L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù kien mistieden għat-tieġ. Nawguralkom li fost il-ħafna mistednin jew il-ftit li se jkollkom, tinkludu wkoll lil Ġesù. Ħa navżakom, se jġib lil ommu; ma kellux kunjata, toqogħdux tinkwetaw. Anzi nnutaw li l-Evanġelju l-ewwel isemmi lil ommu u mbagħad jgħid li t-tifel kien mistieden ukoll ġab lid-dixxipli miegħu wkoll; il-familja tiegħu, li hi l-Knisja. Nawguralkom li fl-imħabba ta’ bejnietkom ma jkunx hemm wisq interventi ta’ oħrajn; li tkun imħabba ta’ bejnietkom.

Intom u tistiednu lil Ġesù, tkunu qed tistiednu lil dak li għallimna l-vera mħabba. Ma staħax jgħidilna li “jekk il-ħabba tal-qamħa ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott” (Ġw 12:24). Intom tgħallimtu, u qegħdin titgħallmu, u minn jaf il-ħajja kemm se tgħallimkom, li fiż-żwieġ li qegħdin tippreparaw għalih ma jistax li jsir kollox kif irrid jien. Għaliex li taqsam ħajtek tfisser li ma żżommhiex għalik biss. Hemm il-proċess ta’ maturazzjoni li fih ukoll l-avventura straordinarja tiegħu li inti ċċedi mhux biex titlef iżda biex tiskopri li mill-‘jien’ tista’ tgħaddi għal ‘aħna’. Din l-esperjenza li fiha intom issiru ġisem wieħed, ruħ waħda u qalb waħda mhux se tkisser lilek innifsek, imma se tinbena kuljum mill-ġdid.

Stiednu lil Ġesù għax fl-għażla li qegħdin tagħmlu, li tiżżewġu quddiemu u quddiem il-Knisja tiegħu, qegħdin tagħżlu li s-sinjal tal-imħabba tagħkom ikun proprju f’isem Alla li hu mħabba. Meta se tagħtu ċ-ċrieket lil xulxin se tgħidu: “Ħu dan iċ-ċurkett, bħala sinjal ta’ mħabbti, fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu”. Ftakruha din il-barka li tagħtu lil xulxin, intom u tagħmlu dan l-iskambju taċ-ċrieket imberkin. Is-sinjal tal-imħabba tagħkom irid ikun Alla li hu mħabba, il-Missier, u l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu.

Stiednu lil Ġesù għat-tieġ għax hu jġib lil ommu, l-omm li tgħidlu meta hemm bżonn: “Ma għandhomx inbid” (Ġw 2:3). Fil-kuntest ta’ din il-ġrajja li jagħtina l-Evanġelju ta’ San Ġwann, li hu l-mument meta Ġesù jagħmel l-ewwel sinjal tiegħu u juri l-glorja tiegħu, Ġesù nħasad bil-kliem t’ommu. ‘X’għandna x’naqsmu?’ Imma mbagħad l-Evanġelju ma jistax jagħtina l-ħarsa ta’ bejn l-omm u l-iben. “Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: ‘Agħmlu kulma jgħidilkom hu’” (Ġw 2:5). Ftiehmu. Anke hi mbuttatu mhux biss biex jgħin lil dawn iż-żewġ għarajjes, li ma baqgħalhomx inbid, imma biex juri l-glorja u l-qawwa tiegħu lid-dixxipli tiegħu. Li tagħmel frott abbundanti; afdawh, itolbuh, u fuq kollox tinsewx lil ommu. Għidulha: ‘Inti taf meta jonqosna l-inbid, inti taf, għinna’.

Li taqsam ħajtek tfisser li ma żżommhiex għalik biss. Hemm il-proċess ta’ maturazzjoni li fih ukoll l-avventura straordinarja tiegħu li inti ċċedi mhux biex titlef iżda biex tiskopri li mill-‘jien’ tista’ tgħaddi għal ‘aħna’

L-inbid hu sinjal ta’ ferħ. L-inbid li jagħmel Ġesù hu l-aqwa possibbli imma wkoll hu l-inbid tal-għotja. L-ilma li jsir inbid, imbagħad fil-misteru tal-Ewkaristija l-inbid li jsir id-demm imxerred għalikom. Id-demm hu s-sinjal tal-ħajja.

Stiednu lil Ġesù għat-tieġ għax f’xulxin se taraw lilu. Hu għallimna: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Iżjed u iżjed fis-sagrament taż-żwieġ. X’inhu s-sagrament taż-żwieġ li deħlin għalih? Intom issiru sinjal ta’ kemm Alla jħobb lilna l-bnedmin. Tgħiduli: ‘issa ilna flimkien, kultant iberraq’. Mhux kollox bnazzi, mhux kollox ward u żahar. Il-Mulej jaf. Il-Papa Franġisku għandu parir għalikom: meta jberraq u jriegħed għamlu paċi qabel tmorru torqdu biex il-ħaġa, jekk jista’ jkun, tiċkien u mhux tikber.

Parir ieħor li nħobb nirrepeti u li jagħti l-Papa Franġisku hu li titgħallmu tużaw dak li l-quddiem se tgħallmu lil uliedkom. Din il-ħaġa rridu nitgħallmuha, u ma nitweldux nafuha. Nużaw il-kelma ‘grazzi’, ‘jekk jogħġbok’ u ‘aħfirli’ – ‘Thank you, please, sorry’. Meta tirringrazzja lil dak li jkun, anke tal-iktar ħaġa ċkejkna, il-qalb timtela bil-ferħ. Anke jekk il-froġa nħarqet, għid xorta waħda grazzi għax qed tapprezza l-isforz. Fingers crossed li d-darba li jmiss tkun aħjar. Imma li tgħid grazzi tkun qed tagħraf l-isforz. Għax lil uliedkom, jalla l-Mulej iberikkom bl-ulied, se tgħidulhom biex jgħidu ‘grazzi’. Mhux hekk tgħallimna? Xi ħadd irid jgħallimhielna din il-kelma.

Dawn it-tliet kelmiet irridu nitgħallmuhom għax huma tant prezzjużi. Il-Papa jgħid li titgħallem tgħid ‘grazzi’ hi r-riċetta ta’ ħajja twila flimkien. Meta titgħallem tgħid ‘jekk jogħġbok’ tkun qed titgħallem li mhux kollox hu  bi dritt, mhux kollox issa u bilfors. F’kull aspett tal-ħajja tkun qed tirrispetta lill-persuna fil-libertà tagħha. Għandna bżonn ukoll, ma ngħidx kuljum imma kważi, naħfru u nitolbu maħfra. Kemm hi iebsa li titlob maħfra. Kultant iebsa wkoll taħfer. Imma ħafna drabi tkun iebsa wkoll minħabba s-suppervja tagħna li ngħidu: għaxxaqtha, mort żmerċ, qabżitli.

Naħseb li dawn il-pariri tal-Papa Franġisku mhux biss jagħmlu sens imma jgħallmuna li aħna u nistiednu lil Ġesù, se nibqgħu bnedmin bit-tajjeb, bl-inqas tajjeb, bil-preġji u bid-difetti. Iżda lil Ġesù għandna bżonnu.

Suġġeriment ċkejken: sibu mument, m’hemmx għalfejn fit-tul, biex titolbu flimkien. Jekk ma tafux titlobu, allura lill-Mulej għidulu x’hemm fil-qalb tagħkom u itolbuh iberikkom, jgħaqqadkom iżjed, iħariskom, iżommkom fidili lejn xulxin, u jipprovdilkom.

Tinsewx lill-familja ta’ Ġesù, għax Ġesù jġib ukoll il-familja tiegħu: il-Knisja. Il-familja ta’ Ġesù qiegħda hemm biex tkun ta’ sapport u mhux ta’ xkiel. Allura, anke l-laqgħa mal-Mulej is-Sibt filgħaxija jew il-Ħadd, tkun il-balzmu tal-ħajja tagħkom. Sibu ħin għal xulxin, imma sibu wkoll ħin għal xulxin ma’ Alla. Il-Mulej ikun il-barka tagħkom. Tinsewx, stiednu lil Ġesù għat-tieġ biex ikun magħkom fiż-żwieġ.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 62:1-5
Salm: 95:1-2a,2b-3,7-8a,9-10aċ
Qari II: 1 Kor 12:4-11
L-Evanġelju: Ġw 2:1-11