni, ma’ nies li jħobbu lil xulxin, jiftiehmu, u qed ikellimhom fuq l-imħabba; dan qed jara diġà għalxiex dieħel, it-tbatija li se jgħaddi minnha, u jkellimhom fuq l-imħabba!
Nixtieq li nieqfu fuq dan il-kliem tiegħu, meta jgħid: “Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien”. L-ewwel ħaġa li tolqotna żgur hu kif jitkellem fuq il-“kmandament”. Mela l-imħabba tista’ tikkmandaha? Hawn Ġesù qed jgħid xi ħaġa importanti għalina dixxipli tiegħu. Meta qed jgħid “kmandament”, ifisser li din mhix optional – nagħżel jien insegwix jew le, nagħżel jien lil min inħobb u li min nobgħod! Ġesù qed jgħid li l-imħabba għandha tkun fil-qalba tal-ħajja tagħna bħala Nsara. u li tkun l-imħabba li tmexxina. Għalhekk “kmandament”, mhux għal l-imħabba tista’ tikkmandaha. Imma qed jgħidilna: l-imħabba mhix xi ħaġa li nistgħu nagħżlu li nagħmlu jew le. Irridu naraw li l-imħabba tkun li tmexxina fil-ħajja tagħna, u tkun il-karatteristika tagħna. Għalhekk fl-istess diskors Ġesù jgħid: “Minn dan jagħrfukom li intom dixxipli tiegħi: jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13:35).
Imbagħad Ġesù jgħid xi ħaġa importanti ħafna wkoll, meta jgħid kif għandna nħobbu: “kif ħabbejtkom jien”. Hawn qed jgħid xi ħaġa iktar minn dak li kienu midħla tiegħu d-dixxipli. Huma kien jafu – dan insibuh fit-Testment il-Qadim – il-kmandament “ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Dak diġà huwa pass, jiġifieri: il-ġid li tixtieq lilek innifsek agħmlu lil għajrek, u tagħmilx id-deni lil għajrek li ma tixtieqx għalik innifsek. Imma Ġesù qed jgħid aktar hawn: “kif ħabbejtkom jien”. U kif ħabbna hu? L-imħabba tiegħu kienet għal kulħadd – mhux tagħżel lil min tħobb. L-imħabba tiegħu kienet tfisser li jagħmel il-ġid, u ji tfittex lil dawk li huma mwarrbin, abbandunati, li huma waħedhom, li għaddejjin min tbatija. L-imħabba tiegħu kienet mingħajr kundizzjoni: mhux inħobbok għax se nieħu xi ħaġa minn għandek. L-imħabba tiegħu kienet ukoll maħfra: li taħfer lil min jagħmillek il-ħsara. L-imħabba tiegħu kienet servizz, u servizz umli. Fil-fatt, fl-istess ċirkustanza fl-Aħħar Ċena, ftit qabel din is-silta, Ġesù kien niżel jaħsel saqajn id-dixxipli, biex jagħtihom dan il-messaġġ: din hi l-imħabba – l-imħabba hija servizz.
Għalhekk hawnhekk imbagħad jgħidilhom: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:13). Dan kif kien se jagħmel hu ftit iktar tard fuq is-salib, imma kif għamel ukoll fil-ħajja kollha tiegħu. Fil-fatt, meta naqraw dan il-kliem, li “wieħed jagħti ħajtu”, jiġuna f’moħħna l-martirju, tant martri fl-Istorja tal-Knisja, kemm fil-bidu tagħha imma anke fi żmienna, li taw ħajjithom biex jibqgħu fidili lejn Ġesù. Imma hawn Ġesù qed jgħid: tagħti ħajtek mhux biss meta jkun hemm martri f’dak is-sens, imma wkoll tagħti ħajtek ifisser li kuljum ħajtek tgħixha bħala għotja ta’ mħabba lill-oħrajn. Din differenti ħafna minn kultant aħna nisimgħu, jew ikollna t-tendenza li nfittxu lilna nfusna, dak li jaqbel għalina, dak li nistgħu niggwadanjaw minnu, l-interessi tagħna. Ġesù qed jgħid: tagħti ħajtek tfisser għotja. Għandna ħafna eżempji sbieħ. Niftakru, per eżempju, f’tant ġenituri, omm u missier, li jagħtu ħajjithom għal uliedhom; u tant nies li jagħżlu li jiddedikaw ħajjithom għal dawk li huma fil-bżonn. Kemm għandna eżempji sbieħ ta’ dan il-kliem ta’ Ġesù: li l-imħabba tfisser li tagħti ħajtek!
Hu kliem sabiħ li qed jgħid Ġesù hawnhekk. Jgħid ħaġa interessanti wkoll meta jgħid: “Ma nsejħilkomx aktar qaddejja… Sejjaħtilkom ħbieb” (Ġw 15:15). Dan għaliex Ġesù ma jridx li nħarsu lejh qisna aħna skjavi tiegħu, u li nagħmlu nagħmluh għax nibżgħu, imqanqlin mill-biża’. Imma ħbieb, għax dak li nagħmlu għandna nagħmluh immexxijin mill-imħabba. Nitolbu lill-Mulej dil-grazzja llum, ispirati mill-Kelma sabiħa tiegħu, li l-imħabba tkun verament dik li tmexxina fil-ħajja tagħna, fil-qalba tal-ħajja tagħna. U li tgħinna biex imbagħad, kif isemmi Ġesù lid-dixxipli tiegħu, il-ħajja tagħna tagħmel ħafna frott, li jkun tassew frott tal-imħabba għal ħafna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta