L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Il-Papa Franġisku sejjaħ lil Santa Marija Maddalena “appostlu tal-appostli”. Fil-fatt, ħa l-istess frażi li kien uża snin ilu San Tumas ta’ Aquino biex jiddeskrivi l-qaddisa. Il-Papa Franġisku għen biex aħna nerġgħu niskopru ħafna aktar il-valur ta’ din il-qaddisa għal żminijietna.

Għal ħafna snin kien hemm l-idea li Marija Maddalena kienet midinba magħrufa li mbagħad Ġesù kkonvertiha. Imma maż-żmien skoprew li fil-fatt din kienet idea li tgħaqqad flimkien tnejn min-nies – lil Marija Maddalena, u lil dik il-mara li kienet midinba magħrufa u marret darba minnhom u xarrbet saqajn Ġesù bi dmugħha u xxuttathomlu b’xagħarha, il-mara li fuqha Ġesù kien qal: “dnubietha, li kienu ħafna, inħafrulha għax ħabbet ħafna” (Lq 7:47).  Imkien ma hemm fl-Evanġelju li din kienet l-istess persuna u, fil-fatt, ħafna jsostnu li Marija Maddalena hi mara oħra.

Ħelsien 

Nixtieq li nħarsu lejn tliet punti mill-ħajja tagħha, li huma ta’ siwi għall-ħajja tagħna. L-ewwel nett, Marija Maddalena saret dixxiplu ta’ Ġesù minħabba esperjenza partikulari li kellha. L-Evanġelju jgħid li bil-qawwa ta’ Ġesù “minnha kienu ħarġu seba’ xjaten” (Luqa 8:2), li ma tfissirx li minħabba li kienet midinba, imma din kienet espressjoni użata għal persuna li tkun maħkuma mix-xitan. 

Ġesù ħelisha kompletament, ittrasformaha. L-ewwel esperjenza tagħha kienet li Ġesù għamilha ħielsa, u hi baqgħet dejjem rikonoxxenti u mimlija gratitudni u mħabba lejn Ġesù li kien li taha ħajja mill-ġdid. Minn dak inhar, hi baqgħet dixxiplu ta’ Ġesù, dejjem qrib tiegħu.

Fedeltà

Lil Marija Maddalena narawha dixxiplu li timxi mad-dixxipli l-oħra ta’ Ġesù f’diversi postijiet. L-Evanġelju jgħid li kienet ma’ nisa oħra – Ġwanna, Susanna u oħrajn (ara Lq 8:2) –  li kienu jaqdu lill-komunità tad-dixxipli. Kienet tagħmel dan b’ħafna ġenerożità u b’ħafna mħabba.

Imma li jolqotna fiha b’mod partikulari hu li kienet dixxiplu li baqgħet miegħu b’fedeltà sal-aħħar. Fil-fatt, meta naraw lil Ġesù fuq is-salib, naraw ftit nies hemmhekk taħt is-salib. San Ġwann jgħid: “Kien hemm wieqfa taħt is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa u Marija ta’ Magdala” (Ġw 19:25). Marija Maddalena kienet fost dawn il-ftit.

Marija Maddalena ma għażlitx is-sigurtà imma għażlet il-fedeltà. Ġesù lilha kien ħelisha, taha l-ħajja mill-ġdid. Hi baqgħet tgħix b’din il-gratitudni kbira, u fidila lejh sal-aħħar.

Xhieda

Sforz l-imħabba kbira li kellha, meta Ġesù miet, riedet tagħti qima wkoll lill-ġisem mejjet miegħu. Għandna r-rakkont sabiħ li smajna fl-Evanġelju skont San Ġwann meta marret mad-dixxipli, u hi ma sabitx il-ġisem ta’ Ġesù, imma hi baqgħet hemmhekk biex tfittex. Imbagħad, meta kienet mitlufa għax ma setgħetx issib lil Ġesù, qalbha maqsuma bin-niket, hemm tiltaqa’ mar-raġel li kien Ġesù imma li għall-bidu ma għarfitux u ħasbitu l-ġardinar, u meta sejħilha b’isimha, għarfet li kien Ġesù. Araw il-ferħ kbir ta’ Marija Maddalena li ħasbet li sejra hemm biex tqim il-ġisem mejjet ta’ Ġesù, b’tifkira sabiħa tal-ħajja tiegħu u l-ġid li għamel magħha, imma hemm tiltaqa’ miegħu ħaj!

Hemm saret il-bidla importanti fil-ħajja tagħha. Ma baqgħetx biss waħda mid-dixxipli, imma saret appostlu. Appostlu jfisser li twassal l-Aħbar it-Tajba. Hekk issir hi. Kienet l-ewwel xhud ta’ Ġesù li qam mill-mewt, u l-ewwel waħda li ngħatat il-missjoni li xxandar din l-Aħbar lill-appostli: “Mur għand ħuti u għidilhom…” (Ġw 20:17).

Ħajjitna

Meta nħarsu lejn il-ħajja ta’ Marija Maddalena, għandna ħafna x’nitgħallmu għal ħajjitna llum. L-ewwel nett Ġesù lilna jeħlisna minn dak li jfixkilna f’ħajjitna, hu li jfejjaqna minn dak li fil-qalb tagħna ma jħalliniex ngħixu fil-paċi, hu dak li dejjem lest jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina.

Imbagħad, lilna Ġesù jsejħilna biex inkunu dixxipli tiegħu u nagħmlu dan b’fedeltà. Marija ta’ Magdala kienet aktar fidila lejh mill-appostli li kienu qrib tiegħu f’ħajtu. Fil-mument tal-prova, Marija ta’ Magdala kienet hemm, imma wieħed biss kien hemm mill-appostli. Tgħallimna kemm hi importanti l-fedeltà. Nibqgħu qrib tiegħu, anke fl-aktar mumenti ta’ tbatija. Nafu li Ġesù jista’ jimla tassew il-qalb tagħna.

Nitgħallmu wkoll minnha li nkunu xhieda ta’ Ġesù li hu ħaj. Fuq dan mibnija l-fidi tagħna. Il-fidi tagħna mhijiex mibnija fuq tifkiriet u ċelebrazzjonijiet u tradizzjonijiet li nagħmlu kull tant żmien. Dawn jagħmlu sens jekk magħquda mal-għeruq tal-fidi, li huma fi Kristu li għeleb il-mewt u li qam għal ħajja ġdida – Krisu Rxoxt. Marija ta’ Magdala kellha l-grazzja li tkun l-ewwel waħda li tiltaqa’ miegħu ħaj u saret xhud ta’ Kristu li hu ħaj. Dan hu li jitlob minna wkoll Ġesù.

Kulfejn inkunu, aħna msejħin biex nagħtu din ix-xhieda. Nagħtu x-xhieda li Ġesù hu dak li jimla l-qalb tagħna, li jagħtina dak li hu l-isbaħ fil-ħajja, u hekk inwasssluh lill-oħrajn.

Kemm hi okkażjoni sabiħa li kull sena intom tinġabru f’dan il-post, ħdejn il-kappella ddedikata lil Santa Marija Maddalena, nhar il-festa tagħha! Nitolbu li hi tkompli tkun ta’ ispirazzjoni għal ħajjitna llum. Speċjalment biex aħna nagħtu xhieda ta’ Ġesù u nagħmlu dan bil-ferħ, nagħmlu dan bla biża’, għax nafu li meta nwasslu lil Ġesù lill-oħrajn qed nagħtuhom dak li hu l-isbaħ u l-aħjar għall-ħajja tagħhom.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta