-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Balzan
3 ta’ Frar 2018Fil-bidu tal-Evanġelju li għadna kemm smajna jissemmew żewġ koppji ta’ aħwa: Ġakbu u Ġwanni u Xmun u Indrì. Dawn l-ismijiet ifakkruna li kienu l-ewwel dixxipli tal-Mulej, iltaqa’ magħhom fix-xatt tal-għadira ta’ Tiberijade jew il-Baħar tal-Galilija li huwa lake enormi u sejħilhom: “Imxu warajja” (Mk 1, 17). U kemm Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, u kemm l-aħwa Xmun u Indrì, li kienu sajjieda, ħallew kollox u marru warajh (v. 18).
L-Evanġelju jagħtina l-impressjoni li din kienet xi deċiżjoni faċli. Ma nafx jekk kinetx hekk għal Xmun, li mbagħad Ġesù sejjaħlu Pietru, għaliex dan kien miżżewweġ. Nafu li kien miżżewweġ għax illum tissemma persuna importanti ħafna fil-ħajja ta’ Xmun: il-kunjata. Intom tistgħu timmaġinaw kunjata li r-raġel tat-tifla, sajjied, jgħidilha, ‘Jien tlaqt kollox ħa mmur wara mastrudaxxa minn Nazaret?’ Tistgħu timmaġinaw ma tgħid xejn din? Anzi immaġinaw x’qalet, propju x’ma qalitx. X’ma qalitx! U ma naħsibx li kienet l-ewwel darba li lil Xmun xi ħadd qallu li kien miġnun totali li jmur wara mastrudaxxa. Tmur wara mastrudaxxa? Tħalli kollox?
Ġesù jasal fis-sinagoga ta’ Kafarnahum, il-pajjiż li għażel wara li telaq minn Nazaret u meta joħroġ minn din is-sinagoga, Xmun u Indrì jistednuh għandhom għax dik id-dar kienet id-dar tal-familja estiża: kienu jgħixu l-aħwa bil-familji tagħhom bil-kunjata wkoll. Issa din ma nafx jekk qabadiex id-deni minħabba t-tgergir li kienet gergret, nafu żgur li kienet fis-sodda bid-deni. U malajr qalulu biha u Ġesù “jersaq lejha, jaqbad id din il-kunjata, din il-mara, u jqajjimha. Id-deni ħallieha”. Imma t-triq tal-Evanġelju u anke ta’ Ġesù kif jaħdem magħna, hija li din, l-Evanġelju jgħidilna “bdiet isservihom” (ara v 31). U jiena nista’ nimmaġina l-pranzu li għamlitlu, il-festa li kien hemm fid-dar li fiha daħal Ġesù u miegħu daħal il-fejqan. Ir-risposta ħelwa ta’ Ġesù!
L-Evanġelju, fl-ekonomija tiegħu, ma jitkellimx fuq id-djalogu bejn Ġesù u din il-mara li min jaf x’qalet fuqu mingħajr ma ltaqgħat miegħu. Nafu biss li l-ewwel esperjenza tagħha x’aktarx ma’ Ġesù kienet din l-esperjenza ta’ fejqan u li hi bdiet taqdi lid-dixxipli tiegħu u lill-Imgħallem. Nimmaġinaha tħares lejn Xmun u tgħidlu, ‘Dejjem kont taf tagħżel inti, għamilt sew li ħallejt kollox biex mort wara dan ir-raġel’.
L-esperjenza tal-preżenza ta’ Ġesù hija esperjenza li f’Kafarnahum iġġib fi ħdanu il-fejqan. Veru li kellu mument fis-sinagoga imma d-dar ta’ Xmun u ta’ Indrì ssir tempju ieħor ta’ fejqan. “Fi nżul ix-xemx, ħadulu quddiemu lil dawk kollha li kienu morda”, għax il-kelma ġriet, “li kienu maħkuma mix-xitan” quddiem il-bieb ta’ dik id-dar. Issa mhux fis-sinagoga imma “quddiem il-bieb ta’ dik id-dar inġabret il-belt bi ħġarha” (vv. 32-33). Ġesù jfejjaq, Ġesù jeżorċizza, ikeċċi x-xjaten, imma fl-istess ħin ma jridx jieqaf hemm.
L-għada tibda ġurnata tipika ta’ Ġesù. San Mark (qegħdin fl-Ewwel Kapitlu tal-Evanġelju tiegħu) jagħtina ftit it-timetable ta’ ġurnata tipika ta’ Ġesù, li kienet tibda qabel iż-żerniq, billi Ġesù kien ifittex post imwarrab biex jitlob (v. 35). Dan li minnu toħroġ din il-qawwa ta’ fejqan, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, għandu bżonn ikun waħdu f’intimità konkreta mal-Missier. Hu li hu l-Iben ta’ Alla qabel iż-żmien, fiż-żmien u bħala bniedem għandu bżonn l-ispazju biex ikun waħdu mal-Missier. Hija tagħlima għalina li msejħin inxandru l-Evanġelju u minn għalina l-Evanġelju se nxandruh mill-qawwa tagħna, jew se nixhdu għalih bil-qawwa tagħna. Kemm għandna bżonn insibu spazju għalina biex inkunu mal-Mulej.
Carlo Carretto, profeta kbir tas-seklu għoxrin, kellu ktieb ċkejken jismu Il Deserto Nella Città. Din il-kapaċità tan-Nisrani li għalkemm jgħix fil-belt ta’ din id-dinja, isib spazju interjuri, intimu, fejn ikun ħaġa waħda ma’ Alla. Xmun u sħabu jmorru jfittxu lil Ġesù u jgħidulu li ovvjament kulħadd jistaqsi għalih. “Ejjew imorru band’oħra”. Din il-libertà ta’ Ġesù! Xi ħaġa oħra li timpressjonana f’dan l-ewwel kapitlu ta’ San Mark hija li Ġesù huwa marbut mal-missjoni li għandu li jrid jipprietka, iwassal is-saltna ta’ Alla: l-aħbar it-tajba lil kemm jista’ jkun nies. “Ejjew immorru band’oħra, fl-irħula tal-qrib ħalli nipprietka hemmhekk ukoll għax għalhekk ħriġt” (v. 38).
Il-kelma ‘ħruġ’ hija kelma li nqisuha lonely għaliex tfisser propju mhux biss il-missjoni tiegħu, il-ħruġ tiegħu minn Nazaret, imma l-ħruġ tiegħu wkoll meta huwa sar bniedem fil-ġuf ta’ Marija Verġni. Dak kollu huwa ħruġ bħalma se jkun ħruġ ukoll il-misteru tal-mewt tiegħu u tal-qawmien tiegħu mill-imwiet.
L-appostlu Missierna jispjegalna kif din il-mentalità ta’ Ġesù ssir ukoll il-mentalità tad-dixxipli. “Jekk jiena nxandar l-Evanġelju m’għandix biex niftaħar; jien obbligat nagħmlu dan” (1 Kor 9, 16). Pawlu kellu dan is-sens ta’ urġenza u jwassal bxara tajba għaliex l-Evanġelju huwa bxara tajba, aħbar tajba. Il-komunità Nisranija trid tħoss din l-urġenza: li twassal il-kelma ta’ Ġesù lill-ġenerazzjoniet li telgħin, lis-soċjetà li tant għandha ilħna u vuċijiet. U hemm ukoll il-vuċi ta’ Ġesù li ssejjaħ għall-paċi, għall-ħelsien veru, isejjaħ għall-imħabba vera.
U San Pawl jirrealizza li mhux kwistjoni ta’ privileġġi oħra, imma kwistjoni ta’ dover urġenti u li l-fatt li aħna msejħin inkunu ħaġa waħda b’mod speċjali mad-dgħajfin: “Sirt dgħajjef mad-dgħajfin, biex nirbaħ id-dgħajfin” (v. 22). Xi ħaġa li jgħidilna b’urġenza kbira anke l-Papa Franġisku “fejn hemm id-dgħufija n-Nisrani għandu jħoss qisu kalamita li tiġbdu”.
Jiena u nibda din iż-żjara pastorali f’din il-parroċċa, irrid insellem lill-komunità Nisranija li hi qed tagħti xhieda kbira ta’ akkoljenza konkreta: li tilqa’ mingħajr ħafna paniku u kumplessi inutli anke nies li ġejjin minn kulturi differenti. Din hija xhieda ta’ komunità Nisranija li tgħix din is-sejħa: li “ssir dgħajfa mad-dgħajfin biex tirbah id-dgħajfin”. Nirringrazzja ’l Alla wkoll tax-xhieda kollha li sibt fid-djakonija tal-parroċċa, is-solidarjetà li ssib, mingħajr ħafna storbju imma b’effikaċja kbira.
“Nagħmel dan kollu minħabba l-Evanġelju biex ikolli sehem minnu” (v. 23) għax meta aħna ngħixu l-kelma ta’ Ġesù, aħna jkollna sehem minnha, aħna wkoll insiru aħbar tajba, insiru Evanġelju. U dan huwa l-aħħar ħsieb li nixtieq naqsam magħkom. Imma nieqfu ftit llum forsi anke minuta, tnejn, m’hemmx għalfejn ħafna, u nistaqsu lilna nfusna: fl-ambjenti fejn il-Mulej ġie jiena aħbar tajba?
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġob 7, 1-4.6-7
Salm: 146 (147), 1-2.3-4.5-6
Qari II:1 Kor 9. 16-19.22-23
Evanġelju: Mk 1, 29-39
-
-
-
-
-
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace