-
-
On the 29th of September 2015, Archbishop Charles J. Scicluna celebrated Mass on the occasion of the 54th anniversary of the Broadcasting Authority, in their offices in Ħamrun.
Homily by Archbishop Charles J. Scicluna
-
-
Uffiċċji tal-Awtorità tax-Xandir, il-Ħamrun
29 ta’ Settembru 2015
Nibda billi nawguralkom f’dan l-anniversarju. Nixtieq nislet ftit riflessjonijiet mill-fatt storiku li intom ġejtu mwaqqfa fid-29 ta’ Settembru li, tradizzjonalment, fil-kalendarju liturġiku tal-Knisja Kattoliku hija l-festa tat-tlett Arkanġli: Mikiel, Gabrijel u Rafel. Nieħu l-opportunità biex nawgura l-festa t-tajba lil kull min jismu Michael jew Gabriel jew Raphael.
L-anġlu huwa l-ħabbâr, u għalhekk ta’ min jislet din l-ewwel riflessjoni. Meta nqisu li l-Awtorità tax-Xandir għandha dan ir-rwol kostituzzjonali essenzjali li tissorvelja x-xandir, għandha bżonn l-interċessjoni tal-anġli kollha, ma ngħidx tal-arkanġli biss.
San Girgor il-kbir jgħid li d-differenza bejn l-anġli u l-arkanġli hija l-missjoni li tingħatalhom, u għalhekk intom żgur għandkom bżonn l-interċessjoni tal-arkanġli għax għandkom missjoni għolja ħafna – il-missjoni li s-sorveljanza tagħkom, bil-viġilanza tagħkom, tassiguraw il-pern tad-demokrazija fil-pajjiż, fejn kulħadd ikollu dritt mhux biss li l-opinjoni tiegħu jżommha għalih, imma wkoll il-possibilità li jesprimiha, li jxandarha, li tinstema’, u li jidħol fi djalogu demokratiku ma’ ħaddieħor b’mod bilanċjat mingħajr ma jkollna demagoġija jew eġemonija li hi l-ikbar għadu tad-demokrazija. Imma hemm għadu sottili ieħor tad-demokrazija, li jirreferina għalih Ġesù meta kważi b’ferħ kbir qal dwar Natanael: “dan huwa tassew Iżraeli li jixraqlu dan l-isem għaliex ma hemm l-ebda qerq fih” (Ġw 1, 47). Għadu kbir tad-demokrazija huwa l-qerq li jiġi fejn il-verità ma tingħatax sħiha imma tingħad nofs verità, jew, minflok ikollna xandir, ikollna spin, ikollna t-tgħawwiġ tal-fatti.
Fil-fatt, il-konfront bejn Mikiel u x-xitan, id-demonju, huwa propju fuq din – ġlieda għad-drittijiet ta’ Alla ħaj u veru. Interessanti ħafna li fis-silta li qrajna fit-Tieni Qari llum mill-Apokalissi ta’ San Ġwann (Apok 12, 7-12), Satana huwa msejjaħ id-dragun il-kbir, is-serp tal-qedem, u l-ismijiet tiegħu huma demonju u xitan. Hemm ukoll il-kelma diabulus. Demonju huwa dak li juża’ s-setgħa tiegħu biex ikisser, u nafu li l-midja hija setgħa kbira li tista’ tibni kif ukoll tfarrrak. Il-viġilanza tagħkom hija li l-midja tirrispetta r-rwol tagħha li tibni mhux tkisser is-soċjetà.
Il-kelma xatan tfisser akkużatur, kif jerġa’ jispjega l-Qari tal-lum, dak li jixli lil ħutna. Xajtan tfisser akkużatur bil-gideb. Ir-rwol tagħkom hu li tiddefendu l-pubbliku mill-gideb, minn nofs veritajiet u t-tgħawwiġ tal-verità biex tkun ta’ servizz għall-poter, jew inkella anke għal min m’għandux poter u huwa vulnerabbli. Hija responsabbiltà kbira, u għalhekk il-Kostituzzjoni u l-liġi ta’ Malta trid li l-bilanċ fil-kompożizzjoni tagħkom ikun jidher. Jiena nawgura li ma jkunx biss jidher imma jintuża dan is-sens ta’ bilanċ li trid il-liġi tal-pajjiż.
Mela mhux biss l-abbuż tal-poter u l-gidba bħala arma biex tkisser il-bniedem u s-soċjetà, imma anke dak li jqarraq, dak li jisseduċi. Ħafna drabi hawn min jiġġustifika l-arti u x-xjenza tar-riklami, bħala mod sottili li inti tisseduċi lil dak li jkun jixtri affarijiet li m’għandux bżonnhom. Kemm hi ħaġa tajba li l-Awtorità tax-Xandir teżamina wkoll lilha nfisha u r-rwol li għandha biex tipproteġi lil min hu vulnerabbli. Mhux biss tkun attenta għall-użu tal-poter u tiggarantixxi lill-poplu jkollu servizz mibni fuq il-verità u tirrispetta d-dinjità tal-bniedem, imma wkoll li tħares lil min hu vulnerabbli.
It-tlett ismijiet tal-arkanġli li qegħdin niċċelebraw illum għandhom sinjifikat profond. Mikiel, kif tafu, tfisser: min hu bħal Alla? Jiena naf li mhuwiex moda li tippreserva l-preżenza ta’ Alla fis-soċjetà tal-lum, anzi forsi bil-mod il-mod naslu li jkun moda li tkasbar l-isem ta’ Alla. Imma Mikiel, b’ismu, jibqa’ jgħidilna li m’hemm ħadd fuq Alla u li rridu nagħtu kont lil Alla tad-deċiżjonijiet tagħna, mhux biss fil-liġi imma anke kif inħaddmuha. Dan Alla li ħalaqna u li lkoll se nidhru quddiemu, inkluż min ma jridx.
It-tieni arkanġlu huwa Gabrijel: Alla huwa qawwi. Meta deher lil Sidtna Marija qalilha: “għal Alla m’hemm xejn li ma jistax ikun” (Lq 1, 37). Ħafna drabi min hu fuq in-naħa tas-sewwa jaqta’ qalbu kontra l-poter tal-ħażen, tal-qerq u tal-gideb. Għalhekk hemm bżonn jitlob l-interċessjoni ta’ Gabrijel għax Alla huwa tassew qawwi u dak li għalina jidher impossibbli, għal Alla mhuwiex impossibbli. Aħna konna naħsbu li l-ħajt ta’ Berlin mhu se jaqa’ qatt. U waqa’! Dak li għalina kien jidher impossibbli, sparixxa. Il-Great Wall of China għadu hemm u nawgura li jibqa’ hemm għax dak ma jiddefendi ‘l ħadd minn ħadd, huwa passiġġata turistika. Bħalma qal il-Papa hu u jirritorna mill-Amerika għal Ruma, meta qalulu: “inti x’taħseb fuq dawn il-ħitan li qegħdin jitilgħu fl-Ungerija eċċ?” Il-Papa qal: ‘Il-ħitan jitilgħu, imma jaqgħu wkoll, jekk mhux għada, pitgħada, jekk mhux wara sena, wara mitt sena, jaqgħu, mhumiex soluzzjoni’. Hekk ukoll ix-xandir li jrid ikun liberu tassew. Inutli jipprova jagħmel ħitan li joħloq ghetto; irid ikun dik iż-żiffa tal-libertà li hija l-qalba u r-ruħ tad-demokrazija.
It-tielet isem tal-arkanġlu huwa Rafel: Alla jfejjaq. Kemm tkun ħaġa sabiħa li l-midja tkun verament promotriċi tad-dinjità tal-bniedem. Jien nieħu pjaċir nara l-midja tintuża’ biex jinħoloq spirtu ta’ inklussività fis-soċjetà, ta’ solidarjetà, ta’ rispett lejn kulħadd, irrispettivament mill-kulur tal-ġilda, mill-opinjoni tiegħu, mir-reliġjon tiegħu. Dan huwa serviz kbir li għandna bżonnu u li huwa mediċina neċessarja. Inħoss li intom, bil-viġilanza tagħkom, bir-rwol tagħkom, tistgħu wkoll tgħinu biex il-midja tagħna jkollha effett benefiku, mhux ta’ ħsara, għax wara kollox, l-ewwel prinċipju tal-mediċina huwa non nocere, li ma tagħmilx ħsara. Intom b’xi mod qegħdin fil-parti tal-prevenzjoni, imma nħoss li għandkom ukoll rwol ta’ promozzjoni, il-promozzjoni ta’ stil tal-midja, ta’ xandir, li mhux biss mibni fuq il-verità u l-libertà imma wkoll jirrispetta d-dinjità tal-bniedem u joħloq ambjent fejn it pays to do the right thing! Sfortunatament it-tentazzjoni tad-dinja tgħidilna: it pays to do what the people want, jew fejn imorru l-passjonijiet tal-bniedem. Hija għalhekk sfida kbira din imma jekk aħna niftakru fl-ismijiet tal-arkanġli – Mikiel, Gabrijel u Rafel – m’għandniex naqtgħu qalbna.
Ġesu stess lil Natanael qallu: “Rajtek taħt is-siġra tat-tin”. Din dejjem hija misterjuża din il-ħaġa. X’ried jgħid? Is-siġra tat-tin fl-Iskrittura hija l-benna tal-kelma tal-Mulej. Is-sinjifikat u anke r-reazzjoni, kemm ta’ Ġesù, kif ukoll ta’ Natanael, iġġagħlna naħsbu li Natanael kien qiegħed jitlob b’mod privat ħafna u jikkontempla l-Iskrittura biex jiġi l-Messija. Ġesù ma jgħidlux ‘jiena smajt il-karba ta’ qalbek’, imma jindikalu biss il-post privat fejn din it-talba hu kien qed jagħmilha, u Natanael jifhem li dan il-bniedem huwa r-risposta għat-talb tiegħu. M’hemm l-ebda għatx tal-bniedem li l-Mulej jiddisprezzah, m’hemm l-ebda talba, privata kemm hi privata, li l-Mulej ma jismagħhiex jew jinsiha. Jasal il-mument biex l-għatx tal-umanità għall-midja li sservi tassew il-verità, jinstema’. Nirringrazzjakom talli intom diġà parti mir-risposta ta’ Alla għal dan l-għatx.
✝ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
Photos: Broadcasting Authority