Nhar il-Ħamis 9 ta’ Awwissu 2012, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ħa sehem f’attività għat-tfal u ċċelebra quddiesa fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Marija ċċelebrata dan ix-xahar f’Ħad-Dingli. It-tfal inġabru bir-roti tagħhom ħdejn l-entratura tal-ġnien pubbliku fi Triq Maddalena, biex minn hemm telqu bir-roti għal Misrah Ġuże’ Abela. Hemmhekk, il-Kappillan, Dun Ewkarist Zammit, bierek lit-tfal kollha li mxew f’korteo bir-roti tagħhom wara l-istatwa tal-Assunta, bis-sehem tal-membri tal-M.U.S.E.U.M, il-Banda Santa Marija u l-gruppi tal-iScouts u l-Girl Guides, kollha fi ħdan il-parroċċa ta’ Ħad-Dingli.
L-Arċisqof ċċelebra quddiesa fil-bitħa tal-M.U.S.E.U.M. tas-subien, għat-tfal kollha tal-parroċċa. Wara l-quddiesa, l-Arċisqof laqa’ b’ferħ lil għaxart’itfal, ħames subien u ħames bniet, li min-Novembru li ġej se jiffurmaw il-Kummissjoni Tfal tal-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli. Magħhom fil-kummissjoni ser ikun hemm żewġ koppji u persuna adulta. F’din l-okkażjoni tnieda wkoll il-logo ta’ din il-kummissjoni bit-tema “Aħna t-tfal Dinglin ma’ Ġesù Ferħanin” u nkiteb ukoll innu bl-istess isem li ġie animat mit-tfal stess fi tmiem il-quddiesa. It-tfal ippreżentaw lill-Arċisqof kopja ta’ dan l-innu bħala tifkira ta’ dan il-mument sabih għalihom, għall-parroċċa u anke għalih bħala ragħaj spiritwali tad-djoċesi.
Din hija s-seba’ parroċċa li fiha twaqqfet Kummissjoni apposta għat-tfal, ffurmata mit-tfal stess. Il-parroċċi l-oħra huma tal-Fgura, ta’ Fleur-de-Lys, ta’ Ħaż-Żabbar, ta’ Marsaxlokk, ta’ San Ġiljan u ta’ Wied il-Għajn. Din hija inizjattiva li qed tippromwovi l-Kummissjoni Djoċesana Tfal li permezz tagħha l-Knisja f’Malta qed tgħin biex it-tfal jingħataw vuci fi ħdanha. Dawn il-kummissjonijiet jitmexxew mit-tfal stess bil-għajnuna ta’ persuni adulti.
Intant, l-Arċisqof Cremona l-lejla se jattendi oratorju fil-parroċċa ta’ Santa Liena f’Birkirkara. Kif għamel nhar it-Tnejn li għadda, nhar it-Tnejn 13 ta’ Awwissu, l-Arċisqof se jippresiedi l-laqgħa tal-uffiċċjali prinċipali tal-Kurja. Filgħaxija se jattendi għall-inawgurazzjoni ta’ monument li jfakkar il-baħħara. Nhar it-Tlieta 14 ta’ Awwissu, l-Arċisqof se jmexxi translazzjoni, jiċċelebra Quddiesa u għasar fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Marija fil-Katidral tal-Imdina. F’jum il-festa, l-Erbgħa 15 ta’ Awwissu, l-Arċisqof se jiċċelebra Quddiesa Pontifikali fil-Katidral tal-Imdina.
Click on the photos to enlarge. The photos of the Archbishop’s events may be purchased from PHOTOCITY, Valletta. Tel: 21236723. Email: [email protected]