-
-
On Saturday 18th July 2015, Archbishop Charles J. Scicluna celebrated Mass with youths who attend Youth Fellowship, at Gattard House, Blata l-Bajda.
The Archbishop’s Homily
-
-
Gattard House, Blata l-Bajda
18 ta’ Lulju 2015
Nixtieq naqsam magħkom żewġ ħsibijiet ispirati mill-Vanġelu li għadna kemm smajna, il-Vanġelu skont San Mark, Kapitlu 6. Huma erba’ versi biss li jirrakuntaw ir-ritorn tal-appostli minn missjoni li għaliha kien bagħthom Ġesù.
Iż-żewġ mumenti jagħtuna ħjiel fuq kif jaħseb Ġesù, u jiftħu tieqa fuq il-qalb tiegħu. Aħna, meta ngħidu ‘l-Qalb ta’ Ġesù’, nirreferu mhux biss il-muskolu li jippompja d-demm, imma għall-personalità ta’ Ġesù, il-karattru tiegħu, il-mod kif jaħseb. Din hi l-Qalb ta’ Ġesù.
Fil-Vanġelu, naqraw kif il-Mulej jinnota li d-dixxipli għamlu xogħol tajjeb, qalulu kull ma kienu għamlu u kull ma għallmu, imma l-preokkupazzjoni tiegħU hija l-ewwelnett għalihom. “Ejjew miegħi intom biss waħidkom f’xi post imwarrab u strieħu ftit” (Mk 6, 31). Smajna ħafna dettalji dwar il-postijiet sbieh madwar Kemmuna, xi post hekk għall-kwiet. Imma nzerta li madwar l-lake ta’ Ġennesaret jew Tiberijade, ma kienx hemm wisq fejn taħrab. Li ġara’ hu li kif in-nies rawhom sejrin bid-dgħajsa, għamlu d-dawra fuq ix-xatt bil-mixi, jiġru biex jilħqu qabilhom. Kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin, lanqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom. L-appostli kellhom it-tentazzjoni wkoll tal-attiviżmu minħabba l-pressjoni kbira tan-nies, u din xi ħaġa li kien iħossha wkoll Ġesù.
Ġesù jgħallem lid-dixxipli lezzjoni essenzjali għalina, li teħtieġ ħafna umiltà: l-umiltà li tieqaf biex tistrieħ. Ħafna drabi min huwa fl-ingranaġġ tax-xogħol jew tal-business jew tal-appostolat, iħossha bi tqila jieqaf u jgħid: dil-ġurnata se tkun verament għalija. U allura tidħol faċli suppervja sottili li warajha jkun hemm l-idea li mingħajrna d-dinja ma tistax tkampa, imbagħad xorta nispiċċaw ġo kaxxa mingħajr avviż, u d-dinja tkompli. Kemm hi ħaġa qaddisa li niftakru din il-ħaġa: li meta jsejħilna l-Mulej, id-dinja se tkompli. U għalhekk tajjeb li qabel naslu għall-mistrieħ ta’ dejjem, dawk il-quiet eternal waters, nippruvaw ingawdu our quiet temporary waters, li tieqaf tistrieħ biex x-xogħol tiegħek, bl-umiltà kollha imma b’entużjażmu kbir, isarraf aħjar. Dan li qiegħed ngħid lilkom qed ngħidu qabelxejn lili nnifsi.
Ħafna drabi jiġrilna dak li ġralu Ġesù fit-tieni parti tal-Vanġelu tal-lum. L-intenzjoni li jistrieħu kienet hemm, imma ma rnexxietx, għaliex in-nies antiċipawhom, marru bid-dgħajsa weħidhom lejn post imwarrab, “imma n-nies rawhom sejrin”, jgħid San Mark, u waslu qabilhom. U kif jasal f’dan il-post imwarrab, il-Mulej jirrealizza li mhu mwarrab xejn imma mimli nies, folla kbira ta’ nies! Hawnhekk naraw it-tieni aspett tal-Qalb ta’ Ġesù, jiġifieri tal-mod kif jaħdem. Ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom. Diffiċli tittraduċi l-Grieg oriġinali għaliex il-verb huwa kważi ‘li qalbek tinħall’, tiżvixxra qalbek, tinħall bil-kommozzjoni. Kważi ħarġet qalbu bil-kommozzjoni, bl-imħabba, bl-emozzjoni għal dawn in-nies. Inħallet qalbu għax ra poplu li kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj. U qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.
Ir-reazzjoni ta’ Ġesù dejjem timpressjonani għaliex il-Mulej, biex jirrispondi għall-għatx tan-nies, jgħallem. Jekk aħna rridu nħallu lil Ġesù jkun ir-ragħaj tagħna, irridu niftħulu widnejna u meta jgħallimna nisimgħuh għax il-Mulej jirgħana, il-Mulej jieħu ħsiebna, jindukrana billi jdawwal il-moħħ, il-qalb u l-kuxjenza tagħna. Għax it-tagħlim ma jneħħilekx il-libertà, imma jagħtik l-elementi biex tagħżel. U għalhekk il-Mulej jirgħa bil-mod il-mod, b’ħafna persważjoni u qatt bi vjolenza, għaliex jgħallem, idawwal il-moħħ, idawwal l-għajnejn tal-qalb, imma l-għażla jħalliha f’idejk, iħalliha f’idejna.
Fl-Ewwel Qari (Ġer 23, 1-6) għandna ċensura kbira tagħna r-ragħajja. Aħna ħafna drabi meta jiġi s-sittax-il-Ħadd ta’ żmien ta’ matul is-sena tas-sena B, nitkellmu fuq il-Vanġelu u l-Ewwel Qari naqilbulu l-paġna kemm jista’ jkun malajr. Għaliex jekk hemm omelija kontra l-qassis, hija l-Ewwel Qari tal-lum. Hija ċensura tagħna, hija motiv biex aħna r-ragħajja nagħmlu eżami ta’ kuxjenza. U b’xi mod din accountability tajba li ġgħalna nagħmlu l-Kelma t’Alla, għax il-Kelma t’Alla ċċanfar lir-ragħajja quddiem kulħadd. “Ir-ragħajja li jeqirdu u jxerrdu l-merħla” imma jgħidilhom “gwaj għalikom”. Mela r-ragħaj ma’ jistax jeqred imma jmantni, ma’ jistax ixerred il-merħla imma jgħaqqadha madwar Ġesù, mhux madwar djulu, imma madwar Ġesù. “Intom xerridtu n-nagħaġ tiegħi, gerrixxtuhom u ma ħadtux aktar ħsiebhom. Araw se naħseb fikom jien minħabba l-ħażen ta’ għemilkom”.
Aħna rridu nitolbu biex ir-ragħajja tagħna jkunu ragħajja skont il-Qalb tal-Mulej. Aħna r-ragħajja rridu nitolbu maħfra ta’ kemm-il darba bl-eżempju ħażin tagħna, minflok ġbarna n-nagħaġ xerridnihom, minflok għamilnilhom l-kuraġġ gerrrixnihom, minflok ikkurajnihom, ma ħadniex ħsiebhom. U rridu nitolbu maħfra quddiem il-komunità għax il-komunità għandha d-dritt tgħasses fuq ir-ragħajja f’isem il-Mulej. Meta intom f’kull quddiesa titolbu għal Papa Franġisku, għall-Isqof tagħkom Charles li huwa jien, u titolbu għall-ministri kollha tal-Mulej, itolbu li jagħmlu d-dover tagħhom, li nagħmlu d-dover tagħna.
Il-Mulej qatt ma jabbanduna l-merħla tiegħu, dejjem jibgħat lil xi ħadd. L-importanti huwa li min hu ragħaj jitgħallem ikun ukoll dixxiplu. Jiena nixtieq nagħmlilkom ħafna kuraġġ biex f’kull ġurnata rridu nsibu dak il-mument ta’ kwiet fejn aħna nkunu weħidna quddiem Alla, dak il-quiet time.
Nieqaf b’espressjoni sabiha li uża’ l-Papa Franġisku s-sena li għaddiet meta tkellem fuq il-vaganzi. Il-Papa Franġisku ma tantx hu devot tal-vaganzi, imma qal: kemm hi ħaġa sabiha li l-vaganzi nużawhom biex nagħmlu naqra detox. Forsi hemm xi drawwa li matul is-sena fixklitni; il-vaganzi jiġu biex jiena ineħħiha mis-sistema tiegħi. Tiġini f’moħħi l-pornografija. L-isbah vaganza tkun li tgħid li dik il-website jiena se nieħu vaganza minnha u nagħmel ftit detox. Jew inkella substance abuse, nagħmlu d-detox. Mhux faċli. Il-vaganzi kollha jqumu ħafna flus, il-vaganzi kollha trid tfaddal għalihom. Imma l-vaganza vera hija dik li meta tispiċċa, ħossok tassew refreshed, bħal meta tagħfas il-reset button. Intom tafu li r-reset button f’ħafna affarijiet trid tuża xi splengun jew labra għax inkella tagħfasha bi zball u jagħmillek reset mingħajr ma tkun trid, imma r-reset trid tfittixha u tagħmel sforz biex tagħmel reset. Reset mhux resit. Min għamel l-eżamijiet nawguralu li jgħaddi u ninsew ir-resits. Imma r-reset fil-vaganzi jkunu a good detox opportunity, anke għall-Isqof.
✝ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
Photos: Curia Communications Office