Ritratt: Sr Michaela Paris

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

‘Kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru.’ (Lq 16:20) Hekk jgħid Ġesù dwar dan il-fqir li kellu ġismu ġerħa waħda u li fir-rakkont tiegħu Ġesù jagħzel li jagħtih l-isem ta’ Lazzru.

Lazzru għal Ġesù kien isem għażiż għax kien l-isem ta’ wieħed mill-ħbieb għeżież tiegħu. Lazzru ħu Marija u ħu Marta kien wieħed min dawk li Ġesù kellu intimita` kbira magħhom u meta qed jirrakonta l-parabbola tal-għani u l-fqir, lill-fqir jagħtih isem; jagħtih l-isem tal-ħabib għażiż tiegħu, Lazzru. Lill-għani ma jagħtihx isem. Nafuh biss bħalha l-għani. Dan il-fqir kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ dar l-għani bix-xewqa li jixba’ b’dak li kien jaqa’ mill-mejda tal-għani.  

Għażiża Sister Josette, inti għanja bl-imħabba li sawwab fil-qalb tiegħek Ġesù. Għalhekk inti u taċċetta din is-sejħa lil Ġesù sejjaħlu għarus, għaliex ir-relazzjoni tiegħek miegħu hija relazzjoni ta’ mħabba. Aħna l-bnedmin ma ngħixux mingħajr imħabba. U l-imħabba ta’ qalbek u ta’ ħajtek illum issib is-siġill tagħha. L-għarus tiegħek huwa wieħed. Hu għarus għal dejjem. Jismu Ġesù, Ġesù ta’ Nażaret. Illum Ġesù ta’ Nażaret jgħanik bl-imħabba tiegħu. Għandu għatx kbir li jħobb lid-dinja u qed jagħżel li jinqeda bik biex ikompli jħobb lil kull wieħed u waħda minna.

Ritratt: Sr Michaela Paris

Jiena nistenna li mal-bieb tad-dar ta’ qalbek se jinġemgħu ħafna nies fqar bil-ġuħ u bil-għatx għall-imħabba u se jkunu kuntenti li jixbgħu b’dak li jaqa’ mill-mejda tal-imħabba tiegħek. Qis li ma tagħlqilhomx il-bieb. Qis li qalbek tkun dejjem miftuħa għal Lazzru li wara l-bieb ta’ qalbek jistenna loqma mħabba, ħarsa ħelwa, id-dirgħajn li jerfgħuh, il-vuċi li tikkunslah, ir-riġlejn li jfittxuh, il-qalb li tibki u tifraħ mal-proxxmu.

Id-dinja għad hawn għatx kbir għall-imħabba. Dan il-għatx mhu ser jispiċċa qatt.

Fil-parabbola ta’ Ġesù kemm l-għani u kemm Lazzru jmutu. Aħna lkoll ngħaddu minn dak il-bieb. Mgħaġġlin u m’aħniex. Jiena lil Ġesù dejjem ngħidlu, ‘Meta trid, imma m’iniex mgħaġġel.’ U meta niltaqgħu mal-Imgħallem ser naħsdu dak li nkunu żrajna. L-għani żera’ ħondoq bejnu u bejn il-fqir. Il-fqir qatt ma seta’ jersaq lejh. Kienet l-għażla tal-għani li jgħidlu ‘no entry’. Il-fqir bl-umiltà, bil-bżonn u bit-talb tiegħu sab post fi ħdan Abraham.

Ritratt: Sr Michaela Paris

Jiena nawguralek minn issa li tinseġ il-ġenna tiegħek billi għal kulħadd għal kull min tiltaqa’ miegħu, kull fejn tibgħatek l-ubbidjenza  inti mhux tibni il-ħitan imma tibni l-pontijiet.

F’ħajtu l-għani kellu l-possibbilità, kellu l-mezzi biex jibni pont bejnu u bejn il-fqir. Minnflok pont bena ħajt. Għamel fondoq profond. U fid-destin li jgħodd dak sab. Ħasad dak li żera’.

Sr Josette, iżra’ l-imħabba kull fejn tgħaddi: bil-vuċi tiegħek, bid-daħka tiegħek, bl-entużjażmu tiegħek. Meta tistad għall-aħwa agħtihom lil Ġesù. Nawguralek kull ġid.

Ritratt: Sr Michaela Paris

Il-Mulej ibierek l-għotja tiegħek. Il-kant tas-sorijiet laqqgħak magħhom. Jalla ħajtek tkun għanja li tlaqqa’ ħafna żagħżagħ mal-kariżma Ursulina, ma’ din il-kongregazzjoni li ħarġet mill-qalb ta’ Mons. Isidore Formosa; u li għandha futur għax fid-dinja għad hawn għatx kbir għall-imħabba. Dan il-għatx mhu ser jispiċċa qatt. Il-Mulej jibqa’ jibgħat ambaxxaturi, sajjieda, li jiġbru l-umanità lejn il-qalb Imqaddsa tiegħu.

Nawgurawlek. Nitolbu għalik. Jekk jogħġbok itob għalina.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Qari tal-quddiesa
Qari I: I Sam 3: 1; 3-10; 19
Salm: 145(146): 7,8-9a,9bċ-10
Qari II: 1 Tim 6: 11-16
L-Evanġelju: Lq 16,:19-31