• Nhar il-Ħamis, 18 ta’ Mejju 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna żar ir-residenti u l-ħaddiema tad-dar tal-azjani ‘Roseville’ f’Ħ’Attard. fejn iċċelebra wkoll Quddiesa.
  • Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Dar tal-anzjani ‘Roseville’, Ħ’Attard

    18 ta’ Mejju 2017

    L-ewwel nett nixtieq nirringrazzja ħafna lill-management ta’ Roseville House li stedinni biex inkun magħkom u nieħu pjaċir ħafna li ltqajna hawnhekk għal din il-quddiesa.

    Nixtieq ukoll nirringrazzja lil Roseville Choir li qed janima din il-quddiesa. Hija ħaġa sabiħa li aħna nippreparaw il-quddiesa u li tkun sabiħa, għaliex? Għaliex kif tgħallmuni intom, il-quddiesa hija fejn aħna niltaqgħu ma’ Ġesù, nisimgħu l-kelma tiegħu u nirċevuh fl-Ewkaristija.

    Jiena nixtieq nitlobkom biex kull meta tiltaqgħu għall-quddiesa titolbu għad-dinja, għall-paċi fid-dinja, inkluż anke għal Malta għax aħna kultant ikollna xi ngħidu bejnietna allura tajjeb li nitgħallmu ngħixu flimkien, veru ta’ aħwa.

    Nixtieqkom ukoll toffru t-tbatija tagħkom, kulħadd ikollu ftit tbatija. Anke jien, bħalissa t-tbatija li għandi noffriha għall-vokazzjonijiet biex ikollna saċerdoti li jistgħu jaħfrulna dnubietna u jagħtuna l-Ewkaristija.

    Kemm hawn nies bravi fid-dinja? Ħafna! Kemm hawn nies sinjuri fid-dinja? Ħafna! Jalla jkun hawn iżjed. Imma l-Mulej jagħżel uħud – mhux bilfors għax huma bravi – u jagħtihom din il-grazzja li lilna jgħidulna: “jiena naħfirlek dnubietek fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”. Jagħtihom il-qawwa li meta jaqbdu l-ħobż tal-Ewkaristija, jgħidu: “dan hu ġismi” u meta jaqbdu l-kalċi, jgħidu: “dan hu demmi”. Qawwa kbira mogħtija lil nies dgħajfin li l-Mulej jagħżel għalih.

    Meta qalilna li hemm bżonn ħafna minn dawn in-nies, taf x’qalilna? “Itolbu mela, nitolbu lil Sid il-ħsad li jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu”. Mela jiena nitlobkom biex titolbu, anke meta jiġikom mument ta’ dwejjaq!  U meta tgħid: “ara naqra dan l-uġigħ ma jistax jgħaddili”, offrih għall-vokazzjonjiet.

    Intenzjoni oħra: għall-familji tagħna. Uħud minnkom għandkom l-ulied, għandkom in-neputijiet, intom tafu xi tfisser meta ngħidilkom: “itolbu għall-familji, hux?” Tifhmuni!  Nitolbu għall-familji biex ikunu dejjem bejta ta’ mħabba, fejn anke l-ulied isibu dejjem min iħobbhom, min jiddixxiplinahom, min jgħallimhom, min ikabbarhom fil-fidi.

    Nixtieqkom li issa ngħidu talba żgħira li kien iħobb jgħid San Ġorġ Preca: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok. Sinjur Alla, igglorifika lill-Ismek. Sinjur Alla, kemm inti kbir fl-kreaturi tiegħek. Sinjur Alla, agħllimni nħobbok dejjem iżjed. Grazzi, Sinjur Alla u aħfirli Sinjur Alla.”

     Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta’ Malta