-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Il-Knisja Parrokkjali, il-Birgu
16 ta’ Ġunju 2019L-ewwel nett nixtieq ngħidilkom il-festa t-tajba. Għaliex? Għaliex illum Ġesù se jiġi fil-qalb tagħkom. Intom tixtiequ jiġi fil-qalb tagħkom? Iva jew le? Għalfejn ilbistu sabiħ illum? Illum festa żgħira jew kbira? Kbira! U meta jkollna festa kbira nilbsu sabiħ u llum kollha kemm intom sbieħ. Imma l-libsa sabiħa xi tfisser? Tfisser li l-qalb tagħna hija wkoll kerha jew sabiħa? Sabiħa! Għax aħna nixtiequ li Ġesù jidħol fin-nadif. Immaġina li ġej xi ħadd importanti d-dar tiegħek; ommok tiġġennen u missierek ma jkunx jaf x’se jaqbad jagħmel; tibdew tnaddfu għax ġej xi ħadd importanti. U jekk ġej xi ħadd importanti, id-dar trid tkun maħmuġa jew nadifa? Nadifa!
F’qalbek ġej Ġesù; għandek qalbek nadifa u għalhekk il-libsa hija sabiħa wkoll. Meta kontu trabi u l-ġenituri tagħkom ġabukom biex titgħammdu, il-qassis lill-ġenituri tahom libsa bajda ċkejkna. Qalilhom li din hija nadifa bħar-ruħ tat-tarbija. Issa llum erġajtu ġejtu bil-libsa l-bajda. Imma issa intom kbirtu u l-libsa tiġikom żgħira. Importanti li nikbru kemm nikbru, il-qalb tagħna tibqa’ sabiħa. Tgħiduli kif? Billi nħobbu lil kulħadd. Ħa ngħallimkom sentenza ta’ San Ġorġ Preca, u għiduha warajja: “Ġid lil kulħadd, deni lil ħadd”. Min jagħmel hekk ikollu ħafna paċi f’qalbu u din tkun nadifa bħalma hi l-qalb tagħkom illum.
Il-Ħadd li ġej se jkollna l-quddies u bħalma ġejtu llum terġgħu tiġu dakinhar. Lill-Arċipriet ngħidlu li dawk huma l-ħbieb tiegħi li għamiltilhom il-preċett u li ġie Ġesù fihom. Imma importanti li lill-ġenituri tgħidulhom: ‘Illum il-Ħadd, irridu mmorru l-quddies biex niltaqgħu ma’ Ġesù’.
Huwa minnu li llum hi festa kbira imma anke l-Ħadd li ġej, u l-Ħadd ta’ wara, u l-Ħadd ta’ wara hija festa kbira. Aħna l-Insara niltaqgħu nhar ta’ Ħadd; hemm reliġjonijiet oħra jmorru l-Ġimgħa u oħrajn s-Sibt. Tafu għaliex niltaqgħu nhar ta’ Ħadd? Għax il-Ħadd hu l-ewwel jum tal-ġimgħa. It-tieni jum insejħulu t-Tnejn, it-tielet jum hu t-Tlieta, ir-raba’ jum hu l-Erbgħa, il-ħames jum hu l-Ħamis, imbagħad jiġi l-Ġimgħa. Fl-ewwel jum tal-ġimgħa Ġesù qam mill-imwiet.
Intom ġieli ġejtu għall-festa tal-Irxoxt? L-irxoxt hija l-festa ta’ meta Ġesù qam mill-imwiet u rebaħ, u għalhekk ikollu l-bandiera. Din il-ħaġa nfakkruha kull nhar ta’ Ħadd. Nisimgħu l-Kelma tal-Mulej u mbagħad Fr John jispjegalna l-Kelma ta’ Ġesù.
Imma toqgħodx tinkwieta jekk iġġilidt, issuppervjajt jew ma obdejtx lill-mamà, għax iżjed ma tikber iżjed se jkollok minn dawn. Ftakar li s-saċerdot jaħfirlek f’isem Ġesù u l-qalb tiegħek terġa’ tiġi sabiħa.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
-
-