-
Nhar il-Ħadd li ġej, 9 ta’ April, il-Knisja tagħti bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa biċ‑ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il‑Palm u l‑Passjoni tal‑Mulej. L-Arċisqof Charles J. Scicluna, fid-9:15 a.m., ibierek il-friegħi tal-palm u ż‑żebbuġ fl-Oratorju tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, u wara jiċċelebra Quddiesa fil‑Konkatidral. Matul il-Quddiesa jinqara r‑rakkont tal‑passjoni mill‑Evanġelju skont San Mattew.
L‑Erbgħa 12 ta’ April, fis‑7.00 p.m., l-Arċisqof ser imexxi l‑Via Sacra Nazzjonali li tibda minn Bieb il‑Belt u tintemm quddiem il‑Konkatidral ta’ San Ġwann.
Il‑Ħamis 13 ta’ April, Ħamis ix‑Xirka, fid‑9:00 a.m., l-Arċisqof jiċċelebra l‑Quddiesa tal‑Griżma, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann. Matul din il‑Quddiesa, flimkien mal‑Arċisqof jikkonċelebraw saċerdoti djoċesani u reliġjużi li jġeddu l‑wegħdiet li għamlu dakinhar tal‑ordinazzjoni tagħhom. Dakinhar filgħaxija, fis‑6:00 p.m., fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, issir it‑Tifkira Solenni tal‑Ikla tal‑Mulej. Matul din il‑Quddiesa, fuq l‑eżempju ta’ Ġesù, l‑Arċisqof jaħsel riġlejn numru ta’ persuni. Fi tmiem il‑Quddiesa, l-Arċisqof iwassal is‑Sagrament Imqaddes fil‑kappella tar‑ripożizzjoni, għall‑qima tal‑Insara.
Il‑Ġimgħa 14 ta’ April, il‑Ġimgħa l‑Kbira, fit‑3:30 p.m., l-Arċisqof imexxi l‑Azzjoni Liturġika tal‑Passjoni u l‑Mewt tal‑Mulej, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann. Din il‑liturġija tinkludi r‑Rakkont tal‑Passjoni skont San Ġwann, l‑Adorazzjoni tas‑Salib u t‑Tqarbin.
Is‑Sibt 15 ta’ April, Sibt il‑Għid, fit‑8:00 p.m., l-Arċisqof imexxi l‑liturġija tal‑Vġili tal‑Għid, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann. Iċ‑ċelebrazzjoni tibda bit‑Tberik tan‑Nar ġdid fuq iz‑zuntier tal‑Konkatidral, u tkompli bil-liturġija tal‑Kelma, il‑liturġija tal‑magħmudija, u l‑liturġija tal‑Ewkaristija. Matul din iċ-ċelebrazzjoni l-Arċisqof ser jgħammed żewġ trabi u ħames adulti.
Il‑Ħadd 16 ta’ April, Ħadd il‑Għid, fid‑9:15 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Stazzjonali tal‑Għid il‑Kbir tal‑Mulej, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann. Fi tmiem il‑Quddiesa, l‑Arċisqof jagħti l‑Barka Appostolika bl‑Indulġenza Plenarja.
Iċ‑ċelebrazzjonijiet kollha tal‑Ġimgħa Mqaddsa li ser isiru fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, ser jixxandru ‘live’ fuq il‑YouTube Channel tal‑Knisja f’Malta.