• The Archbishop celebrates mass on the World Day of the Sick

  • Nhar it-Tlieta 11 ta’ Frar 2014, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. iċċelebra Quddiesa fis-Santwarju ta’ Santa Tereża, Birkirkara. Din il-Quddiesa ġiet organizzata mill-Għaqda Maltija għat-Trasport tal-Morda f’Lourdes.

    Ritratti: Photocity
    www.photocitymalta.com

  • Matul id-diskors tiegħu, l-Arċisqof tkellem dwar il-messaġġ tal-Papa għal din l-okkażjoni:

    Bħalma jagħmel kull sena, l-Papa Franġisku bagħtilna ittra għal Jum tal-Morda. Hu jgħidilna ħafna affarijiet sbieh: li hemm bżonn li ngħaqqdu t-tbatijiet tagħna ma’ dak ta’ Kristu, li hemm bżonn nitolbu lil Marija biex hija tkun magħna anke fil-mument tat-tbatija, u li l-Knisja qiegħdha viċin tal-morda f’dan il-mument ta’ tbatija. Il-Papa jgħid li anke hu jrid ikun viċin tal-morda fit-tbatija tagħhom.

    Imma lejn l-aħħar tal-messaġġ il-papa jgħid li hemm bżonn mhux biss nitolbu lil Marija, imma li aħna rridu nimitaw lil Marija biex inkunu verament mexjin fil-passi ta’ Kristu. Il-Madonna kienet l-isbaħ dixxiplu tal-Mulej u m’hemm ħadd li kien jifhem x’jgħamel il-Mulej daqs Sidtna Marija.

    Naraw ftit x’ried ifisser il-Papa Franġisku meta qalilna biex nimxu fuq il-passi ta’ Marija. X’għamlet il-Madonna meta kien hemm xi ħadd li kellu xi bżonn u hi riedet tgħinu? L-ewwel riflessjoni li nagħmlu hija meta Sidtna Marija marret għand il-qariba tagħha Santa  Eliżabetta li kienet qed tistenna tarbija anke fl-età kbira tagħha. Marija, allavolja hi stess kienet tqila, marret biex tkun tista tgħinha. U din hija l-ewwel ħaġa li jgħidilna l-Mulej: biex aħna mmorru nżuru lil dawk li  huma morda, biex aħna f’ismu mmorru biex nagħtu konsolazzjoni lil dawk li huma morda. Kemm hawn, ħuti, nies anke f’Malta tagħna li jgħixu weħidhom jew qegħdin f’xi sptar, kultant kważi minsijin mill-familji tagħhom. U allura l-Mulej qiegħed jipproponilna dan: li aħna mmorru naraw u nżuru lil dawn li qegħdin ibatu.

    It-tieni ħaġa li aħna naraw fil-ħajja ta’ Sidtna Marija hija meta hi marret tippreżenta lil binha fit-tempju. Hemmhekk Xmuni li l-Ispirtu kien qed jitkellem permezz tiegħu, qalilha li binha kien se jkun dawl li jmeruh il-ġnus, u li qalbha kellha tiġi minfuda minn sejf ta’ dulur minħabba dan it-tifel tagħha. U l-Madonna aċċettat dik li aħna ngħidulha t-tieni sejħa ta’ Marija. Marija aċċettat mhux biss li tkun ma’ binha fil-ħajja normali tiegħu, imma f’dak il-mument fehemet li bniedem ma jistax iħobb veru jekk ma jkunx lest li jabti għal min iħobbb. U Marija dak il-ħin qalet lill-Mulej ġewwa qalbha, għax kienet iżżomm kollox ġewwa qalbha: ‘Mulej, jiena lesta li nbati għal ibni Sidna Ġesu Kristu’. l-Papa Ġwanni Pawlu II jgħidilna li Marija, ħajjitha kollha kienet tixtieq li tkun ħdejn Ġesu meta jkun qiegħed ibati. Mhux xtaqet li Ġesu jbati, imma xtaqet li tkun ħdejn Ġesu meta Ġesu jkun qiegħed ibati fuq is-salib. U ħajjitha kollha sal-mewt ta’ binha Ġesu,  Sidtna Marija kienet iżżomm dan kollu f’qalbha, tħejji ruħha biex meta jiġi l-mument tal-prova hi tkun imħejjiha biex tkun ħdejn binha Ġesu.

    It-tielet riflessjoni li aħna għandna mill-ħajja ta’ Sidtna Marija hija dik li qrajna llum fil-Vanġelu (Ġw 2, 1-11) jiġifieri l-miraklu ta’ Kana. U fil-miraklu ta’ Kana aħna rajna lil Sidtna Marija tinterċedi, tidħol għal dawk iż-żewġ għarajjes għaliex kellhom problema. Ma kienitx l-ikbar problema, imma kienet problema li minħabba fiha setgħu ibatu. Il-Madonna x’għamlet? Daret lejn il-Mulej Ġesu u qaltlu: ‘isma m’għandhomx inbid’. U dak il-ħin Sidna Ġesu Kristu, l-ewwel jippruvaha, jgħidilha: ‘għadha ma waslitx is-siegħa tiegħi’, imma mbagħad jagħmel il-miraklu li jbiddel  l-ilma f’inbid. It-tielet ħaġa li aħna rridu nagħmlu hija li ninterċedu għal dawk li huma batuti. Aħna l-insara suppost nitolbu b’mod speċjali għall-morda u dawk li qegħdin  ibatu. U nagħmlu bħalma għamlet Marija, nfuru lejn Ġesu u ngħidulu: ‘Dik il-persuna hija marida, Mulej, ħu ħsiebha, dik il-persuna qed tbati, ħu ħsiebha’. U aħna nagħmlu l-istess kemm fil-quddies tagħna, kemm fit-talb personali tagħna.

    U r-raba’ u l-aħħar riflessjoni li nagħmlu fuq il-ħajja ta’ Sidtna Marija bħala mudell fil-mument tat-tbatija,  hija dwar Sidtna Marija ħdejn is-salib ta’ binha Ġesu. Il-Madonna kienet hemm, ma nafux kif waslet hemmhekk ħdejn binha Ġesu. Min jaf x’faraġ tat lil dan Binha! Xorta ssallab, xorta miet! Imma min jaf dak il-wiċċ ta’ ommu kemm kien ta’ faraġ għalih meta kien qiegħed jisma’ lil dawk kollha qegħdin jirrabjaw għalih u jgħidu lis-suldati biex huma jkunu jistgħu isalbuh. Kkemm ikun sabih meta aħna jkun hemm xi ħadd li huwa marid, u forsi ilu, u forsi se jdum u aħna niġu ħdejh. Il-preżenza tagħna biss kultant  tkun bizzejjed biex infarrġuh.  

    Nerġa’ nsemmilkom kif aħna rridu nimxu fuq il-passi ta’  Sidtna Marija, Ommna. L-ewwelnett billi aħna mmoru ngħinu lil dawk li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna. It-tieni li aħna naċċettaw li ma rridux inkunu komdi f’kollox f’din il-ħajja, nkunu lesti li nbatu aħna biex lil ħaddieħor intaffulu t-tbatija. It-tielet ninterċedu, nitlobu għal min ikun qiegħed ibati. U l-aħħar inkun qrib ta’ min ikun qiegħed ibati u nfarrġuħ, imqar bil-presenza tagħna.

    Din hija r-raġuni li għalija aħna ġejna hawn illum. Aħna: jiena, intom,  nixtiequ li nkunu aħjar. Ejjew inħallu dawn l-eżempji ta’ Sidtna Marija jifħlu f’qalbna biex jagħmluna nsara aħjar mqar wieħed minnhom, u li nfittxu li ngħinu lil dawk li huma morda jew fit-tbatija.

    +  Pawlu Cremona O.P.

        Arċisqof ta’ Malta