-
F’għeluq is‑sentejn mindu sar Arċisqof ta’ Malta, l‑Arċisqof Charles J. Scicluna ser jibda Viżta Pastorali fl‑Arċidjoċesi ta’ Malta. Din il‑Viżta Pastorali ser tlaqqgħu aktar mill‑qrib man‑nies fis‑70 parroċċa. Il‑Viżta Pastorali tal‑Arċisqof Scicluna f’kull parroċċa ser issir fuq numru ta’ ġranet u tinkludi laqgħat ta’ djalogu ma’ realtajiet differenti f’kull parroċċa, u mumenti ta’ talb biċ‑ċelebrazzjoni tal‑Quddiesa. L‑Arċisqof ser isib ħin ukoll biex iwassal il‑ħniena tal‑maħfra ta’ Alla permezz tal‑qrar, u biex iżur familji li għaddejjin minn diffikultajiet jew li jħossuhom emarġinati.
Fuq xewqa tal‑Arċisqof, il‑Viżta Pastorali ser tiffoka fuq tliet oqsma ewlenin tal‑ħidma pastorali tal‑Isqof u tal‑Knisja: il‑Liturġija, b’enfasi fuq il‑mod kif tiġi ċċelebrata l‑Quddiesa, l‑Evanġelizzazzjoni, jiġifieri l‑inizjattivi li permezz tagħhom l‑Insara qed iwasslu l‑Bxara t‑Tajba, u d‑Djakonija, il‑ħidma tal‑Knisja b’risq il‑fqar u l‑emarġinati fuq livell parrokkjali.
Il‑Viżta Pastorali tal‑Arċisqof Charles J. Scicluna ser tibda fl‑aħħar ta’ Marzu fil‑parroċċa ta’ San Sebastjan, Ħal Qormi. Matul il‑Viżta Pastorali, l‑Arċisqof ser jiltaqa’ ma’ dawk preżenti għaċ‑ċelebrazzjoni tal‑Quddiesa, kemm is‑Sibt filgħaxija kif ukoll il‑Ħadd filgħodu, filwaqt li ser ikollu laqgħat ta’ djalogu ma’ diversi kategoriji, fosthom l‑adolexxenti li qed iħejju għall‑Ġriżma, iż‑żgħażagħ, u l‑operaturi pastorali li joffru servizz fil‑parroċċa. Il‑parroċċa ta’ San Sebastjan, Ħal Qormi, hija wkoll il‑parrocca li fiha trabba Monsinjur Arċisqof sakemm kellu 16‑il sena.
Wara li jżur il‑parroċċa ta’ San Sebastjan, Ħal Qormi, l‑Arċisqof ser iżur il‑parroċċi ta’ Sta Venera, in‑Naxxar, u Bormla. Dawn huma l‑parroċċi li l‑Arċisqof Pawlu Cremona ma kienx għadu żar fil‑Viżta Pastorali tiegħu.
Id‑delegati tal‑Arċisqof ser ikollhom rwol importanti matul il‑Viżta Pastorali, kemm fit‑tħejjija tal‑laqgħat f’kull parroċċa, kif ukoll wara li Monsinjur Arċisqof iżur kull parroċċa, u dan b’mod speċjali billi jgħinu lill‑parroċċi f’dawk l‑oqsma li fihom jinħass il‑bżonn.
Il‑Viżta Pastorali ta’ Isqof hija l‑laqgħa tar‑ragħaj mal‑merħla tiegħu. Bħala ragħaj tal‑Insara f’ Malta, matul dawn l‑aħħar sentejn, l‑Arċisqof Charles J. Scicluna kellu l‑opportunità jmur kważi fil‑parroċċi kollha għal diversi okkażjonijiet fil‑ħajja tal‑Knisja.