L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“M’intix ’il bogħod mis-saltna ta’ Alla” (Mk 12: 34). Ġesù jgħid hekk lil dan l-għaref tal-liġi, dan il-kittieb, li rah kemm kien wieġeb bil-għaqal meta aċċetta l-parir ta’ Ġesù li jekk trid tifhem il-qofol tal-liġi, hemm kelma waħda biss: l-imħabba. “Mgħallem, għandek raġun tgħid li wieħed hemm kmandament u m’hemmx ieħor ħliefu. Iva li tħobb lilu,” lill-Mulej, “b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, bil-qawwa tiegħek kollha u tħobb lill-għajrek bħalek innifsek, huwa l-aqwa, aqwa minn kull sagrifiċċju” (Mk 12:32-33).

Aħna wkoll ġejna għas-sagrifiċċju tal-quddiesa u l-Mulej kemm-il darba jinsisti li dak li nagħmlu ikun fqir tassew. L-ewwel nett għax diġà huwa fqir, għax aħna midinbin u dgħajfin, u qatt mhu se nagħtu ġieħ lill-Mulej kif jistħoqqlu – imma jkun fqir ħafna jekk f’ħajjitna ma nippruvawx insejsu kollox fuq il-kelma ‘imħabba’; imħabba għalik innifsek li tieħu ħsieb tiegħek innifsek, imħabba għall-proxxmu, u mħabba għall-Mulej li ħalqek. Imħabba għalik innifsek? Ħabib, jekk inti tagħtiha għad-droga mhux qed tħobb lilek innifsek, anzi qed teqred lilek inifsek. Aħsibha tajjeb! Min mingħalih biex ikollu xi muskoli żejda jieħu l-isteroids, per eżempju, mhux qed iħobb lilu nnifsu. Forsi qed iħobb immaġini, xbieha illużorja tiegħu nnifsu, imma mhux ħabib tiegħu nnifsu. Aħsibha tajjeb! Hekk hu ukoll għall-proxxmu tagħna u anke bejnietkom.

X’inhi r-regola li tiġbor ir-regoli kollha anke l-awtorità fl-armata? Jekk l-armata tneħħilha d-dixxiplina u ċ-chain of command, jispiċċa kollox, jisfaxxa kollox. Imma wara kull ħsieb, wara kull ordni, meta nsarrfu kollox, irridu naslu għall-kelma ‘imħabba’: imħabba għall-pajjiż, imħabba għall-armata, u mħabba għal xulxin. Għax eżerċitu mifni fih innifsu bl-għira, bil-pika, u bid-diskriminazzjoni għax wieħed iħares lejn il-kulur u mhux lejn il-kapaċitajiet, jisfaxxa wkoll għaliex l-imħabba tfisser ukoll ġustizzja, fairness, kif nitrattaw bejnietna lil xulxin, u kif nitkellmu fuq xulxin. Il-fatt li wieħed ma jridx joqgħod għall-awtorità mhuwiex sinjal tajjeb għaliex mhux qed iħobb il-vokazzjoni tiegħu. Imma min hu fl-awtorità jrid ukoll joħloq ambjent fejn kulħadd iħossu stmat  għal dak li kapaċi jagħmel u għandu l-istess possibiltajiet li javvanza, hu min hu.

Meta l-Istat ikun daru mal-ħajt u għandu bżonn l-għajnuna fuq kull aspett, iħares lejn l-armata, lejn il-Forzi Armati, iħares lejkom.

Intom ukoll tesprimu mhux biss il-ħtieġa li aħna bħala demokrazija ngħixu fis-sigurtà, u ta’ dan nirrinngrazzjawkom għax forsi mhux dejjem jgħidulkom din il-kelma. Aħna nirringrazzjawkom talli ngawdu s-sigurtà għax is-sigurtà ma tiġix b’xejn u ma tiġix mill-ajru, irid ikun hemm xi ħadd li jiggarantixxi s-sigurtà tal-pajjiż u jkun kapaċi jirrispondi meta l-pajjiż ikun f’sitwazzjoni ta’ emerġenza, tkun xi tkun. Meta l-Istat ikun daru mal-ħajt u għandu bżonn l-għajnuna fuq kull aspett, iħares lejn l-armata, lejn il-Forzi Armati, iħares lejkom.

… intom garanzija li aħna nibqgħu pajjiż ċivilizzat, li fejn hemm l-għajnuna u l-kompetenza tagħna la nagħlqu għajnejna u lanqas insoddu widnejna.

Ir-responsabbiltà li għandkom hija kbira: li tibqgħu dejjem korp dixxiplinat, ittrenjat u ppreparat għaliex l-għajta tad-dover ma tafx meta tiġi, imqar f’nofs il-baħar Mediterran. Intom assedjati — ħa nuża dil-kelma kważi militari — mill-għajta ta’ min għandu bżonn l-għajnuna kemm f’Malta, Għawdex u Kemmuna u fl-ibħra territorjali tal-pajjiż, u wkoll fil-Baħar Mediterran fil-qasam tal-kompetenza ta’ Malta. Intom assedjati minn rikjesti għall-għajnuna. Intom u tirrispondu għal dawn it-talbiet b’dedikazzjoni u b’sagrifiċċju, qed tesprimu ċ-ċiviltà tal-pajjiż tagħna. Intom mhux biss tiżguraw id-demokrazija tagħna imma bil-ħiliet tagħkom u bil-mezzi li jagħtikom l-Istat intom garanzija li aħna nibqgħu pajjiż ċivilizzat, li fejn hemm l-għajnuna u l-kompetenza tagħna la nagħlqu għajnejna u lanqas insoddu widnejna. Dan bi mħabba għalikom infuskom, għal xulxin u għall-proxxmu, għal Alla.

Illum intom ġejtu f’dan il-konkatidral li nbena minn ordni reliġjuż li kien ukoll militari għax fl-oriġini tiegħu mhux biss kellu bżonn jieħu ħsieb il-morda imma wkoll jiddefendi s-sigurtà tagħhom u ta’ min qed jieħu ħsiebhom. Jalla ż-żjara tagħkom hawn ta’ kull sena fid-dar ta’ Alla tfakkarkom li jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja; jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt għalxejn jishar il-għassies. Nawguralkom li tkomplu tafdaw fil-protezzjoni tal-Mulej u nassigurakom mill-gratitudni u mis-sapport ta’ kull wieħed u waħda minna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġona 4, 1-11
Salm: 85 (86), 3-4.5-6.9-10
Evanġelju: Lq 11, 1-4

More Photos >>