-
-
Nhar il-Ħamis 22 t’Ottubru 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni tal-Kanonizzazzjoni ta’ Louis u Zélie Martin, fis-Santwarju ta’ Santa Tereża Birkirkara.
Homily by Archbishop Charles J. Scicluna
Santwarju ta’ Santa Tereża, B’Kara
22 ta’ Ottubru 2015
“Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2, 5). Il-parir ta’ Sidtna Marija, omm Ġesù lill-qaddejja huwa wkoll l-aħħar kliem li l-Vanġeli jagħtuna minn fomm Sidtna Marija. “Agħmlu dak li jgħidilkom Ibni”. Huma l-kliem li ż-żewġ qaddisin ġodda li llum qegħdin niċċelebraw, il-qaddisin miżżewġa Louis u Marie Zélie, għexu fil-ħajja tagħhom.
Fit-tieġ ta’ Kana kien hemm sitt ġarar mimlija ilma li jintuża għall-purifikazzjoni biex jinħaslu l-mistednin qabel l-ikla u biex isir il-ħasil tal-oġġetti. Il-Papa Franġisku, meta fil-bidu ta’ din is-sena kkumenta propju dwar il-Vanġelu ta’ Kana li għadna kemm smajna, qal: “Dan l-ilma kien ikun l-iżjed ilma umli għaliex se jintuża’ għall-ħasil mhux għax-xorb”. Il-Mulej għażel lilu biex fit-tieġ ta’ Kana jittrasformah fl-inbid l-iżjed fin, tant hu hekk li l-kap tal-mejda qal: “kulħadd iħalli l-inbid il-fqir, umli għall-aħħar imma inti l-inbid l-iżjed fin ħallejtu għall-aħħar tat-tieġ” (Ġw 2, 10).
Din il-ħaġa tfakkarni fil-fatt li fil-bidu taż-żgħożija tagħhom, dawn iż-żewġ qaddisin, Louis u Zélie, għaddew mill-esperjenza li jħossuhom ilma tal-iskart. It-tnejn li huma ħabbtu fuq il-bieb tal-vokazzjoni reliġjuża. Louis xtaq isir monaku imma ma aċċettawx il-Patrijiet Agostinjani għaliex ma kienx jaf il-Latin. Ankè Zélie xtaqet issir soru imma ma ħallewhiex tidħol fin-novizzjat għaliex kienet tbati minn qtugħ tan-nifs u kienet tuġagħha ħafna rasha u s-sorijiet qalu: ‘dan ilma umli wisq’. U allura ma ħallewhiex tibda n-novizzjat u ssir reliġjuża.
Il-Mulej jagħlaq bieb biex hu jiftaħ mija. Dawn iż-żewġt erwieħ jibdew industriji awtonomi. Louis jitgħallem jagħmel l-arloġġi u kien magħruf bħala arluġġar stupend. Hu kellu l-industrija żgħira tiegħu jagħmel l-arloġġi. Imma l-ikbar industrija ta’ suċċess kienet ta’ Zélie li bdiet tagħmel il-bizzilla ta’ Alençon li għadha famuża sal-lum u li f’Alençon kienet tagħti ħafna xogħol lil ħafna familji. Iltaqgħu dawn iż-żewġ kreaturi li kienu rriġġettati mir-reliġjużi, u wara tlett xhur li ltaqgħu żżewwġu fil-bażilika tal-Assunta f’Alençon.
Kien żwieġ straordinarju. Iżżewġu fl-1858. Għall-ewwel għaxar xhur qagħdu jħarsu lejn xulxin, ma kkunsmawhx iż-żwieġ, ħadu kollox b’kalma kbira. Imbagħad kien hemm direttur spiritwali li qallhom: ‘isma’, tajjeb li jkollkom it-tfal’. Evidentement biex ikollhom it-tfal ma setgħux biss iħarsu lejn xulxin u bdiet karriera ta’ żwieġ assolutament fekond, imbierek bl-ulied. Evidentement kollox għamlu bi kbir u kollox għamlu sewwa.
Kellhom disgħat itfal żewġ subien imma seba bniet. Imma minnhom dawn id-disgħat tfal erbgħa mietu żgħar, il-ħamsa l-oħra fl-aħħar mill-aħħar saru reliġjużi. Ħa ngħidilkom l-ismijiet tagħhom għax anke l-ismijiet huma sbieħ ankè s-subien (u għalhekk tfixkilt) kienu jsemmuhom Marie:
Mela l-ewwel waħda 1860 – Marie-Louise,
1861 – Marie-Pauline,
1863 – Marie-Léonie,
1864 – Marie-Hélène,
1866 – Marie Joseph Louis, li miet ta’ ftit xhur,
1867 – Marie Joseph Jean-Baptiste, dan ukoll miet ta’ ftit xhur,
1869 – Marie-Céline,
1870 – Marie Mélanie Thérèse,
U l-aħħar waħda, Marie-Françoise Thérèse li twieldet fit-2 ta’ Jannar 1873 u li hija Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u tal-Wiċċ ta’ Kristu.
Dawn il-ġenituri, għalkemm kienu magħduda bħala ilma umli wisq biex ikunu reliġjużi, il-Mulej ittrasformahom fi inbid ħelu ta’ qdusija. Tant kellha suċċess Zélie fl-industrija tagħha tal-bizzilla li r-raġel tagħha Louis biegħ l-arloġġerija li kellu u daħal partner mal-mara, jorganizzaw l-industrija tal-bizzilla. Imma hi kellha tgħaddi minn kalvarju tal-cancer tad-sider u mietet f’età tenera minħabba din il-marda qerrieda. Dan ix-xahar hemm kampanja kbira għall-prevenzjoni tal-cancer tas-sider u għalhekk tkun ħaġa sabiħa li bħala parti mill-kampanja ‘Pink October’, wieħed jitlob ukoll l-interċessjoni ta’ Santa Zélie Martin li propju mietet bil-cancer tas-sider.
Ir-raġel tagħha safa’ armel b’qalbu maqsuma, uliedu saru reliġjużi, uħud mal-Karmelu u oħrajn f’kongregazzjonijiet oħra. Anke hu kellu jgħaddi mit-tbatija tal-mard u għamel tlett snin fl-isptar ta’ Bon Saveur f’Cannes għaliex kellu stroke, wieħed wara l-ieħor, imbagħad l-aħħar sentejn ta’ ħajtu ħadu ħsiebu Céline u Léonie. Hu miet fl-1894. Louis Martin kien bniedem straordinarjament monastiku fl-ispiritwalità tiegħu. Fil-fatt fil-kamra ta’ fuq nett tad-dar, fl-għorfa jew fl-attic kif jgħidulha bl-Ingliż, għamel oratorju fejn kien jinġabar jirrifletti u lil uliedu kien jgħidilhom: ‘biex tiġu f’dik il-kamra tridu tiġu biex tirriflettu miegħi jew tagħmlu l-eżami tal-kuxjenza’. Kien iħobb ħafna l-ambjent u n-natura u ta’ din l-imħabba safja inkluż lil bintu ż-żgħira li kien jgħidilha la principessa, propju b’din l-imħabba għall-affarijiet sbieħ u żgħar: il-fjuri, l-għasafar, il-kampanja.
Il-Papa Franġisku, meta ppropona lil San Louis Martin u lil Santa Zélie Martin bħala eżempju ta’ qdusija fiż-żwieġ, tana kelma ta’ għerf importanti. M’għamlux affarijiet straordinarji imma l-ħajja miżżewġa għexuha b’mod straordinarjament tajjeb. Il-frott tagħhom juri wkoll min kienu għax int is-siġra tarafha mill-frott tagħha. Uliedhom ukoll huma xhieda tal-qdusija tal-mama u tal-papa tagħhom.
Jiena nixtieq nafda lil miżżewġin kollha tad-djoċesi tagħna għall-interċessjoni ta’ dawn il-qaddisin San Louis u Santa Zélie Martin. Din il-koppja miżżewġa, qaddisin quddiem il-Mulej, li jidħlu għalina biex fil-familji tagħna jkun hemm l-għożża, ikun hemm spirtu ta’ umilta, spirtu ta’ mħabba, ta’ ħniena, spirtu ta’ talb.
Jien nitlob ukoll lit-tifla tagħhom, lil Santa Tereżina tal-Bambin Ġesù, hi li tgħallmet minn ommha u missierha xi tfisser tħobb tassew, u fl-iskola ta’ Ġesù għarfet tagħti ħajjitha biex il-Knisja tkun l-imħabba fil-qalb tal-Knisja, tgħallem lilna wkoll x’jiġifieri l-imħabba fl-affarijiet ċkejkna ta’ kuljum.
Jiena nixtieq ukoll nsellem lill-miżżewġin anzjani u b’mod partikolari ankè lir-romol li tilfu l-imħabba ta’ ħajjithom imma fl-istess ħin jgħixu l-ħajja tagħhom kuljum b’sens ta’ fidi, b’sens ta’ tama u b’sens ta’ mħabba kbira.
Insellem lill-anzjani, b’mod speċjali dawk li qegħdin fir-residenzi tal-anzjani, imma anke dawk li qegħdin fid-djar tagħhom, u nitlob li jkomplu jsibu l-wens minn uliedhom bħalma kellu x-xorti wkoll isib il-wens minn uliedu Louis Martin meta tilef lill-imħabba ta’ ħajtu Zélie.
Nagħlaq b’talba speċjali għal dawk in-nisa f’pajjiżna li huma morda bil-marda tal-cancer tas-sider biex bl-interċessjoni ta’ Santa Zélie Martin ikollhom il-fejqan mixtieq u li nawguralhom. San Louis Martin itlob għalina, Santa Zélie Martin itlob għalina.
✝ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta