L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Sawl, Sawl għaliex qiegħed tippersegwitani?” (Atti 22:7). Din hi l-ewwel kelma li l-appostlu Missierna, li aħna nafuh ukoll bit-tieni isem tiegħu Pawlu, isem Ruman li jissieħeb mal-isem Lhudi Sawlu li x’aktarx ingħata fiċ-ċirkonċiżjoni tiegħu ta’ tmint ijiem, dan hu l-ewwel kliem li jisma’ mingħand Ġesù.

L-ewwel nett hu kliem personali ħafna. Ġesù lil dan ir-raġel isejjaħlu b’ismu. U l-isem ifisser li Ġesù għandu għatx kbir li jidħol fi djalogu dirett ma’ dan ir-raġel. Jafu, jiena nafek, naf min inti, naf x’jismek.

It-tieni parti ta’ din l-ewwel frażi tad-djalogu, min jaf kemm dam jaħseb fuqha Pawlu naħseb ħajtu kollha: “Għaliex qiegħed tippersegwitani?”. Ġesù, ta’ min dejjem niftakruha b’mod speċjali meta nagħmlu l-festa tal-lum, Ġesù ma jgħidlux: għaliex qed tippersegwita lill-Insara, għaliex qed tippersegwita l-Knisja, għaliex qed tippersegwita lis-segwaċi tiegħi. Ma jgħidlux hekk għax wara kollox San Pawl qatt ma ltaqa’ ma’ Ġesù, qatt ma ppersegwitah direttament imma l-kelma li jgħidlu l-imgħallem hi dik: “għaliex qiegħed tippersegwitani?”

U llum rridu niċċelebraw din il-ħaġa li Ġesù, meta jitklellem ma’ dan Sawl u fl-umiljazzjoni tiegħu, jerfgħu u jagħtih il-grazzja, jagħtih il-ħniena, jgħallmu xi ħaġa fundamentali. L-Appostlu Missierna imbagħad fl-ittri tiegħu, fit-tagħlim tiegħu mhux biss jhewden fuq din il-kelma ta’ Ġesù imma jgħallimha: Aħna ġisem wieħed, Ġesù hu r-ras tagħna, dak li nagħmlu lil xulxin qegħdin nagħmluh lilu, dak li nagħmlu lill-Knisja ta’ Kristu qegħdin nagħmluh lill-Imgħallem kemm fil-glorja u kemm f’affarijiet oħra li ma jagħtuniex glorja.

Allura dan il-kliem hu konferma wkoll tat-tagħlim li nsibu fl-Evanġelju ta’ San Mattew kapitlu 25 meta l-Mulej jinsisti: “Kulma tagħmlu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi. Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont għeri u libbistuni, kont barrrani u lqajtuni, kont marid u ġejtu żżuruni, kont fil-ħabs u ġejtu tarawni. Imma min? Meta? Kulma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (ara Mt 25:35-40).

Din hi konferma oħra tal-fatt li Ġesù verament, fil-verità jagħraf magħmul lilu nnifsu dak li aħna nagħmlu lil xulxin mit-tarbija fil-ġuf sal-anzjan imbierek bl-età fuq qiegħ ta’ sodda, u s-snin ta’ bejniethom. Il-ħsara li nagħmlu nagħmluha lil Ġesù, il-glorja, is-solidarjetà għax hemm ħafna tajjeb fostna. Illum ukoll niċċelebraw il-barkiet ta’ Ġesù: “kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni”.

Ġesù wkoll jilmenta: kont bil-għatx u ma sqejtunix, kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, jilmenta. Imma llum irridu nfakkru wkoll li l-Mulej mhux qed iħares biss lejn in-negattiv meta jfakkarna li dak li nagħmlu ’l xulxin qed nagħmluh lilu. Qed jigglorifika lil Alla, qed isebbaħ lill-Missier tiegħu li permezz tagħna qed isir u jsir tant ġid.

U dan Sawl li ra dan id-dawl kbir fuq it-triq ta’ Damasku jistaqsih lill-Mulej: “X’għandi nagħmel, Mulej?” (Atti 22:10). Il-Papa Franġisku jħobb jitkellem fuq id-dixxerniment: li inti tagħżel l-ispirtu t-tajjeb mill-ħażin, tagħraf tagħżel, preferibbilment tagħżel tajjeb. Imma wara d-dixxerniment hemm dil-mistoqisja li għamel Sawlu fid-djalogu tiegħu mal-Mulej Ġesù, li deherlu fit-triq ta’ Damasku: “X’għandi nagħmel, Mulej?”.

Aħna ħafna drabi biex niddeċiedu x’nagħmlu forsi nħarsu lejn il-likes, illum jgħidulhom dawn l-imberkin ‘likes’, jgħidlek proven ratings, lejn il-polls. Kemm tkun ħaġa tajba, mill-kbir saż-żgħir, li meta niddeċiedu x’għandna nagħmlu, b’umiltà kbira nħarsu lejn il-Mulej u ngħidulu: x’għandi nagħmel Mulej? Għax wara kollox il-ġudizzju tiegħek hu dak veru li ma jqarraqx, li m’hemmx fih ingann. “X’għandi nagħmel, Mulej?”

Ir-risposta ta’ Ġesù hi tagħlima oħra għalina: “Qum u mur Damasku. Hemm jgħidulek kulma għandek tagħmel” (Atti 22:10). Għand min jibagħtu? Jibagħtu għand il-komunità ta’ dawk li jemmnu. Għalkemm Ġesù jiltaqa’ ma’ dan Sawl fit-triq ta’ Damasku, meta Pawlu, Sawlu – Pawlu jistaqsi: x’għandi nagħmel, Ġesù jindikalu l-Knisja, il-komunità ta’ fidi. “Mur Damasku u jgħidulek x’għandek tagħmel”. 

Hu l-Mulej stess kif nafu anke mir-rakkonti – għax hemm tliet rakkonti fl-Atti tal-Appostli ta’ dan l-avveniment, tant hu importanti dan l-avveniment fit-triq ta’ Damasku li qegħdin niċċelebraw li fl-Atti tal-Appostli jiġi ripetut. Hemm Ħananija, ismu sabiħ ħafna – ‘Alla jħenn’. Ħananija jintagħżel biex lill-Appostlu Missierna jurih id-dawl, jgħidlu x’hemm bżonn li jsir, jindikalu l-ħtieġa li jitgħammed, il-bżonn tas-sagramenti.

Ġesù, jekk ikollu jibgħat lil xi ħadd għandna, x’jagħmel? Jibda jħokk rasu l-ewwel? Jgħidlu mur għand il-Knisja, nispera jilqgħuh dan issa, ma jagħlqulux il-bieb b’ħafna domandi, b’ħafna kumplikazzjonijiet

L-Appostlu Missierna mhux bħat-12-il appostlu l-oħra li ma kellhomx bżonn is-sagramenti għax iltaqgħu ma’ Ġesù meta kien għadu ħaj. L-Appostlu Missierna, peress li ltaqa’ ma’ Ġesù wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet, għandu bżonn il-magħmudija. L-Appostlu Missierna tgħammed bħalma tgħammidt jien u tgħammidt inti. U Ġesù dan li jindikalu: veru ltqajt miegħi u l-Appostlu Missierna jkompli jgħid: jiena smajt leħen il-Mulej, iltqajt miegħu, għandi l-awtorità daqs l-oħrajn. Imma jingasta ruħu f’Ġesù permezz tas-sagramenti, bħalma ġara lilna, bħalma jiġri lilna fl-Ewkaristija.

U din hi ħaġa oħra. Kemm Ġesù fil-laqgħa tiegħu ma’ Pawlu jindika l-Knisja bħala dik li tagħti l-kelma li tlaqqgħek ma’ Ġesù u din hi kelma li lilna tgħabbina bir-responsabbiltà, l-aħwa. Għax aħna kultant ingergru u għax in-nies m’għadhiex temmen, u għax in-nies ma tridx taf u għax in-nies m’għadhiex tiġi għas-sagramenti. Imma aħna ta’ min aħna xhieda? Tagħna nfusna jew ta’ Ġesù? Fid-diskors tagħna kif inġibu ruħna ma’ xulxin, mal-proxxmu u b’mod speċjali mal-fqar? Ta’ min aħna xhieda?

Ġesù, jekk ikollu jibgħat lil xi ħadd għandna, x’jagħmel? Jibda jħokk rasu l-ewwel? Jgħidlu mur għand il-Knisja, nispera jilqgħuh dan issa, ma jagħlqulux il-bieb b’ħafna domandi, b’ħafna kumplikazzjonijiet. Din hi stedina għalina, għall-Knisja, għall-familja ta’ Ġesù biex inkunu ministri tal-grazzja tal-imħabba ta’ Ġesù bħall-komunità ta’ Damasku, din il-belt antkissima fis-Sirja.

Għal San Pawl Damasku kienet importanti ħafna, kien il-mument tal-konverżjoni tiegħu. Għad hemm il-post f’Damasku fejn tgħammed l-appostlu Missierna, id-dar ta’ Ħananija. Kif hemm ukoll il-post fejn imbagħad minħabba l-għira tal-Lhud kellhom idendluh minn qoffa kbira, ċestin kbir biex jaħrab. Damasku llum nitolbu wkoll għal din il-belt antikissima li hi marbuta ħafna anke mal-istorja tagħna. Minn hemmhekk ukoll ilqajna aħna l-Maltin xbieha sabiħa tal-Madonna, il-Madonna Damaxxena, il-Madonna ta’ Damasku. Damasku jkellimna lilna, din il-belt antika.

U għalhekk aħna u nifirħu bil-laqgħa tal-Appostlu Missierna, ta’ dan Sawlu Pawlu ma’ Ġesù nifhmu li aħna wkoll irridu ngħixu din il-laqgħa ma’ Ġesù. Ħuti, meta nersqu lejn il-komunità, nitqarbnu, nirċievu l-maħfra qegħdin niltaqgħu ma’ Ġesù. “Mulej, x’għandi nagħmel?” L-Appostlu Missierna anke bl-interċessjoni tal-protos tagħna Pubbliju, li niċċelebrawh kull 22 ta’ Jannar bħal-lum, jagħtina dan id-dawl.

“U issa x’inti tistenna?” jgħidlu Ħananija. “Qum tgħammed u nħall minn dnubietek” (Atti 22:16). Imma għaliex? Għaliex inti għandek missjoni. Il-Mulej jgħidlu: “Inti għad trid tixhed għalih quddiem il-bnedmin kollha fuq dak li rajt u smajt” (Atti 22:15), fuq l-esperjenza tiegħek. Aħna u jkollna esperjenza ħajja ta’ Ġesù aħna wkoll imsejħin inkunu xhieda ta’ kemm Ġesù jħobbna, ta’ kemm Ġesù hu ħniena għalina, ta’ kemm Ġesù hu grazzja.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 8:23b – 9:3
Salm: 26 (27):1,4,13-14
Qari II: 1 Kor 1:10-13.17
L-Evanġelju: Mt 4:12-23

Aktar ritratti