Fid-29 ta’ Settembru, l-Organu Prinċipali Amministrattiv tal-Leġjun ta’ Marija, magħruf bħala r-Regia, se jiċċelebra l-1,000 laqgħa tiegħu f’85 sena.
Kien fit-23 ta’ April 1940 meta Mons. Arċisqof Mauro Caruana OSB waqqaf kanonikament f’Malta l-Leġjun ta’ Marija, moviment ta’ appostolat tal-lajċi li kien beda Frank Duff fl-Irlanda fl-1921.
Il-Moviment ried ikun eżerċitu ta’ nsara taħt il-kmand tal-Verġni Marija u għal dan il-għan Frank Duff waqqaf il-Moviment fuq il-mudell ta’ eżerċitu ta’ Ruma Antika.
Il-President tal-Leġjun ta’ Marija f’Malta qal li bil-Leġjun ferm attiv, u grazzi għall-ħidma kbira minn ‘il fuq minn 850 membru f’Malta u Għawdex, permezz ta’ ‘street contacts’, kuntatti mal-baħrin permezz tal-Appostolat tal-Baħar, żjarat lill-morda, anzjani, familji fid-djar, sptarijiet u Homes, il-membri tal-Leġjun ta’ Marija jinsabu fiduċjużi li se jkomplu bl-impenn fil-ħidma tagħhom, f’Malta kif ukoll barra.
“Dan biex il-wirt għażiż tal-fidi tagħna jinżamm bla mittiefes fostna”, kompla jgħid.
Ir-ritratti ttieħdu waqt il-Manifestazzjoni Marjana f’Buġibba din is-sena
Source: Newsbook.com.mt