-
-
Illum qed jiġi ċelebrat għall-ewwel darba l-jum internazzjonali li jfakkar il-vittmi ta’ atti ta’ vjolenza minħabba r-reliġjon jew twemmin, wara li ġie rikonoxxut uffiċjalment waqt l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda f’Mejju li għadda.
F’intervista fuq 103FM, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi tkellem dwar l-importanza ta’ din il-ġurnata biex tkabbar l-għarfien dwar il-qagħda ta’ dawk in-nies li huma ppersegwitati madwar id-dinja.
“Importanti li aħna nkunu nafu kemm nies ibatu minħabba r-reliġjon u t-twemmin tagħhom, u speċjalment ukoll kemm Insara, kemm Kristjani jbatu u jiġu ppersegwitati. Fil-fatt bħalma tispjega l-Aid to the Church in Need (ACN), li hija Fondazzjoni Internazzjonali Pontifiċja Kattolika li ilha iktar minn 70 sena tgħin lill-Kristjani li jbatu u jiġu ppersegwitati, il-vjolenza kontra l-Kristjani llum hija partikolarment preżenti f’diversi postijiet u sal-lum huwa l-ikbar gupp reliġjuż li jaffaċċja persekuzzjoni,” spjega l-Isqof Galea-Curmi.
L-Isqof żied jgħid kemm hu importanti li din il-ġurnata toħloq kuxjenza u għarfien dwar x’qed jiġri madwar id-dinja matul is-sena kollha u mhux illum biss.
“Li toħloq kuxjenza huwa l-ewwel pass biex din l-persekuzzjoni tispiċċa, biex tonqos, u anke biex jittieħdu l-miżuri neċessarji biex tkun t’għajnuna għal dawn il-Kristjani li jsofru l-persekuzzjoni. Dan huwa l-jum li jgħinna proprju għalhekk. Nagħmlu tajjeb, bħalma tħeġġiġna l-ACN, li nkomplu nkunu konxji biex jikber l-għarfien fuq il-qagħda ta’ dawk in-nies li huma ppersegwitati madwar id-dinja u naraw b’liema mod nistgħu nagħtuhom appoġġ biex jissaħħu fil-fidi u biex f’sitwazzjonijiet bħal dawn ikomplu jgħixu b’tama.”
-