-
O Kbira Sultana tal-vittorji, O Verġni l-aktar għolja fis-sema, għall-isem qawwi tiegħek jifirħu s-smewwiet, jitriegħed l-infern; O Sultana glorjuża tar-Rużarju mqaddes, aħna, uliedek ixxurtjati li inti għażilt biex iwaqqfulek tron f’Pompej, ninxteħtu għarkopptejna f’riġlejk f’dan il-jum ta’ festa kbira li jfakkarna fit-tqegħid tal-ewwel ġebla tas-santwarju tiegħek, jum li fih bdew it-trijonfi tiegħek fuq l-art li dari kienet art l-allat foloz u d-demonji; id-dmugħ ta’ għajnejna jurik l-imħabba li qiegħda tixgħel fi qlubna, b’kunfidenza ta’ wlied nuruk il-faqar tagħna.
O Marija, mit-tron tal-ħniena tiegħek, ixħet il-ħarsa ħanina tiegħek fuqna, fuq il-familji tagħna kollha, fuq pajjiżna, fuq id-dinja, fuq il-Knisja kollha; ikollok ħniena mid-dwejjaq li fihom ninsabu u mit-taħbit li jnikket ħajjitna. Ara, O Ġesù b’kemm tiġrib fir-ruħ u fil-ġisem ninsabu mdawrin, b’kemm hemm u niket ninsabu magħfusin! O Omm, żomm id-driegħ ta’ ibnek inkurlat għal ħtijietna, u qanqal bil-ħniena qlub il-midinbin; huma wkoll ħutna u wliedek, għalihom ukoll ibnek Ġesù ċarċar id-demm imqaddes tiegħu; minħabba fihom il-qalb tiegħek l-aktar safja ġiet minfuda b’sejf ta’ niket. Illum, uri ruħek ma’ kulħadd, dak li tassew inti, Sultana tal-paċi u l-maħfra.
Sliem għalik, Marija
O Marija, għalkemm wliedek, aħna wkoll, minn tal-ewwel, bi dnubietna qed nerġgħu nsallbu f’qalbna lil ibnek Ġesù u mill-ġdid qed ninfdu b’sejf ta’ niket il-qalb tiegħek bla tebgħa; iva, nistqarruh, jistħoqqilna l-kastgi l-aktar ħorox. Iżda, O Marija, ftakar li fuq il-quċċata tal-Kalvarju int ġbart l-aħħar qatriet tad-Demm imqaddes ta’ Ibnek Ġesù u l-aħħar xewqat tal-Feddej tagħna xħin kien qiegħed imut. U dawk l-aħħar xewqat tal-Iben ta’ Alla, issiġillati bid-Demm imqaddes tal-Bniedem-Alla, juri li inti Ommna, Omm il-midinbin. Mela inti bħala Ommna, int l-Avukata tagħna, it-Tama tagħna. U aħna, bid-dmugħ f’għajnejna, ngħollu jdejna lejk biex nitolbuk ħniena bi ħrara kbira. O Omm l-aktar twajba, ikollok ħniena minna, mir-ruħ tagħna, mill-familji tagħna, mill-qraba tagħna, mill-mejtin tagħna, mill-għedewwa tagħna, minn tant u tant li għalkemm Insara qed joffendu l-Qalb Imqaddsa ta’ Ibnek. Ħniena nitolbuk illum għal dawk kollha li tbiegħdu mit-triq it-tajba, għall-Ewropa kollha, għad-dinja kollha, biex kulħadd, niedem, jersaq mill-ġdid lejn ibnek Ġesù. Ħniena għal kulħadd, nitolbuk, O Omm tal-ħniena.
Sliem għalik, Marija
O Marija, kemm jiswielek li tismagħna bil-qalb! Kemm jiswielek li taqlgħalna l-grazzja li nsalvaw! Forsi Ġesù ma riedx jafda f’idejk it-teżori tal-grazzji tiegħu? Inti tinsab inkurunata Sultana ta’ fuq il-leminija ta’ Ibnek, imżejna bi glorja li qatt ma tintemm, mgħollija fuq il-kori kollha tal-anġli. Is-saltna tiegħek tasal sa fejn jaslu s-smewwiet, u taħtek huma l-art u l-ħlejjaq kollha li fiha jinsabu. Is-saltna tiegħek tasal sal-infern, u int taħtafna minn idejn ix-xitan, O Marija. Inti tista’ kollox bil-grazzja, inti mela tista’ ssalvana. U jekk tgħid li ma tridx tgħinna għaliex ulied ingrati, li ma jistħoqqilniex li tidħol għalina, għidilna għallinqas għand min nirrikorru biex niġu meħlusa minn tant kastigi. Il-qalb tiegħek ta’ Omm ma taħmilx li tara lilna, uliedek, mitlufin. Il-Bambin li naraw fuq irkopptejk, il-kuruna misterjuża li nilmħu f’idejk, inisslu fina tama qawwija li int se tismagħna. U aħna għandna tama sħiħa fik; ninxteħtu f’riġlejk; bħala wlied bla saħħa ninxteħtu fuq id-dirgħajn tal-aktar twajba fost l-ommijiet; u llum stess minn għandek nistennew il-grazzji kollha li nixtiequ.
Sliem għalik, Marija
NITOLBU L-BARKA LIL MARIJA
L-aħħar grazzja issa aħna nitolbuk, O Sultana, grazzja li int ma tistax tiċħadhielna f’dan il-jum ta’ festa kbira. Agħtina lkoll l-imħabba tiegħek, u b’mod speċjali, il-barka tiegħek. Le, ma nitilqux minn quddiemek, ma nqumux minn għarkopptejna, qabel ma int tberikna. Bierek, O Marija, f’dan il-waqt, il-Papa, missier l-Insara kollha. Mal-għeġubijiet tal-imgħoddi, mat-trijonfi tar-Rużarju tiegħek, li minħabba fihom inti imsejħa Sultana tal-vittorji, żid din ir-rebħa wkoll: Agħti, O Marija, rebħ lir-reliġjon Nisranija, u paċi lill-għaqda tal-bnedmin. Bierek lill-Arċisqof tagħna, lis-saċerdoti, u lil dawk kollha li jaħdmu għall-ġieħ tas-santwarju tiegħek f’Pompej, u lil dawk kollha li jmexxu ’l quddiem id-devozzjoni lejn ir-Rużarju mqaddes tiegħek.
Rużarju mbierek ta’ Marija, katina ħelwa li tgħaqqadna ma’ Alla, rabta ta’ mħabba li sseħibna mal-anġli, qawwa għall-ħelsien meta jaħbat għalina l-infern, port sigur mit-tempesti tal-ħajja, ktieb tal-ħajja ta’ dejjem: Aħna ma nħalluk qatt. Int kun il-hena tagħna waqt l-agunija; lilek l-aħħar bewsa tal-ħajja li tkun sa tintemm. U l-aħħar kelma li toħroġ minn fommna, ikun l-isem ħelu tiegħek, O Sultana tar-Rużarju, O Madonna, O Omm għażiża tagħna, O Kenn tal-Midinbin, O Faraġ tal-Imnikktin. Tkun imbierka kullimkien, illum u għal dejjem. Ammen.
Salve Reġina