• On Wednesday 6th May 2015, Archbishop Charles J. Scicluna visited the P.B.S. Creativity Hub in Guardamangia. The Archbishop had the opportunity to meet with the Board of Directors, management and staff of P.B.S. He was also interviewed by radio presenter Enzo Guzman on Radju Malta.

    The Archbishop’s Message

  • P.B.S. Creativity Hub, G’Manġia

    6 ta’ Mejju 2015

    Mr Chairman, nirringrazzjak ħafna tal-kliem t’apprezzament tiegħek. L-ewwel dover li għandi huwa li nirringrazzja ħafna lilek, lid-diretturi, lill-maniġment u lill-ħaddiema, tas-sehem kbir li kellkom biex, flimkien mal-istazzjonijiet televizivi ewlenin l-oħra, ir-ritwal tal-Ingress tiegħi fil-21 ta’ Marzu li għadda seta’ jasal fid-djar tal-Maltin u l-Għawdxin. Dakinhar, apparti milli għamlet ix-xita li żammet ħafna nies id-dar, il-coverage straordinarjament effiċċjenti u effettiv li offrejtu, kien mezz biex il-Katidral, li ma setax iħaddan fiżikament lil eluf kbar ta’ nies, seta’ jasal fid-djar tal-poplu Malti. Kienet għalhekk attività nazzjonali minħabba s-servizz ikkordinat mill-P.B.S. bil-koperazjoni tal-istazzjonijiet Net u One.

    Jiena napprezza wkoll l-isforzi li qed tagħmel il-P.B.S. biex il-prodott li toffru jkun ta’ kwalità, għaliex dejjem fhimt li dak li qed twasslu permezz tal-media fil-kultura Maltija għandu rwol edukattiv kbir. Ninnota pereżempju l-effett ta’ ċerti serje drammatizzati fuq l-istil ta’ ħajja tan-nies. Kif tafu, u kif jgħallmuna s-soċjoloġi, jekk irridu nwasslu valur lin-nies, irridu nirrakontawlhom storja. Napprezza għalhekk meta fl-istejjer drammatizzati tagħkom ikun hemm mhux biss l-entertainment imma jkun hemm ukoll valuri umani ta’ tolleranza u nklussività, li huma valuri partikolarment importanti fid-dinja tal-lum.

    Napprezza wkoll li hemm sforz kbir biex anke fl-input politiku – u din hija l-unika nota li se nippermetti lili nnifsi li nagħmel f’dan ir-rigward – ikun hemm rispett għall-veduti differenti li nħoss huwa s-sinsla tad-demokrazija, u dan ikun unur għal P.B.S. u ta’ awgurju tajjeb għall-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna.

    Nirringrazzjakom ukoll tal-preżenza li tagħtu lill-valuri reliġjużi. Nifhem li aħna qegħdin ngħixu f’dinja pluralistà imma napprezza wkoll il-fatt li l-poplu Malti, fil-maġġoranza tiegħu, għadu jħares lejn il-messaġġ Kattoliku bħala lingwaġġ li hu qrib ħafna tiegħu. Huwa f’dan id-dawl li dan is-servizz li intom qed tagħtu huwa ta’ utilità kbira għall-popolazzjoni li maż-żmien hija dejjem iżjed anzjana, u li l-cohort tan-nies id-dar li ma jistgħux joħorġu qed jikber, u allura dan huwa servizz umanitarju kbir ħafna.

    Nirringrazzjakom tal-istedina tagħkom, u inħares ‘il quddiem lejn staġun ta’ koperazzjoni lejali, biex naħdmu flimkien għas-servizz ta’ din l-art li aħna tgħallimna nsejħulha ‘ħelwa’ u nispera li bl-isforzi tagħna tibqa’ tgħożż ‘l-oħla dawl’ li rċiviet. Grazzi.

    Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

  • Photos: Photocity, Valletta.

    www.photocitymalta.com