-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Knisja Parrokkjali tal-Qawra
14 ta’ Jannar 2018San Ġwann fl-Evanġelju tal-lum jagħtina dizzjunarju qasir. Dan id-dizzjunarju fih erba’ kelmiet importanti. Meta Ġwanni l-Għammied jara lil Ġesù, ma jgħidilhomx lid-dixxipli tiegħu, ‘Araw, Ġesù minn Nazaret, il-mastrudaxxa’. Ma jgħidilhomx hekk. Jekk tiftakru sew fl-Evanġelju li għadna kemm smajna, Ġwanni l-Battista jħares lejn Ġesù li kien għaddej minn hemm u jgħid: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla” (Ġw 1, 36). Iż-żewġ dixxipli, meta jisimgħu dan il-kliem, imorru wara Ġesù.
Imma mbagħad hemm tliet kelmiet oħra li l-Evanġelista stess jispjegalna; huma kelmiet li tajjeb nifhmuhom għax huma parti mill-a, b, ċ tal-ħajja Nisranija. Huma staqsewh: “Rabbi”, li tfisser ‘mgħallem’ (v. 38). Mela din l-ewwel kelma. Ħafna drabi din il-kelma bl-Ebrajk ‘rabbi’ nisimgħuh fl-Evanġelju u l-istess San Ġwann, li kiteb l-Evanġelju, jispjegahielna. Tfisser mgħallem. Mela l-mastrudaxxa m’għadux mastrudaxxa imma sar mgħallem, wieħed li l-kelma tiegħu tagħmlu isbaħ.
It-tieni kelma li għandna f’dan id-‘dizzjunajru’ hija l-kelma ‘messija’. “Messija” jgħidilna fil-Evanġelju, “tfisser Kristu” (v. 41). Issa aħna għandna bżonn nifhmu wkoll Kristu xi tfisser. Kristu tfisser ‘il-midluk mill-Mulej’. Kienu jidilku lill-profeti, kienu jidilku lis-slaten, u l-qassisin. Il-Messija huwa l-Kristu, dak li huwa l-midluk bl-ispirtu qaddis tal-Mulej. Fejn hemm il-battisteru hemm mużajk sabiħ tal-Magħmudija tal-Mulej, dak il-mument Ġesù ta’ Nazaret jiġi midluk bl-Ispirtu s-Santu, u jsir il-Kristu.
Imbagħad hemm l-aħħar kelma fid-dizzjunarju. Meta jara lil Xmun, ħu Indrì, Ġesù jgħidlu: “Inti Kefa” (v. 42) u l-Evanġelju jerġa’ jispjegalna din il-kelma ‘kefa’ xi tfisser. Tfisser ‘Pietru’ jew ‘blata’, għax bil-Grieg ‘ġebla’ tiġi ‘petra’, anke bil-Latin ‘petram’ u bit-Taljan ‘pietra’. “Inti Pietru, inti l-blata”. Mela għandna lil Ġesù l-Imgħallem, Ġesù l-Messija u Pietru l-blata. Jekk nieħdu dawn it-tliet kelmiet, diġà qed nifhmu għaliex aħna għandna nemmnu f’Ġesù. Min iħares lejh minn barra jgħid, ‘Dan mhux il-mastrudaxxa, bin Ġużeppi u bin Marija?’ Aħna nħarsu lejh u ngħidulu: inti l-Imgħallem tagħna, inti l-Messija, il-magħżul tal-Mulej, inti tgħammed bl-Ispirtu s-Santu.
“Inti l-Ħaruf ta’ Alla”. Din il-kelma ‘il-ħaruf ta’ Alla’ mhijiex spjegata. Imma xi tfisser meta Ġesù ngħidulu l-‘Ħaruf ta’ Alla’? Xi ħaġa li niftakruha f’kull Quddiesa: il-Ħaruf ta’ Alla. L-ewwel nett Ġesù m’għandux erba’ saqajn, tnejn bħalna, imma xi tfisser? Li huwa l-ewwel nett se jingħata għalina, “ir-ragħaj it-tajjeb li jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu” (Ġw 10, 11), u għas-sagrifiċċju. Il-ħaruf hu l-magħżul bħala s-sagrifiċċju. U dan huwa l-ħaruf ta’ Alla, il-ħaruf li jagħti ħajtu, li qed joffri għall-fidwa tagħna. Imma bl-Aramajk il-kelma ‘ħaruf’ kienet tfisser ukoll ‘qaddej’ u kienet tfisser ukoll ‘iben’. L-istess kelma: ħaruf, qaddej u iben. U allura San Ġwann il-Battista meta kien qed jgħidilhom ‘dan huwa t-talja’ bl-Aramajk, kien qed ifisser tliet affarijiet f’daqqa: dan hu l-ħaruf li se joffri ħajtu għalina, dan hu l-qaddej ta’ Alla, dan hu l-Iben ta’ Alla.
Aħna u nisimgħu l-kelma ta’ dan l-Iben ta’Alla, tajjeb nirrispondu llum kif irrisponda Samwel: “Tkellem għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’” (1 Sam 3, 10). Min jisma’ mhux biss jisma’ l-leħen, imma “l-qaddej tiegħek qiegħed jisma’” għaliex jixtieq ukoll jobdik. Li tisma’ u li tobdi, maqgħudin flimkien. L-omm lil uliedha tgħidilhom ‘isimgħu minni’. Mela anke bil-lingwa tagħna, u fil-mentalità minn fejn inkiteb l-Evanġelju, li tisma’ tfisser ukoll li tobdi.
Samwel ismu miegħu: Alla jisma’. Jurina wkoll li aħna wkoll irridu nisimgħu. Alla jismagħna imma aħna nisimgħuh? “Tkellem għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’”. Din il-kelma, f’din it-talba ħerqana ‘tkellem’, hemm ukoll għatx għall-kelma tal-Mulej. Aħna għandna l-ġuħ u l-għatx għall-kelma tal-Mulej. Imma l-kelma tal-Mulej hija wkoll l-għatx għar-rieda tiegħu. “Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek” (S 39, 8). Dawn iż-żewġ kelmiet jaqsmu ħafna ma’ xulxin. “Tkellem għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’”. “Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek”.
L-aħħar ħsieb huwa fuq kelma oħra importanti, il-kelma li tana l-Mulej hija ġisimna stess. Aħna ma nitkellmux biss bil-kliem, nitkellmu bil-ġesti, nitkellmu anke bis-sesswalità tagħna, u skont is-sesswalità tagħna. Għalhekk San Pawl jista’ jgħid li “l-Mulej huwa għall-ġisem” għaliex il-Mulej jagħtina l-qawwa biex il-ġisem tagħna jsir lingwaġġ ta’ mħabba. Iż-żina f’dan il-kuntest huwa meta l-ġisem tagħna ma jkunx lingwa ta’ mħabba, imma ta’ egoiżmu jew inkella ta’ vjolenza. “Il-ġisem mhuwiex għaż-żina” mhuwiex għall-eġoiżmu, mhuwiex għall-vjolenza “imma għall-Mulej u l-Mulej huwa għall-ġisem” (1 Kor 6, 13). Il-Mulej ħerqan li bil-qawwa tal-Ispirtu qaddis tiegħu, il-ġisem tagħna jagħmel lingwa, kelma ta’ mħabba. “Mela agħtu ġieħ lil Alla permezz ta’ ġisimkom” (v. 20).
Illum għandna dizzjunarju qawwi ħafna mhux biss bil-kliem dwar Ġesù u dwar Pietru, il-blata, imma saħansitra dwar ġisimna stess. Il-ġisem tagħna huwa aħna, għeżież quddiem il-Mulej għaliex aħna “tempju tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina” (v. 19), li għandna mingħand Alla. Aħna wkoll midlukin, Kristjani, għax il-kelma ‘Kristjani’ ġejja minn Kristu bħalma ‘Insara’ ġejja minn Nazaret. Aħna l-Maltin insejħu lilna nfusna mhux minn Kristu, imma minn Nazaret; ‘Insara’ ġejja mill-post minn fejn kien mar Ġesù ta’ Nazaret, imma Ġesù ta’ Nazaret li minnu aħna Nsara, huwa wkoll Kristu li minnu aħna Kristjani.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
-
-
-
-
-
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja