-
-
On Friday 13th November 2015, Archbishop Charles J. Scicluna instituted three seminarians in the Acolyte Ministry, during a celebration at the parish church of Saint Philip of Agira, Ħaż-Żebbuġ.
The three seminarians were Sinclair Bugeja from the Parish of the Holy Family, Iklin, Ryan Lee Pace from the Parish of Our Lady of Mount Carmel, Gżira, and Mark Spiteri from the Parish of Saint Philip of Agira, Ħaż-Żebbuġ.
Homily by Archbishop Charles J. Scicluna
-
Knisja Parrokkjali ta’ Ħaż-Żebbuġ
13 ta’ Novembru 2015
Għeżież Mark, Ryan, Sinclair, jien l-ewwelnett nifraħ magħkom, mal-familji tagħkom, mal-parroċċi li minnhom ġejjin, f’dan il-mument għażiż għalikom meta l-Knisja uffiċjalment qed tistitwikom akkoliti u titlobkom tgħinu fil-preparazzjoni tal-artal u meta jkun hemm bżonn ukoll, fit-tqassim tal-Ewkaristija.
Il-kelma ta’ Alla li smajna, b’mod speċjali fil-Vanġelu (Lq 17, 26-37), hija kelma t’Alla li tippreparana għat-tmiem tas-sena liturġika. F’dan l-istaġun niftakru wkoll fi tmiem tal-ħolqien kif nafuh. Il-Mulej Ġesù jitkellem dwar id-diżastri naturali, anke dawk li jiffurmaw parti mill-istorja tas-salvazzjoni u mill-istorja tal-poplu t’Alla, bħala sinjali tat-tmiem. Kultant il-vjolenza tan-natura fil-ħolqien tfakkarna li aħna wkoll ħlejjaq. Il-bniedem jaf jorganizza kollox, imma hemm forzi tan-natura li jfakkruh li huwa ħlejqa u allura jiftakar ukoll fiċ-ċokon tiegħu, imma fl-istess ħin fid-dinjità tas-sejħa tiegħu.
Intom u tirċievu f’idejkom l-Ewkaristija biex tqassmuha lill-poplu, intom u tersqu qrib l-artal biex tippreparaw il-mejda tal-Ewkaristija, tinsew qatt li dan il-Ħobż tal-Anġli, dan il-Panis Angelicus huwa wkoll il-ħobż tal-pellegrini, panis viatorum. U allura rridu niftakru li aħna pellegrini, is-sema pajjiżna! Aħna qegħdin fuq vjaġġ li jwassalna flimkien għal destinazzjoni li hija l-ġenna. Ir-realtà tal-ħajja hija għażiża ħafna, imma aħna m’aħniex sidien, la ta’ ħajjitna u lanqas tar-realtà ta’ madwarna.
Il-Mulej, minkejja ċ-ċokon tagħna, jafda lilu nnifsu f’idejna. Xi ħaġa kbira! Aħna meta nħarsu lejn dan il-miraklu ta’ mħabba u ta’ ħniena, nirrealizzaw kemm m’aħniex denji ta’ din il-fiduċja. Imma mhux għal daqshekk naqtgħu qalbna, għaliex il-Mulej li qed jafda lilu nnifsu f’idejna qed jagħmel hekk biex jurina tassew kemm jafdana u kemm iħobbna.
Tinsewx li intom u tqassmu l-Ewkaristija, li hija frott l-azzjoni tal-Ispirtu u t-talba tal-Knisja, intom qegħdin tqassmu l-ikbar teżor. Intom qegħdin tiġu msejħa biex tersqu iżjed lejn dan il-misteru tad-dedikazzjoni totali li jressaqkom mill-qrib lejn is-salib tal-Mulej.
Il-Mulej jippurifikakhom, idawwal il-qalb tagħkom u r-ruħ tagħkom, biex intom u tkunu akkoliti, tifhmu qabel xejn li akkolitu tfisser xi ħadd li jsegwi, xi ħadd li jsegwi lil Ġesù. Skont l-għerq tal-kelma akkolitu, intom segwaċi, issegwu lil Ġesù, issegwu lil Ġesù fl-Ewkaristija imma anke fejn jinsab: fil-poplu tiegħu, fil-fqir, fil-batut. Intom u tgħixu l-ministeru ta’ akkoliti tinsewx li intom segwaċi tal-Mulej. U l-Mulej, hu u jistitwikom akkoliti permezz tal-Knisja, qed jgħidilkom: ‘Imxu warajja, segwuwni’. L-aħħar kelma li qal lill-appostlu Pietru: “Inti imxi warajja” (Ġw 21, 19). Din il-kelma li qed jagħtikom huwa u jistedinkom biex issegwuh preżenti fl-Ewkaristija Mqaddsa.
Jalla l-preżenza tagħkom, kull fejn tkunu, tkun bħal preżenza ta’ San Tarċisju li kien iwassal l-Ewkaristija lill-ħabsin. Kull fejn kien jgħaddi Tarċisju kien hemm l-Ewkaristija f’qalbu, jew inkella ma’ sidru. Jalla intom, bl-interċessjoni tiegħu, tifhmu li dan il-ministeru mhuwiex biss tarġa lejn l-ordinazzjonijiet, imma wkoll sejħa biex tapprofondixxu d-dimensjoni Ewkaristika tas-sejħa saċerdotali.
Jiena nixtieq niringrazzja lill-ġenituri tagħkom. It-tradizzjoni titlob li llum tqarbnuhom intom. Huma li tawkom ħajjitkom u kkoperaw ma’ Alla, illum, mingħandkom bħala akkoliti, jirċievu il-ħobż tal-ħajja. M’hemmx rigal ikbar li tistgħu tagħtuhom.
Jalla l-Ewkaristija tkun il-ferħ u l-hena ta’ ħajjitkom kollha, u ma jkollkom l-ebda faraġ ta’ din id-dinja u f’din id-dinja ħlief f’Ġesù fl-Ewkaristija.
✝ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
Photos: Martin Pillow