L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Kemm huma kliem ta’ faraġ, dawn il-kliem li jgħid Ġesù f’kapitlu 6 ta’ San Ġwann. Ikellimna ċar dwar ir-rieda ta’ Alla. Xi jrid Alla? “Ir-rieda ta’ min bagħatni hija din: li jiena ma nitlef xejn minn dak kollu li tani, iżda li nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum” (Ġw 6:39). Fuq min qed jitkellem Ġesù meta jgħid: “dak kollu li tani”? Qed jitkellem fuqna, qed jitkellem fuqi u fuqek. Qed jitkellem fuq il-mejtin għeżież tagħna. Fil-magħmudija sirna ta’ Ġesù. San Pawl, fl-Ittra lir-Rumani, bir-raġun jgħid: “Sew jekk ngħixu, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej” (Rum 14:8). Qegħdin f’idejh.

F’kapitlu 10 ta’ San Ġwann, l-istess Evanġelju li qed naqraw din is-silta sabiħa minnu llum, hu stess jgħid: “Għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti … Minn idejja ma jaħtafhomli ħadd” (Ġw 10:15,28).

Meta titlob għall-mejtin għeżież tiegħek ftakar li qed tafdahom f’xi ħadd li qalilna ċar u tond li r-rieda ta’ missieru hija din: li ma jitlef lil ħadd minn dak kollu u minn dawk kollha li huma fdati f’idejh u li jqajjimhom mill-imwiet fl-aħħar jum.

Waqt li qed nagħmlu din it-tifkira solenni qegħdin ukoll inġeddu l-fidi tagħna fil-qawmien mill-imwiet. Aħna bir-raġun fix-xahar ta’ Novembru nżuru l-oqbra tal-għeżież u tal-ħbieb tagħna, u nitolbu fejn aħna ħallejna dak li baqa’ minnhom hawnhekk fuq l-art. Il-fidi tagħna tgħidilna li huma mhumiex it-trab u l-għadam li ħallew imma huma qegħdin quddiem Alla.

Imma aħna ta’ bnedmin li aħna, għandna bżonn post fejn, jekk nistgħu, għax mhux kulħadd ikun jista’, inżuru bi mħabba u devozzjoni u niftakru fl-imħabbiet li rċivejna u li xtaqna nagħtu f’ħajjitna. Illum ukoll nemmnu li l-imħabba tagħna m’għandhiex ħitan. L-imħabba tmur lil hinn mill-mewt u l-qabar. Għalhekk, illum iltqajna hawnhekk għaliex din l-Ewkaristija hija wkoll att ta’ mħabba.

Illum noffri din il-quddiesa għall-mejtin kollha. Allura qis li din il-quddiesa hi wkoll għall-għeżież mejtin tiegħek u għall-mejtin kollha b’mod speċjali għal dawk li mietu f’dawn l-aħħar 12-il xahar. Ejjew nitolbu wkoll għal tant mejtin madwar id-dinja, vittmi innoċenti tal-vjolenza u tal-gwerer. Il-ħsieb tiegħi jmur ukoll għal dawk il-200 ruħ li mietu fl-għarar terribbli li laqat lil Spanja f’dawn il-jiem. Dawk ukoll nafdawhom f’idejn il-ħniena t’Alla. Filli tkun fil-garaxx tad-dar u ħin minnhom tkun qiegħed quddiem Alla, bla avviż ta’ xejn.

Xi ħaġa li tgħallimna l-mewt hi anqas tista’ tgħid tmur quddiem Alla ta’ fuqek senduqek. Il-Papa Franġisku jħobb jirrepeti xi ħaġa li kienet tgħidlu n-nanna: ‘Jorge, tinsiex il-keffen m’għandux bwiet.’ Meta tmut se jkeffnuk, iva, imma ma jgħodd xejn li jkollok. Allura x’se nieħu jien miegħi? Se tieħu miegħek dak li ġġorr fil-qalb tiegħek: l-imħabba.

FIl-bank tal-ġenna, jissarraf biss dak li għandek f’qalbek; jista’ mhux ikollok ħafna flus! Tgħidli: ‘sinjur jien dejn biss għandi’. Dak ukoll ma tistax tirranġa. Hemm fuq, dak li għandek f’qalbek jissarraf żgur. Allura meta l-Mulej jgħid, “kull min jara l-Iben u jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem,” qed jgħallimna li l-fidi mhix kwistjoni tal-moħħ imma tal-qalb. Aħna ltqajna ma’ Ġesù bil-magħmudija, bit-tagħlim li smajna, bl-eżempju tal-qaddisin, bl-imħabba li għandna għal omm Ġesù imma l-fidi tagħna hi l-imħabba li nuru lil xulxin.

“Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni…” (Mt 25:35-36) U ngħidulu Mulej – fejn? “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Għax dak hu d-djalogu li se jkollna meta niltaqgħu miegħu.

Illum, aħna u nitolbu għal ħutna mejtin, nitolbu li l-eżami li kellhom jgħaddu minnu, għaddew minnu. Kemm għamilna eżamijiet fil-ħajja! Min għamel ħafna u min għamel ftit. Imqar l-eżami tal-karozza, dejjem bl-eżamijiet. Dak tgħid għaddejt, imma l-aqwa eżami hu tal-aħħar.

Ħabbejtu lill-proxxmu tiegħek f’din il-ħajja? Issa l-mument li nerġgħu naraw il-karta tal-eżami u nagħtu risposta tajba.

Agħtihom il-Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Id-dawl ta’ dejjem jistrieħ fuqhom fis-sliem.

Ammen.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġob 19:1.23-27a
Salm: Salm 26
Qari II: Rum 5:5-11
L-Evanġelju: Ġw 6:37-40