• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Il-Knisja Parrokkjali ta’ San Publiju, il-Furjana
    28 ta’ Settembru 2018

    L-Evanġelju ta’ San Luqa jħobb jirrepeti l-fatt li Ġesù kien jinġabar waħdu jitlob u dan id-dettall mill-ħajja u mir-rutina ta’ Ġesù, San Luqa jfakkru f’mumenti importanti: l-għażla tat-12, it-trasfigurazzjoni u l-agunija fl-ort tal-Ġetsemani. Illum ukoll għandna episodju ieħor li Luqa jintroduċi f’mument tat-talb ta’ Ġesù.

    Għalkemm qiegħed ħaġa waħda f’unjoni sħiħa mal-Missier, qiegħed ukoll mad-dixxipli tiegħu. B’xi mod dan il-fatt huwa deskrizzjoni tal-ħajja tal-Knisja: il-Mulej fil-glorja tal-Missier skont il-wegħda tiegħu stess, huwa magħna wkoll: “Ara, jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien”. B’dan il-fatt isseħħ ukoll il-profezija ta’ wieħed mill-ismijiet tieghu li huwa Għimmanu-El, Alla magħna. Mela Ġesù fil-glorja u s-sebħ tal-Missier, huwa wkoll Alla magħna.

    Qatt mhu tard biex nieħdu bis-serjetà r-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù, imma huwa essenzjali.

    “Min jgħidu n-nies li jien?” (Lq 9:18). Din hija mistoqsija retorika, iġiegħel lid-dixxipli li jaħsbu ftit fuq dak li jisimgħu, dak li jgħidu n-nies. Aħna nistaqsu lilna nfusna: ‘Imma verament jimpurtah Ġesù x’jgħidu n-nies?’ U niftakru li f’ħin minnhom, meta l-Lhud qalulu li l-kliem tiegħu kien iebes ħafna, u telquh, dar lejn id-dixxipli u qalilhom: “Tridux tmorru intom ukoll?” (Ġw 6:67)  Ġesù ma tantx kien jimpurtah ħafna x’jgħidu n-nies u din il-mistoqsija retorika hija introduzzjoni għal mistoqsija ħafna iżjed profonda: “Intom min tgħidu li jien?” (Lq 9:20). 

    Din hija mistoqsija li l-Mulej jagħmel lil kull wieħed u waħda minna llum. U jiena naħseb hija fil-qofol tal-missjoni u s-servizz tagħna. Għalina min hu Ġesù? Għalik min hu Ġesù? Inti x’tgħid li hu Ġesù għalik? Hija domanda li lil Ġesù tinteressah ħafna għax tinteressah inti. U jekk aħna m’għandniex risposta għal din id-domanda, tajjeb li din is-sena naħsbu u naħdmu fuqha. Qatt mhu tard. Qatt mhu tard biex nieħdu bis-serjetà r-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù, imma huwa essenzjali.

    Ix-xewqa tiegħi għal kull wieħed u waħda minna hija li Ġesù ma jkunx żero kbir fil-ħajja tagħna imma jkun xi ħadd li mhux biss għandu isem imma li l-isem tagħna għalih ikun f’unjoni, f’komunjoni u armonija mar-risposta ta’ Pietru. “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj” (Mt 16:16). Inti l-Kristu, inti l-Midluk ta’ Alla. Mela inti l-magħżul, inti l-profeta, inti s-sultan qaddej, inti s-saċerdot vittma. Għalina l-kelma ‘Messija’ il-midluk, il-Kristu jfisser dan kollu: li Ġesù għalina huwa sultan qaddej, huwa profeta martri, huwa saċerdot u vittma.  

    U aħna u nifhmu min hu għalina fid-dawl ta’ dak li hu tassew, u nitolbu li ma’ Pietru jkollna fidi sħiħa fih, nindunaw li ħajjitna titbiddel, li l-mod kif naraw lil xulxin, lilna nfusna, il-proxxmu tagħna jitbiddel, għaliex kif jiena nħares lejn Ġesù, jgħinni wkoll inħares lejja nnifsi, lejn il-proxxmu, lejn il-ħolqien.    

    Il-Mulej jinsisti li għandhom iżommu fis-sigriet l-identità vera tiegħu. Nafu li x-xjaten sa mill-bidu kienu jagħrfuh u jiddikjaraw min hu, imma hu kien isikkithom. Hekk ukoll jagħmel lid-dixxipli tiegħu, anzi jfakkarhom li għalkemm hu l-Messija, l-Iben ta’ Alla, se jkollu jbati ħafna. Qatt ma jsejjaħ lilu nnifsu l-Iben ta’ Alla, isejjaħ lilu nnifsu ‘bin il-bniedem: “Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh u fit-tielet jum iqum” (Lq 9:22).     

    U l-Mulej Ġesù, hu u jipprova jfakkarna fl-identità tiegħu, min hu, u jipprova wkoll imexxina fit-triq tal-għarfien sħiħ tiegħu, ifakkarna wkoll fil-profezija l-oħra fuqu, dik li ntqalet meta kellu 40 jum: hu tassew “id-dawl biex idawwal il-ġnus, u l-glorja tal-poplu tiegħek Iżrael (Lq 2:32).

    Imma wkoll “se jkun sinjal li jmeruh” (Lq 2:34). Fil-kuntatt tagħna man-nies se nsibu diversi atteġġjamenti, inkluż l-atteġġjament tar-rabja, tad-disprezz u tal-mibegħda. Ma nistgħux naħarbu milli nissieħbu fl-istess destin tal-Imgħallem għaliex hu kien imħabbar bħala “sinjal li jmeruh”. Se jkun sinjal li jiċħduh ix-xjuħ, il-qassisin il-kbar, il-kittieba u addirittura jaslu biex jeliminawh fiżikament imma l-aħħar kelma la hi tal-mibegħda, la hi tal-arroganza u lanqas tal-gideb. L-aħħar kelma se tkun il-kelma tal-imħabba, il-kelma tal-ħniena, il-kelma tal-maħfra.

    U din hija l-fidi tagħna fil-qawmien ta’ Ġesù li nitolbuh li aħna niskopruh dejjem iżjed fil-ħajja tagħna; hemm l-aħħar kelma u l-kelma definittiva. Mela meta nkunu għadejjin fit-triq u jagħmlilna l-qrun xi ħadd, jew jobżqulna, inbaxxu rasna u bħall-qaddis il-kbir San Vinċenz de Paul li ċċelebrajna lbieraħ, ngħidu: ‘din għalija, issa nitlob xi ħaġa għall-karità’. Għax dan huwa l-aneddotu li jiena nħobb infakkar mill-ħajja qaddisa ta’ San Vinċenz.        

    Darba minnhom kien qed iħabbat il-bibien ta’ Pariġi jittallab il-karità u kien hemm nobbli sinjurun. U ma nafx jekk kienx waqa’ mis-sodda dakinhar imma kien bil-bijambò u kif fetaħ il-bieb u ra lil Monsieur Vincien, lil Vinċenz de Paul jitolbu l-karità, venvinlu daqqa ta’ ħarta. San Vinċenz waqaf, ma waqax bid-daqqa, baqa’ wieqaf, qallu “Sinjur, din li tajtni għalija, għandek xi ħaġa għall-karità?”. U kkonvertieh bil-paċenzja, bl-umiltà u l-manswetudni tiegħu.

    Jalla aħna, quddiem xi ħadd li jqabbiżilna, ikollna l-għerf u l-għaqal tal-qaddisin.

     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta  

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Koħ 3, 1-11
    Salm: 42 (43), 1.2.3.4
    Evanġelju: Lq 9, 18-22