L-Arċidjoċesi ta’ Malta għaddejja bil-proġett għall-arkivju l-ġdid fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana. Dan qed isir b’kofinanzjament minn fondi tal-Unjoni Ewropea (Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali 2014-2020).
Il-proġett jinsab fil-fażi inizjali tiegħu. F’dawn il-jiem, numru ta’ dokumenti qed jinħarġu mill-Kurja sakemm jiġi rranġat il-post li ser jilqa’ l-arkivju l-ġdid. Dawn qed jittieħdu f’faċilità apposta li tassigura l-aħjar ambjent fejn dawn id-dokumenti storiċi jinżammu b’mod temporanju. Il-faċilità hi mmexxija minn kumpanija li tipprovdi servizz professjonali ta’ mmaniġġjar ta’ dokumenti u data, f’ambjent li għandu wkoll klima kkontrollata.
L-iskop tal-proġett tal-arkivju l-ġdid hu li jassigura li l-patrimonju arkivistiku li jinsab fil-bini tal-Kurja jiġi kkonservat bl-aħjar mod possibbli u jservi ta’ ambjent adegwat fejn riċerkaturi jkunu jistgħu jistudjaw dawn id-dokumenti importanti. Dan l-investiment huwa parti minn pjan ħolistiku li jinkludi l-konservazzjoni tal-kollezzjonijiet tad-dokumenti miżmuma mill-entitajiet tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.
L-Arkivju Djoċesan jinkludi kollezzjonijiet sħaħ ta’ dokumenti mis-seklu 16 sal-ġurnata tal-lum. Dawn jiddokumentaw mhux biss l-atti uffiċjali tal-isqfijiet ta’ Malta imma wkoll aspetti oħra tal-ħajja tal-poplu Malti, fosthom:
- Il-Kollezzjoni tad-Dokumenti tal-Atti Ċivili li fihom tagħrif dettaljat tal-proċessi li kienu jiġu ittrattati fil-Qorti Ekkleżjastika.
- Libri Conti li huma kotba li kien jinżammu mill-prokuraturi tal-knejjes, fratellanzi u istituzzjonijiet oħra, u li jżommu informazzjoni fuq il-kontijiet ta’ dawn l-entitajiet.
- Il-Librerija tas-Seminarju l-antik, li tinkludi kotba ta’ natura teoloġika u kanonika li jmorru lura sas-seklu 18, meta twaqqaf is-Seminarju tal-Arċisqof fl-Imdina.
L-arkivju l-ġdid fil-Kurja tal-Arċisqof qed isir b’investiment ta’ €250,000 u mistenni jitlesta sa tmiem l-2020.