L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
“Ġejt inġib mhux il-paċi imma s-sejf”. Għall-ewwel, meta tisma’ dan il-kliem, tgħid: Dan hu l-istess Ġesù li nafu s-soltu? Dan hu Ġesù li kemm-il darba qal li hu ġie biex il-bnedmin jgħixu fil-paċi u li henjin dawk li jġibu l-paċi? Dan hu Ġesù li qalilna biex aħna nħobbu lil xulxin u biex ningħaqdu lkoll flimkien bħala komunità waħda? U s-sejf, Ġesù ma kellux jgħid fl-istess Evanġelju ta’ San Mattew aktar ’il quddiem, fl-Ort tal-Ġetsemani meta wieħed mid-dixxipli ħareġ is-sejf: “Erġa’ daħħal is-sejf f’postu, għax kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered”?
Aħna nistgħu nifhmu dan il-kliem ta’ Ġesù meta niftakru f’dawk in-nies li kienu qed jisimgħuh kif ukoll fl-ewwel komunitajiet Insara li semgħu din il-kelma tiegħu. Għaliex fost dawn kien hemm nies li kienu saru dixxipli ta’ Ġesù, imxew warajh, għarfuh bħala s-Salvatur u dak li jagħti l-ħajja, imma minħabba f’hekk kellhom persekuzzjoni mill-istess nies qrib tagħhom, min-nies tal-familja tagħhom. Għax għażlu li jimxu wara Ġesù, l-istess nies qrib tagħhom warrbuhom u nfirdu minn magħhom. Għalhekk il-firda li jitkellem fuqha Ġesù mhijiex il-firda fil-qalb ta’ dawk li jemmnu, imma l-firda li jsofru xi wħud minn dawk li jemmnu proprju minħabba t-twemmin tagħhom.
Hemm nuru tassew li aħna dixxipli tiegħu, meta fl-affarijiet iż-żgħar, fid-dettalji ż-żgħar, ngħinu lil min hu fil-bżonn, nagħtu l-għajnuna anke permezz ta’ ħaġa żgħira.
Li qed jgħid Ġesù hawn hu li għandna nagħżlu lilu fuq kollox. L-ewwel nagħżlu lilu. U meta nagħmlu din l-għażla u nimxu warajh, u ma nqiegħdu lil ħadd f’postu, imbagħad hu jagħtina f’qalbna dak l-ispirtu tiegħu u jgħinna biex lill-oħrajn inwasslulhom l-imħabba tiegħu, anke lill-istess nies li jkunu qed jippersegwitaw lilna jew b’xi mod jew ieħor ikollhom mibegħda lejna minħabba din l-għażla. L-għażla tiegħu hi dejjem l-ewwel.
Hawn jitkellem fl-Evanġelju fuq xi tfisser din fil-ħajja konkreta, speċjalment meta jgħid dawk iż-żewġ kelmiet importanti: “tilqa’” u “tagħti”. Jgħid li min jagħżel li jimxi warajh, imbagħad ikollu din l-attitudni li jilqa’ lill-oħrajn u jgħin lill-oħrajn iħossuhom milqugħin għax fihom jara lil Ġesù stess – “Min jilqa’ lilkom, jilqa’ lili”. Kemm hi sabiħa din l-ospitalità li ħierġa mill-imħabba lejn Ġesù u li tgħin biex aħna nilqgħu lill-oħrajn!
Jgħid ukoll “tagħti”. Isemmi li tagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd mill-iżgħar mid-dixxipli, ma tibqax mingħajr il-ħlas tagħha. Innutaw kif isemmi xi ħaġa verament żgħira, ta’ kuljum, tal-ħajja ordinarja. Mhux qed isemmi xi ħaġa ta’ barra minn hawn biex tagħmilha, imma xi ħaġa li tista’ tagħmilha, u li kulħadd jista’ jagħmilha l-ħin kollu fil-ħajja ta’ kuljum. Hemm nuru tassew li aħna dixxipli tiegħu, meta fl-affarijiet iż-żgħar, fid-dettalji ż-żgħar, ngħinu lil min hu fil-bżonn, nagħtu l-għajnuna anke permezz ta’ ħaġa żgħira.
Nirringrazzjaw lill-Mulej li fil-ħajja tal-Knisja u fis-soċjetà jagħtina ħafna eżempji ta’ dan, ta’ nies li jgħixu tassew b’dan l-ispritu li qed isemmi hawnhekk Ġesù. Nitolbuh biex, kif qalilna llum fl-Evanġelju, aħna dejjem nagħżlu lilu qabel kollox, fuq kollox, imbagħad jagħtina dan l-ispirtu tiegħu biex il-mod kif nittrattaw lill-oħrajn ikun juri tassew din l-għażla li għamilna li nimxu warajh.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju