• Nhar l-Erbgħa 10 ta’ Frar, Ras ir-Randan, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil-Kappella tal-Kunvent tas-Sorijiet tal-Karità, Ħal Tarxien, li matulha sar ir-rit tat-tqegħid tal-irmied.
     

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

    Kappella tas-Sorijiet tal-Karità, Ħal Tarxien
    10 ta’ Frar 2016
     
    Fil-bidu tar-Randan Imqaddes, Ġesù jsemmi tliet Opri ta’ ħniena li, nistgħu ngħidu, jikkorrispondu għal tliet atteġġjamenti importanti ħafna.
    L-ewwelnett hemm il-karità li hija opra prinċipali tal-ħniena. Il-Mulej jagħtina dan il-parir importanti li l-karità li nagħmlu “ma tkunx għal wiċċ in-nies” imma bħala xhud ikollha lill-Missier li jara dak li hu fil-moħbi. “Il-karità tiegħek issir fil-moħbi u Missierek li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu” (Mt 6, 1.4).  L-ewwel talba li nagħmlu fil-bidu ta’ dan ir-Randan Imqaddes hija li aħna jkollna qalb kbira mal-proxxmu tagħna, u li l-karità li nagħmlu ma’ xulxin ma tkunx għal wiċċ in-nies imma jkollha bħala xhud lil Alla.
    Ġesù jsemmi t-talb. Kemm hija ħaġa sabiħa li f’dan ir-Randan imqaddes nerġgħu niskopru s-silenzju – il-mumenti meta aħna jkollna ċans niddjalogaw ma’ Alla fis-skiet tal-qalb tagħna. Qegħdin fi żmien fejn ir-rebbiegħa tistedinna biex immorru fl-ambjent sabiħ li jsebbah il-gżejjer tagħna. Jiena nissuġerixxi li aħna nsibu wkoll il-mumenti ta’ silenzju, ta’ solitudni, biex aħna lill-Mulej infaħħruh tal-ġmiel tal-ħolqien, inkellmuh dwar il-bżonnijiet tagħna, nitkellmu miegħu, naqsmu miegħu n-niket tal-qalb tagħna, it-tamiet, il-ferħat ta’ ħajjitna.
    Dan huwa l-qofol tat-talb. Il-Mulej jgħid: “idħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa, agħlaq il-bieb warajk u itlob lil Missierek li hu fil-moħbi” (Mt 6, 6). Il-qofol tat-talb, f’din il-mixja tar-Randan Imqaddes hu li jiena nidħol fi djalogu mal-Missier, ma’ Alla l-Imbierek. Li jiena nirringrazzjah, nitolbu, ninterċedi għal ħuti quddiemu, nitlob għall-paċi fid-dinja, u għall-paċi fostna.
    Ir-ritwal li aħna nagħmlu “f’salib it-toroq” (v. 5), l-espressjonjiet sbieħ kulturali u reliġjużi li jsebbħu ż-żmien tar-Randan huma tajbin, imma l-qofol tagħhom irid ikun dak id-djalogu personali tagħna ma’ Alla. Irridu nkunu espressjoni tal-fidi li aħna niċċelebraw individwalment u anke bħala grupp, bħala Knisja kollettivament.
    Il-Mulej isemmi wkoll is-sawm. Is-sawm “mhux għal wiċċ in-nies” jgħidilna Ġesù, imma huwa djalogu ta’ rażan li hemm bżonn nagħmel jiena miegħi nnifsi. Ir-rażan mhux biss fl-ikel, imma r-rażan l-iżjed importanti huwa dak li jbegħedni mill-vizzjijiet li jegħlbuni. Forsi hemm ix-xorb jew it-tipjip żejjed, jew minn daħal fil-vizzju tad-droga. Ir-Randan huwa kelma ta’ kuraġġ għal kull wieħed u waħda minna. Forsi l-vizzju li rrid nitbiegħed minnu jien huwa l-ħafna ħin fuq l-internet, bis-sabiħ u l-ikraħ tiegħu, jew il-ħafna użu tas-social media li mhux qed iħalluli ċans għall-ħbieb tiegħi, jew għal familja jew għalija nnifsi.
    Hemm ħafna sawm li jagħmel ħafna sens jekk jien nixtieq nasal għal Għid il-Kbir ippreparat tassew u veru biex inġedded l-impenn tiegħi ta’ Nisrani. Għax dakinhar, fi żmien erbgħin jum u ftit iżjed, aħna se niċħdu lix-xitan u l-ħażen tiegħu, u se nilqgħu fina l-ħajja tat-Trinità Qaddisa li rċevejna fil-Magħmudija tagħna, se nġeddu l-Magħmudija tagħna. Dan ir-Randan għalhekk, irid ikun preparazzjoni, mhux mument ta’ luttu, imma preparazzjoni sabiħa u ferrieħija ta’ rażan, ta’ talb u ta’ karità biex aħna nkunu ppreparati għat-tiġdid tal-ħajja tagħna u tal-impenn tagħna.
    Jagħmel ħafna sens li nisimgħu l-eżortazzjoni tal-appostlu Missierna meta jgħidilna “nitolbu fuq li nitolbu f’ġieħ Kristu, ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu” (ara 2 Kor 5, 20). Kemm tkun ħaġa sabiħa li f’dan ir-Randan aħna nerġgħu nersqu lejn il-Mulej, nitolbuh maħfra ta’ dnubietna, imma nitpaxxew bit-tgħanniqa tal-ħniena tiegħu. 
    Hemm mistoqsija li smajna fl-ewwel Qari u li nixtieq nikkonkludi biha dan il-ħsieb tiegħi magħkom. “L-għala għandu jingħad fost il-popli” jgħid il-profeta, “fejn hu Alla tagħhom?” (Ġoel 2,17). Xi jrid jgħid biha din? Forsi aħna bl-għemil tagħna min jarana jgħid: ‘imma dawn jemmnu f’Alla? Alla jeżisti għalihom?’ San Ġorġ Preca kien jilmenta li għal ħafna nies Alla huwa ‘zero kbir’ – kien juża din il-frazi qawwija. Din hija xi ħaġa li għadha attwali u mportanti għalina anke f’dan iż-żmien. Għaliex għandu jingħad fost il-popli, forsi anke nies ta’ reliġjonijiet oħra li jagħtuna eżempju bis-sawm tagħhom u bit-talb tagħhom – qed nirreferi anke għal ħutna Misilmin – ‘fejn hu Alla tagħkom? Intom teħduh bis-serjetà?’
    Bħalissa l-Parlament tagħna qed jidiskuti liġi li tgħid li l-libertà tal-espressjoni tinkludi wkoll li tkasbar lil Alla, li inti tinsulentah, li inti tobżoqlu biex nuża’ kelma iebsa. U dan għax aħna rridu nkunu liberi tassew. Imma din hi l-libertà vera? “Fejn hu Alla tagħkom?” Jekk aħna lesti ngħidu li biex nkunu liberi, irid ikollna l-libertà li nkasbruh u noffenduh? Ejjew nikkonvertu f’dan ir-Randan, biex Alla tagħna ma jkunx ‘zero kbir’ imma jkun xhud tal-karità tagħna, tal-imħabba tagħna u tal-fedeltà tagħna. Alla jkun xhud tas-sawm tagħna, tal-battalja tagħna mal-vizzjijiet li jaħkmuna biex inkunu tassew liberi, għaliex dik hi l-libertà vera, il-libertà mid-dnub u l-libertà mill-vizzju, il-libertà li tuza’ lsienek biex tirringrazzja, biex tfaħħar, mhux biex toffendi lill-proxxmu jew lil Alla tiegħek – dik mhix libertà. Alla jkun xhud ukoll tat-talb tagħna, talb għalina nfusna, għall-familji tagħna, għal pajjiżna u għad-dinja.
     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta
  • Photo: Vince Pulis