Photo: Archdiocese: Ian Noel Pace

Homily by Archbishop Charles Jude Scicluna

Għażiż Fr. Paul, int u tibda uffiċċjalment din il-missjoni tiegħek bħala ragħaj ta’ din il-parroċċa ddedikata lil Alla, it-Trinità Qaddisa. Nawguralek li din il-Kelma t’ Alla li tħabbret fuqek illum ikollok l-umiltà, il-kuraġġ u l-għerf li tgħixha.

Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Inti li qed tagħti ħajtek bis-sinjal tal-ubbidjenza lejn is-superjuri tiegħek, lejn l-isqof, imma wkoll qed tilqa’ dan il-poplu li inti tiegħu ragħaj u hu qed jilqgħek bil-ferħ u anke b’tant disponibbiltà. Tfittixx li tkun moqdi imma li taqdi, kif titlob il-knisja fit-talba li tlabna fil-bidu llum. Faċli tgħidha imma biex tgħixha trid doża kbira t’umiltà u ta’ ġenerożità li din il-ħaġa jiena nawguralek mill-qalb. Jalla fil-vuċi tiegħek, il-poplu għażiż tal-Marsa ta’ din il-parroċċa jagħraf il-vuċi ta’ Ġesù, il-leħen tar-ragħaj it-tajjeb li jiggwidana għall-ħajja aħjar, ħajja ta’ qdusija, ta’ safa, ta’ umiltà u ta’ mħabba.

Photo: Archdiocese: Ian Noel Pace

Il-ktieb ta’ Bin Sirak javżak; ‘Ibni jekk tiġi biex taqdi lill-Mulej, ħejji ruħek għat-tiġrib’ (Bin Sirak 2:1-5). Imma din il-kelma l-Mulej jgħidilek biex jagħmillek kuraġġ mhux biex jaqtagħlek  qalbek. Id-deheb jgħid Bin Sirak, jippruvak fin-nar u n-nies magħżula fil-forn tal-umiljazzjoni. Il-ħajja inżul u tlajja, ngħidu aħna bil-malti, nagħmillek kuraġġ, taqtax qalbek.

Agħraf li t-titlu għażiż ta’ din il-parroċċa jħadden il-misteru t’Alla li huwa mħabba, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. U inti trid tkun ambaxxatur ta’ din l-imħabba, tal-qawwa tal-Mulej li jaħfer id-dnubiet, li jwassal il-paċi, il-fejqan tar-ruħ u tal-ġisem. Inti u tiċċelebra l-Ewkaristija, u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, il-kelma li tgħid f’isem Ġesù, il-ħobż u l-inbid isiru l-ġisem u d-demm tal-Imgħallem.

Photo: Archdiocese: Ian Noel Pace

Ftakar li qed titma’ l-poplu għażiż t’Alla bl-aqwa ikel, l-ikel li jwassal għall-ħajja ta’ dejjem. Meta taħfer id-dnubiet tal-poplu tiegħek ftakar li mhux inti xerridt demmek għalihom imma l-Mulej Ġesù li ħasilna bid-demm għażiż Tiegħu. Inti qaddej tal-Imgħallem mhux tiegħek innifsek jew ta’ xi ħaddieħor. San Franġisk il-missier spiritwali tiegħek, San Piju ta’ Pietrelcina glorja tal-Ordni Kappuċċini iħarsuk. Aħna u nersqu lejn il-festa ta’ San Mikiel Arkanġlu, nafdak taħt il-ħarsien ta’ dak li ismu stess ixandar bla biża’: Min hu bħal Alla?

Inti qaddej mhux tal-bnedmin imma tal-Mulej. It-triq tiegħek se tkun l-umiltà mhux l-arroganza. Il-kelma tiegħek se tkun kelma li ġġib il-paċi mhux il-firda. Il-ħarsa tiegħek se tkun ħarsa safja li tagħmel kuraġġ u aħna wkoll Fr. Paul nagħmlulek kuraġġ.

Nawguralek u l-Mulej ikun dejjem miegħek!

✠ Charles Jude Scicluna
    Archbishop of Malta

Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Ħag 1:15b – 2:9
Salm: 42 (43):1,2,3,4

L-Evanġelju: Lq 9:18-22