Illum l-Arċisqof Charles Jude Scicluna ħareġ fuq it-taraġ tal-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana b’Ġesù Ekwaristija biex ibierek lill-Pajjiż. Dan seħħ dalgħodu fi tmiem il-Quddiesa tal-Għid tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet, 12 ta’ April 2020.

Il-barka

Nitolbuk Mulej tbierek ‘il pajjiżna,
il-morda tagħna u ‘l kull min qed jieħu ħsiebhom,
u lilna tagħtina d-dehen u s-saħħa u l-qalb kbira
biex nagħmlu dak kollu li nistgħu biex din il-burraxka tgħaddi minn fuqna kemm jista’ jkun malajr.
Agħtina d-dehen u s-saħħa biex nagħrfu x’inhu dak li jibqa’ għal dejjem u x’inhu dak li hu frugħa u jispiċċa malajr.
Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen

Nadurawk o Ġesù u nberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Wara l-Quddiesa, l-Arċisqof mar il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana. Hemmhekk żar il-kappella tad-Depot fejn irringrazzja, talab u bierek lill-Pulizija u l-forzi tal-ordni kollha ta’ pajjiżna u l-familji tagħhom.

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti