• Il-Grupp Kultura Marjana twaqqaf bl-iskop li jħeġġeġ fil-membri l-imħabba lejn Marija u l-apprezzament għad-devozzjoni Marjana kif espressa fil-kultura Maltija, speċjalment fil-patrimonju artistiku li għandna. Għalhekk isiru żjarat lil diversi santwarji Marjani f’Malta u f’Għawdex, li għandhom tant espressjonijiet sbieħ ta’ mħabba lejn Marija.

    Illum nirringrazzjaw lil Alla ta’ dawn is-sittin sena tal-Grupp Kultura Marjana, li twaqqaf fl-1958 u beda jaħdem uffiċjalment bl-ewwel statut tiegħu f’Lulju tal-1959. F’din iċ-ċelebrazzjoni qed ngħidu grazzi wkoll għas-servizz li ta għal snin twal il-Kanonku Ġwann Ciarlò bħala direttur spiritwali tal-Grupp, kif ukoll nagħtu merħba lid-direttur spiritwali ġdid, il-Kanonku Stefan Galea.

    ‘Kultura Marjana’ ma tfissirx biss il-patrimonju artistiku ta’ devozzjoni lejn Marija. Tfisser ukoll li nkunu fl-iskola ta’ Marija b’mod li jkollna l-istess spirtu ta’ Marija. Naf li intom tieħdu b’serjetà t-talb u r-riflessjoni fuq Marija, u għalhekk nixtieq li nqiegħed quddiemkom ħames punti li naraw fil-ħajja ta’ Marija, f’episodji differenti, u li nistgħu ngħixu aħna wkoll biex inkunu tassew qegħdin inwasslu kultura Marjana.


    Tiftaħ qalbek

    Marija hi dik li tiftaħ qalbha għal Alla. Fil-ġrajja tat-Tħabbira tal-Mulej, meta l-anġlu Gabriel iwasslilha s-sejħa biex tkun omm Ġesù, Marija twieġeb: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa  jsir minni skont kelmtek”. Ma kinetx qed tistenna aħbar bħal dik, mhux kollox fehmet, kellha l-mistoqsijiet tagħha, imma kellha qalbha miftuħa għal dak li jrid Alla u għalhekk aċċettat. Il-messaġġ li tagħti lilna hu biex aħna wkoll f’ħajjitna jkollna qalbna miftuħa għalih. Meta ngħixu hekk, inkunu tassew midħla ta’ dak li tfisser il-kultura Marjana.


    Tferraħ

    Marija hi dik li tferraħ. Naraw dan b’mod sabiħ meta hi żżur lil qaribha tagħha Eliżabetta. Din tgħidilha: “Malli smajt leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija qabżet bil-ferħ fi ħdani”. Il-preżenza ta’ Marija ġġib il-ferħ. Hu ferħ li ġej mill-imħabba ta’ Alla f’ħajjitha – “l-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi” – li mbagħad hi xxerred madwarha. Aħna msejħin biex inkunu, bħal Marija, preżenza li tferraħ. Kif iħeġġiġna Papa Franġisku, ikollna f’qalbna l-ferħ tal-Evanġelju u nwassluh lill-oħrajn.


    Tkun sensittiv

    Hemm ġrajja partikulari li turi s-sensitività kbira ta’ Marija. Kienet mistiedna għat-tieġ f’Kana u filwaqt li kulħadd għaddej jiċċelebra, hi tinduna li hemm xi ħaġa li sejra ħażin. Għalhekk bi ftit kliem tgħid lil Ġesù: “M’għandhomx inbid”. Tinterċedi għall-għarajjes u tagħmel dan bl-iktar mod diskret u kwiet, imma b’sensitività kbira. Titfa’ l-attenzjoni mhux fuqha, imma fuq Ġesù, għax hi dejjem dik li twassal lill-oħrajn għandu: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu”. U Ġesù għall-kelma tagħha, jibdel l-ilma f’inbid u jsolvi sitwazzjoni imbarazzanti għall-koppja. Inkunu nsegwu lil Marija meta nuru sensitività lejn l-oħrajn u nagħrfu l-ħtiġijiet tagħhom, u naħdmu fis-skiet imma b’mod effettiv biex nieqfu ma’ dawk li huma fil-bżonn.


    Taqsam it-tbatija

    Marija taħt is-salib hi dik li qed taqsam it-tbatija ta’ binha Ġesù. F’ħajjitha, Marija għaddiet minn diversi esperjenzi ta’ tbatija sa minn qabel twieled Ġesù. Qasmet ukoll it-tbatija tiegħu u, speċjalment fil-passjoni tiegħu, hi kienet wieqfa hemm. Ma nisimgħux kliem tagħha, imma hi preżenti hemm b’solidarjetà ma’ binha. Marija tgħallimna kif naqsmu mal-oħrajn it-tbatija li jgħaddu minnha. Turina li l-importanti mhux il-ħafna kliem, li ġieli jkun kliem żejjed, imma li nkunu hemm. Kultant, meta tmur l-isptar u żżur lil xi ħadd li jkun qed ibati ħafna, tibda taħseb: “X’se naqbad ngħid?” U tinduna li hemm mumenti meta m’hemmx wisq x’tgħid, imma hi l-preżenza li titkellem waħedha – preżenza mimlija mħabba li taqsam it-tbatija.


    Iġġib l-għaqda

    Fil-bidu tal-Knisja, Marija kienet mal-appostli miġbura fiċ-ċenaklu. Il-preżenza tagħha kienet iġġib l-għaqda fil-Knisja. Ġesù kien taha lil Ġwanni bħala omm, u hu mhux biss “ħadha għandu” imma ħadha għand id-dixxipli l-oħra fi ħdan il-Knisja biex tkun omm li tgħaqqad il-familja ta’ Alla. Dik li tul ħajjitha kollha kienet iġġib l-għaqda kellha tkun l-għajn tal-għaqda fil-komunità ekkleżjali tal-bidu. Inkunu tassew qed ngħixu kultura Marjana meta aħna nkunu preżenza li ġġib l-għaqda. Din hi sfida għalina fi żminijietna, meta ssib min għandu l-kilba għall-konflitt, għat-tilwim, għall-kliem li jweġġa’ u joħloq diviżjoni kultant fil-komunitajiet tagħna stess. Marija tinkoraġġina biex inkunu dejjem strumenti ta’ għaqda.

    Nitolbu lill-Marija biex ikunu ħafna dawk li fil-Grupp Kultura Marjana jsibu l-għajnuna ħalli filwaqt li japprezzaw il-wirt artistiku Marjan, jgħixu dejjem aktar ħajjtihom bl-istil ta’ Marija.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju