Kon-Katidral ta’ San Ġwann, Valletta
20 ta’ Marzu 2016
Ippermettuli noffri riflessjoni qasira dwar il-kelmiet li Ġesù jlissen fuq is-salib fil-Passjoni skont San Luqa (Lq 22, 14-23,56). Aħna mdorrijin nimmeditaw fuq is-seba’ kelmiet ta’ Ġesù u l-Evanġelji jagħtuhomlna b’kontribuzzjoni differenti, u l-Evanġelu jagħtina kelma għażiża ta’ Ġesù fuq is-salib.
L-ewwel kelma li Ġesù jgħid fuq is-salib fl-Evanġelju ta’ San Luqa hija kelma ta’ maħfra: “aħfrilhom, Missier għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23, 34), il-kelma tal-Imgħallem li toffri difiża għal min wasslu biex jissallab fuq is-salib. Mhix kelma ta’ kundanna, mhix kelma li titlob vendetta, imma hija kelma ta’ avukat li jipprova jagħti raġuni għaliex minn sallbu m’għandux jiġi kkundannat. “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”
Hija kelma li tibqa’ tidwi kull meta l-bniedem jgħakkes lil bniedem ieħor, kull meta l-Insara jiġu ppersegwitati, kull meta Ġesù jkollu jirrepeti l-kliem li qal lill-appostlu missierna fit-triq ta’ Damasku: “Sawlu, Sawlu għaliex qiegħed tippersegwitani?” (Atti 9, 4). Imma fl-istess ħin li wieħed jagħraf il-verità, jitlob il-maħfra: “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”.
Din l-għajta li titlob maħfra lil Alla: hija għajta urġenti, hija r-risposta ta’ Ġesù quddiem il-kefrija li għadha taħqar lil tant popolazzjonijiet u nies fid-dinja. Kull meta l-Mulej iħares lejn id-dinja u jara lilna mgħobbijin bil-mibegħda lejn xulxin, hu jgħajjat quddiem il-Missier: “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”. Kull meta l-Mulej iħares lejn id-dinja u jara tant miljuni ta’ trabi maqtula fil-ġuf ta’ ommijiethom, il-Mulej jgħajjat: “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.” Kull meta aħna ma jirnexxilniex naraw id-dinjità tal-proxxmu tagħna u nkasbruh, niddisprezzawh, nittrattawh b’inġustizzja, il-Mulej stess jgħajjat: “Missier, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”.
It-tieni kelma li jagħtina Luqa hija dik li Ġesù jgħid lil wieħed minn dawk ikkundannati miegħu. Ġesù jgħidlu: “Tassew, illum tkun fil-ġenna miegħi” (Lq 23, 43). Hija risposta għal domanda ta’ ħniena. “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek” (v 42). Dan l-ikkundannat li huwa ħati, jagħraf l-innoċenza, il-qdusija u r-regalità ta’ Ġesù. “Anqas minn Alla inti ma tibża’? int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta tassew għaliex qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kull ma għamilna, imma dan ma għamel xejn ħażin” (vv 40-41).
Fl-Evanġelju ta’ San Luqa, Ġesù huwa l-avukat tal-umanità, imma msallab isib ukoll avukat li jiddikjara l-innoċenza tiegħu, huwa sieħbu kkundanat għall-mewt li jiddikjara: ‘dan ma għamel xejn ħażin’. Mhux hekk biss, imma jagħraf li Ġesù għandu Saltna, għandu Saltna li tiżboq lis-saltniet ta’ din id-dinja. Il-ħalliel l-ieħor għamel sfida lil Ġesù: “Inti m’intix il-Mulej? Salva lilek innifsek u lilna” (v. 39). Din hija sfida li jilqagħha għaliex bil-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet, isalva lilna lkoll u juri li huwa Ġesù Kristu, il-Messija, il-midluk tal-Missier.
Lil min afda fih, lil min għaraf l-innoċenza tiegħu, lil min talbu li għalkemm ħati, jidħol fis-saltna tiegħu, il-Mulej iwieġeb: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-ġenna miegħi”. It-talba tagħna hi li din il-kelma nisimgħuha lkoll kemm aħna fil-punt tal-mewt tagħna: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-ġenna miegħi”. Din hija l-aħbar sabiħa li aħna nistennew li nisimgħu, li nitolbu li nisimgħu. X’għandna nagħmlu? Nafdaw fil-ħniena tal-Mulej, nagħrfu l-ħtija tagħna u l-innoċenza tiegħu u nitolbuh: “Ġesù, ftakar fija”.
L-aħħar kelma li San Luqa jagħtina minn fomm Ġesù, hija kelma ta’ fiduċja: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi” (v 46). Kif qal San Pawl fit-Tieni Qari tal-lum, il-mewt ta’ Ġesù hija mewt ta’ ubbidjenza: “obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib. Għalhekk Alla għollih u tah isem li hu ’l fuq minn kull isem” (Fil 2, 8-9). “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi”. Meta aħna nkunu f’diffikultà, meta kollox jiġi bil-għawġ, meta nħossuna ttraduti, meta nħossuna mgħaffġin bid-dnub tagħna, bil-falliment tagħna, bl-infedeltà tagħna, ejjew ma’ Ġesù, nirrepetu din il-kelma ta’ faraġ u u ta’ fiduċja: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi”. Jalla din ukoll tkun il-kelma tagħna fil-punt tal-mewt imma tkun ukoll kelma li twassalna għas-salvazzjoni
I would like to greet all our English speaking guests, welcome to this celebration of Palm Sunday. I offered a short reflection on the three words of Jesus that the Gospel of Luke has entrusted to us. The first word is a word of forgiveness. “Forgive them for they do not know what they do” (Lk 23, 34). It is a word that brings peace to so many people who feel that they are guilty of grave sins. “Forgive them for they do not know what they do”.
The second word is a word addressed to one of the people condemned with him: “Truly, truly I tell you, today you will be in Paradise with me” (Lk 23, 43). Jesus can promise Paradise because he is the King of Kings. The good thief, as we call him, knows that he is a King because he tells him and he asks him: “Remember me when you enter into your Kingdom” (v 42). “Truly, truly I tell you, today you will be with me in Paradise”. We pray that these are the words that we also hear at the point of our death: Jesus inviting us to heavenly peace, to heavenly beatitude.
The last word of Jesus, Luke tells us is a prayer that entrusts Jesus’ life and his destiny to the Father: “Father, to you I commend myself” (v 46). May that prayer be a prayer that accompanies us in all the moments of our lives, both prosperous and difficult. May we live as Jesus lived: a life of obedience to the Father as he taught us: “Our Father who are in heaven…thy will be done” (Mt 6, 9-10). “Father into your hands I commend my spirit”.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta