-
-
Il-Ħamis 11 ta’ Ġunju 2015, intemm l-Aġġornament tal-Kleru għas-saċerdoti djoċesani u reliġjużi, fis-Seminarju tal-Arċisqof. Lejn tmien il-Kors, l-Arċisqof indirizza lis-saċerdoti preżenti.
Messaġġ tal-Arċisqof
-
-
Is-Seminarju, tal-Virtù, ir-Rabat
11 ta’ Ġunju 2015Kif innotajtu, jiena għażilt li ma nitkellimx f’dawn it-tlett ijiem li għaddew, anke għaliex inħoss li l-proporzjon bejn il-kelma tiegħi u s-smigħ għandu jkun dan, li jiena nisma’ iżjed milli nitkellem, u li biex nitkellem u jkolli d-dritt nitkellem irrid nisma iżjed. Nisma’ wkoll l-uġigħat ta’ min iweġġa’ għaliex nitkellem, u li tagħtini responsabbiltà kbira li mhix faċli. Jiena għadni mmeraviljat kemm ċerti reazzjonijiet fil-poplu tagħna għadhom reazzjonijiet antiki. Din hija xi ħaġa li aħna rridu nirriflettu ħafna dwarha fis-Sena tal-Ħniena, Sena li, anke f’dan il-qasam, ma tridx tiġi għal xejn. Hemm ħafna weġgħat li rridu ndewwuhom.
Jiena għedt diġa’ pubblikament li ma nistax inkun paralizzat fil-passat imma nifhem li hemm responsabbilta’ kbira li rridu nġorruha flimkien. Fr John Berry għamel kumment li jġgħalni naħseb ħafna dwar jekk għadux il-mument li jkollna ‘l-kult tal-Arċisqof’. Naħseb li rridu nagħmlu għażliet li juru ċar u tond li it’s not about me, it’s about us! Dan ma jfissirx li jiena jkolli ħajja iżjed faċli, imma iżjed ikkomplikata, għaliex ifisser li d-deċiżjonijiet li nieħu jridu jkunu f’sintonija, b’mod speċjali magħkom.
Irridu nagħmlu l-esperjenza Sinodali
Nifhem ukoll li dan li qed nagħmlu, huwa dixxerniment parzjali, għaliex jiena, quddiemi, għandi l-kleru għażiż djoċesan u reliġjuż ta’ Malta, imma m’għandix il-Knisja f’Malta. Għandi biss il-qaddejja, li huwa bidu tajjeb, imma d-dixxerniment dwar x’inhi r-rieda t’Alla għall-Knisja“fil-bidu ta’ episkopat ġdid” – li b’xi mod huwa gvern ġdid għall-Knisja, imma fl-istess ħin irid ukoll ikun garanti tal-kontinwità.- irrid ikun esperjenza sinodali, u intom tifhmu li jekk aħna l-kleru u jiena magħkom naħsbu li bid-diskussjonijiet tagħna għamilna dixxerniment neċessarju, ma nkunux morna ‘l quddiem imma nkunu morna lura.
L-esperjenza Sinodali kienet esperjenza ta’ Knisja fejn kien hemm ukoll rwol qawwi għall-lajċi. Nixtieq ukoll li r-rilettura tas-sinodu u d-dokumenti li ġew promulgati fl-2003 ikunu wkoll sinodali, jiġifieri aħna rridu tassew nisimgħu lil ħutna l-lajċi għaliex aħna, għalkemm għandna rwol fid-dixxerniment, m’għandniex il-monopolju tad-dixxerniment.
Nirriflettu fil-ħajja tagħna l-glorja ta’ Ġesù
Biex nipprepara għal din ir-riflessjoni fil-konkluzjoni ta’ dan l-Aġġornament, ispirajt ruħi minn silta’ li għalija dejjem kienet għal qalbi, mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin. Huwa l-mument meta Pawlu jitkellem dwar il-ministri tal-Patt il-Ġdid li huma aħna. Għażilt din is-silta’ għaliex jien qed nitkellem mal-għeżież presbiteri djoċesani u reliġjużi, u nħoss li aħna, f’kull dixxerniment, irridu immorru għall-għeruq tal-vokazzjoni tagħna. “Il-Mulej huwa l-Ispirtu, u fejn hemm l-Ispirtu tal-Mulej hemm il-ħelsien. Aħna lkoll li b’wiċċna mikxuf nirriflettu bħal f’mera il-glorja tal-Mulej, qegħdin ninbidlu fl-istess xbieha minn glorja għal glorja skont ma jtina l-Mulej li hu Spirtu” (2 Kor 3,17-18).
Riflessjoni qasira fuq dan il-vers. Hemm bżonn li aħna, kull wieħed minna, nerġgħu mmorru fid-deżert taż-żgħożija tagħna fejn aħna ħaddanna l-ministeru b’ferħ kbirm u niskopru li huwa ministeru tal-Ispirtu, li huwa ministeru li jsejħilna biex nirriflettu il-wiċċ glorjuż ta’ Ġesù. Qed nirrifletti fuq li l-vokazzjoni tagħna, fl-espressjoni stupenda ta’ Pawlu, tirrifletti fil-ħajja tagħna l-glorja ta’ Ġesù. U għalhekk, l-poplu t’Alla għandu d-dritt, li meta jiltaqa’ magħna, miksijin kif aħna bid-dgħjufija minn ġewwa u minn barra, jiltaqa’ ma’ Ġesù.
Għandna d-dover li nwarrbu kull ħabi u kull għajb
“Ladarba għall-ħniena t’Alla aħna għandna dan il-ministeru ma naqtgħux qalbna, imma nwarrbu kull ħabi u għajb, u la nimxu bil-qerq u lanqas ngħawwġu l-kelma ta’ Alla iżda nuru l-verità kollha u nħallu l-kuxjenza ta’ kull bniedem tiġġudikana hi quddiem Alla” (2 Kor 4,1-2). Dawn huma kliem attwali ħafna, miktubin elfejn sena ilu imma li dejjem huma friski. Il-kuxjenza ta’ Alla tiġġudikana, veru quddiem Alla, imma aħna għandna dan id-dover li nwarrbu kull ħabi u kull għajb u la nimxu bil-qerq u lanqas ngħawwġu l-kelma t’Alla.
Ma nistgħux nistħu mill-Evanġelju ta’ Ġesù
F’mument ieħor fl-Atti tal-Appostli, meta jsellem lill-kapijiet tal-Knisja f’Efesu u laqagħhom f’Miletu, Pawlu jgħidilhom “qatt ma bżajt nurikom dak li hu ta’ fejda għalikom u ngħallimkom kemm fil-beraħ u kemm fid-djar”. Mela aħna ma nistgħux nistħu mill-Evanġelju ta’ Ġesù, evidentement irridu nagħmlu dan kollu b’imħabba kbira. Aħna m’aħniex ħlief qaddejja tagħkom minħabba Ġesù Kristu. Dan Alla li qal: “ħa jiddi d-dawl mid-dlam” (ara Ġen 1,3), dak hu li idda fi qlubna biex jagħtina d-dawl tal-għarfien tal-glorja ta’ Alla li tiddi f’wiċċ Kristu. Jerġa’ jirrepeti din l-espressjoni, imma Alla kreatur dak Alla li qal; “ħa jiddi d-dawl fid-dlam”, dak li ħalaq id-dawl hu dak ukoll li ħalaq lilna mill-ġdid fi Kristu Ġesù. U allura jiena ma nistax nipprietka lil dak li biddilli ħajti minn ġewwa u ninsa li huwa wkoll dak li ħalaq id-dinja bil-ġmiel tagħha, u li istitwixxa l-bniedem bħala l-ħarries, il-ħakem huwa dak li mhux it-tirann, huwa dak li jħares, huwa dak li jipproteġi.
Inwasslu l-kelma ta’ Ġesù u tal-Għarusa tiegħu
Jien għadni ma tkellimtx pubblikament imma nħoss li huwa d-dover tiegħi ‘l quddiem, u tistgħu timmaġinaw kemm se naqla’ ċapċip, imma jiena mhux qiegħed hawn għaċ-ċapċip, kif naħseb li ndunajtu, imma jiena qed tinkwetani ħafna għax hija kwestjoni trans-ġenerazzjonali, il-kwistjoni tal-korruzzjoni fis-soċjetà tagħna li ma teskludi lil ħadd, li ħafna drabi wkoll nistgħu niċċapsu biha aħna. L-aħwa, irridu nagħmlu eżami tal-kuxjenza profond bħala Knisja dwar din il-ħaġa. Jiena ħerqan ħafna li naqra – il-kelma tal-Papa fuq l-ambjent. Evidentement jekk inti taqra b’attenzjoni kbira Evangelii Gaudium hemm diġa’ il-parametri, u b’mod qawwi ħafna, kif forsi smajtu, għażilt anke ġurnata fejn nippreżenta’ l-Enċiċlika b’mod pubbliku u se nistieden anke lill-kategoriji diversi tas-soċjetà Maltija u anke l-pubbliku inġenerali għax inħoss li aħna, s-servizz tagħna mhuwiex li nwasslu lilna nfusna, xi ħaġa li Pawlu jgħidha: “…jien ma wassaltx lili nnifsi”. Mhux inwasslu lilna nfusna imma nwasslu l-kelma ta’ Ġesù u tal-Għarusa tiegħu. U aħna li aħna kattoliċi nisimgħu l-kelma tal-Papa u ngħidu Verbum Domini.
U jekk ġejna għall-Verbum Domini, l-aħħar ħames minuti ippermettuli niddedikawha l-frażi li tgħallimt meta ntroduċejt lili nnifsi, għax ma kontx midħla tal-M.U.S.E.U.M. qabel sirt seminarista, espressjoni sabiħa li l-Mużewmini jafuha sew u li, imnebbaħ mill-Iskrittura evidentement u mill-liturġija tal-Knisja, niseġ Dun Ġorġ Preca. Verbum Dei caro factum est et fratres suos et fecit nos et caritatis vinculum congregavit nos in unum. ‘Il-kelma ta’ Alla saret laħam u għamlitna aħwa tiegħu u bir-rabta tal-imħabba ġabarna ħaġa waħda’. Jiena naħseb li b’din il-frażi tal-ewwel qaddis kanonizzat Malti, jista’ jkollna viżjoni tal-Knisja li hija f’konverġenza u sintonija mas-Sinodu u mal-Konċilju Vatikan it-Tieni, u li tistenna lealtà bl-impenn tagħna lkoll.
Verbum Dei: l-ewwelnett aħna rridu nibdew mill-Kelma. L-evanġelizzazzjoni trid tkun li nlaqqa’ l-individwu, il-kuxjenza tiegħu fil-libertà sħiħa ma’ Ġesù fil-Kelma. Issa, kif se nlaqqgħu ma’ Ġesù? Jekk inlaqqgħu mal-kelma tiegħu jiena għandi garanzija niltaqa’ ma’ Ġesù veru, Il-kelma, il-kelma li tiskandalizza, il-kelma li tillibera, il-kelma li tħeġġeġ. Niftakru fl-espressjoni tad-dixxipli ta’ Emmaws: “ma kinitx tħeġġeġ qalbna waqt li qed jispjegalna l-Iskrittura?” (Lq 24, 32).
‘Verbum Dei caro factum est’: Din l-ispinta li mill-kelma aħna ngħaddu għall-prattika; l-inkarnazzjoni, l-inkarnazzjoni f’kull ambjent tas-soċjetà tagħna. Imbagħad it-tielet frażi ta’ din l-istrofa straordinarja ta’ San Ġorġ Preca hija li aħna verament inkunu aħwa ta’ Ġesù u allura aħwa bejnietna. Imma congregavit din l-ecclesia hija l-congregatio, li aħna nkunu miġburin in unum, mhux fl-uniformità, imma fid-diversità ta’ min għandu doni differenti tal-Ispirtu s-Santu, imma mimli ħeġġa biex iħobb lil Ġesù u jieħu pjaċir li Ġesù jkun magħruf u maħbub. Aħna dax-xogħol ilna nagħmluh, f’diversi oqsma.
Il-ferħ tagħna jattira n-nies għal Ġesù u mhux minħabba fina
Jiena nixtieq nirringrazzjakom ukoll, u nagħmilha l-ewwel darba bħala Arċisqof, tax-xogħol ta’ ħafna ġenerazzjonijiet ta’ saċerdoti, li mingħajr ma daqqew it-trombi ddedikaw ħajjithom għall-poplu tagħna. Mela l-isqof irid l-ewwel jgħid grazzi lil sħabu imbagħad forsi jippretendi li jitlobhom xi ħaġa u jagħmluha. Jiena ngħidilhom hekk lil sħabi: jiena nixtieq li l-ħut ikun fil-baħar u ż-żwiemel fl-istalla, jiġifieri itolbu għalija biex meta nitlobkom tagħmlu xi ħaġa f’isem il-Knisja, intom tħossukom komdi, in your element, u ferħanin. Għax jiena nemmen ukoll, li l-ferħ tagħna jattira n-nies għal Ġesù u mhux minħabba fina, anke għall-vokazzjonijiet għas-saċerdożju u l-ħajja reliġjuza. Grazzi.
+ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
-
Photos: Photocity, Valletta.