-
-
Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Dar San Ġużepp, Santa Venera
20 ta’ Lulju 2018L-appell tiegħi huwa għall-ġenerożità tal-poplu tagħna. Il-fathers ġustament tkellmu fuq il-pajjiżi li għandhom l-esperjenza sabiħa tal-preżenza tal-Missjunarji ta’ San Pawl, esperjenza li taf lill-imħabba kbira ta’ Mons. De Piro bħala fundatur u tant ġenerazzjonjiet ta’ żgħażagħ Maltin li taw ħajjtihom anke fl-artijiet tal-missjoni u għadhom jagħmlu hekk.
Nixtieq insellem lill-missjunarji Maltin kollha u lill-familji tagħhom għaliex kull missjunarju jħalli familja, iħalli wkoll l-qalb tal-omm u tal-missier li jsegwuh u jitolbu għalih. U jiena nħoss li, anke b’sens ta’ gratitudni għall-ġenituri tal-missjunarji tagħna, meta nipprovdulhom il-mezzi biex ikomplu l-missjoni tagħhom, lil dawn il-ġenituri qed ngħidulhom grazzi u nagħtuhom kuraġġ, u anke jekk intom fil-ħdan il-Mulej, itolbu għalina.
U l-għotja tagħna tkun għotja tassew konkreta għal tant ambjenti fejn l-ulied, is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, qegħdin jagħmlu ħafna u ħafna ġid u aħna mmissuh b’idejna hawn Malta. Nixtieq nirringrazzja lis-Soċjetà Misjunarja ta’ San Pawl għall-preżenza sabiħa fl-iskola ta’ Sant’Agata, tal-preżenza tagħha hawnhekk f’Dar San Ġużepp, imma anke fl-esperjenzi missjunarji oħra li jagħmlulna tassew unur. U nirringrazzjawkom ta’ din ix-xhieda sabiħa ta’ xi tfisser tkun dixxiplu ta’ Ġesù Kristu.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
-
Ritratti: Kurja – knisja.mt/ritratti