Fil-Vanġelu li għadna kemm smajna, naraw lil Marija attenta ħafna għall-bżonnijiet tal-oħrajn. Indunat li ma kienx fadal inbid. Ma kinitx biss kuntenta li tinnota x’kien ġara, tħassbet u kkonċernat ruħha għas-sitwazzjoni u l-bżonnijiet ta’ ħaddieħor.
It-tieni ħaġa li tgħallimna Marija hija li ddur lejn Binha Ġesù u tgħidlu: “Ma fadlilhomx inbid”. Ir-reazzjoni ta’ Ġesù, li fehem Ommu x’riditu jagħmel, hija li jgħidilha: “is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx”, mhux il-mument li nuri l-glorja tiegħi (ara Ġw 2, 3-4). Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann, is-siegħa tal-glorja ta’ Ġesù sseħħ mhux b’xi ħaġa spettakolari tad-dinja, imma bl-ispettaklu tas-salib – meta jintrefa’ ’l fuq il-Mulej huwa fis-siegħa tal-glorja tiegħu.
Fit-tieġ ta’ Kana, il-Mulej jagħżel li jidħol f’sitwazzjoni diffiċli, imwebbel minn ommu Marija biex ngħidu hekk. Dak li kien mument ta’ diffikultà kbira, Ġesù jittrasformah f’mument ta’ glorja. Filfatt, il-Vanġelu li għadna kemm smajna jgħid: “id-dixxipli tiegħu raw il-glorja tiegħu u emmnu fih” (Ġw 2, 11).
Għeżież ħuti morda u għeżież ħuti li tieħdu ħsieb il-morda, mhux biss fil-pellegrinaġġ ta’ Lourdes imma f’tant oqsma, ejjew ma ninsewx li f’kull ġurnata l-Mulej juri l-glorja tiegħu mhux biss fis-sbuħija tiegħu fuq it-Tabor, meta jittrasfigura ruħu, imma anke fuq is-salib. Ġesù jaqbad l-ilma li hemm f’sitt damiġġjani kbar, li kull waħda minnhom tesa’ xi mija u għoxrin litru. Il-Papa Franġisku jgħid li dak l-ilma kien ikun ilma fqir għax se jintuża għall-ħasil, b’mod speċjali tar-riġlejn, għall-purifikazzjoni tal-affarijiet. Ġesù jilqa’ dak l-ilma fqir, mhuwiex għax-xorb imma għall-ħasil, u jibdlu f’inbid tassew tajjeb.
Il-Papa jgħid li dik il-kwantità kbira ta’ ilma li sar inbid huwa wkoll sinjal ta’ kemm Alla, anke f’mumenti diffiċli, jaf ikun ġeneruż bil-ħniena tiegħu, bl-imħabba tiegħu, ġeneruż bil-maħfra tiegħu, ġeneruż bl-għajnuna tiegħu. Din hija xi ħaġa li nixtieqkom tiftakruha dejjem: il-Mulej huwa ħali fil-ħniena, huwa għani fil-ħniena! Ma jagħmilx limiti għall-ħniena kbira tiegħu.
“Inti ħallejt l-inbid it-tajjeb għall-aħħar” (Ġw 2, 10). Tgħiduli: ‘jekk inħares lejn ħajti, ma tantx nista’ ngħidlu hekk lill-Mulej għax mgħobbi jew mgħobbija bil-mard’. Imma tkun grazzja kbira meta aħna u nindunaw li għandna xi marda, jew inkella mgħobbijin bit-toqol tal-età u bl-iskumdità tal-mard, nindunaw li Alla ma nesiniex, li aħna qegħdin nissieħbu fil-glorja miegħu.
Jien nixtieq nagħmel appell biex is-soċjetà tagħna, meta tħares lejn il-mard, tibqa’ turi ħniena kbira u solidarjetàkbira. Il-marid mhux toqol, il-marid huwa persuna umana li għandha dritt għall-kura, ir-rispett u d-dinjità. Kultant il-mard tant jitqal, għax aħna nafu li l-marid mhux biss ikun hu li jittaqqal imma anke ta’ madwaru, li faċli wieħed tiġih it-tentazzjoni li jgħid: ‘kemm nixtieq li din il-ħaġa tispiċċa malajr, anzi, niddeċiedi jien meta se jispiċċa dan il-mument ta’ tbatija, jew dan il-kalvarju’.
Jiena, b’umiltà kbira, infakkar lilkom għeżież morda, u nfakkar ukoll lis-soċjetà Maltija, li aħna m’aħniex sidien ta’ ħajjitna. Il-ħajja hija rigal tal-Mulej. Għalkemm aħna m’għandniex għalfejn nesaġeraw biex intawlu l-ħajja tagħna b’mod straordinarju – dak mhux it-tagħlim, la tal-Knisja u lanqas jagħmel sens li inti ttawwal ħajtek bit-tbatija li ġġib magħha inutilment. Imma li inti tiddeċiedi meta ħajtek se tintemm, mhuwiex mogħti lilek. Il-Mulej jagħtina l-qawwa biex aħna nkunu ta’ sapport għal xulxin, għax ħafna drabi l-ikbar tbatija fil-mard mhux l-uġigħ tal-ġisem, imma l-uġigħ ta’ solitudni, l-uġigħ tad-depression, l-uġigħ tal-ħsieb ta’ min meta kien b’saħħtu kellu ħafna ħbieb, u meta safa marid beda jgħix ħajja ta’ solitudni.
Jien nixtieq nitlob ħafna għall-carers, għat-tobba, għan-nurses, b’mod speċjali l-istudenti li qegħdin jippreparaw ruħhom għal dawn il-professjonijiet tant nobbli, biex ma jinsew qatt li huma mhumiex is-sidien tal-ħajja, imma qaddejja tal-ħajja, huma qaddejja tal-morda. Din hija xi ħaġa li timpressjonani kull meta nżur dik l-oażi ta’ talb u ta’ fejqan spiritwali li hija Lourdes. Timpressjonani l-kura, id-delikatezza, id-dinjità li bihom jiġu trattati l-morda.Kemm tkun ħaġa sabiħa li dak l-ispirtu ta’ Lourdes ikun preżenti fl-oqsma ta’ kull fejn aħna għandna l-morda u l-anzjani – dak ikun sinjal tassew ta’ ħniena kbira f’din is-Sena tal-Ħniena.
Kif tafu, il-Papa Franġisku ta permess lilkom il-morda, dawk minnkom li ma tistgħux tagħmlu l-vjaġġ għall-Bibien tal-Ħniena li nfetħu fid-djoċesijiet, biex takkwistaw il-vantaġġi kollha tas-Sena tal-Ħniena: l-indulġenzi possibbli mid-djar tagħkom, mis-sodda tal-mard tagħkom, minn fejn qegħdin ir-residenzi tagħkom. Għalhekk jiena nitlobkom biex tipparteċipaw bit-talb tagħkom, bil-paċenzja li tieħdu bikom infuskom u anke b’ta’ madwarkom, u anke bil-paċenzja li jieħdu bikom il-carers, naħdmu biex din is-Sena tkun sena ta’ maħfra, ta’ ħniena, ta’ rikonċiljazzjoni.
Nitolbu ħafna l-interċessjoni tal-Madonna ta’ Lourdes u ta’ Santa Bernadette Soubirous u tal-qaddisin kollha, biex jidħlu għalina quddiem il-Mulej ħalli jaqlgħalna l-grazzja li aħna nilmħu l-glorja tiegħu anke mis-salib tas-sodda tagħna, is-salib tas-sodda tal-mard.