Libset daqsxejn makeup wara l-mewt ta’ żewġha u ħassitha ġġudikata.
Żamm il-ħwejjeġ ta’ martu biex iħoss il-preżenza tagħha.
Kienu dawn uħud mill-esperjenzi li rrakkontaw diversi anzjani li jħossuhom weħidhom wara li tilfu lin-nisa u rġiel tagħhom. Rakkonti li wasslu waqt studju li sar minn Caritas Malta dwar is-solitudni fost l-anzjani li jgħixu fi djarhom tagħhom u anke dawk fi djar tal-anzjani.
Iċ-ċensiment li kien sar f’Malta fl-2021 wera kif 16.7% tal-popolazzjoni għandha 65 sena jew ikbar fl-età, li f’kelma oħra tlaħħaq it-total ta’ 86,000 persuna.
L-istudju li ġie ppubblikat riċentament sar ma’ persuni li għandhom 65 sena jew iktar f’sessjonijiet ta’ focus group fejn ġew mistoqsija numru ta’ domandi dwar il-ħajja ta’ kuljum għalihom.
Numru ta’ anzjani saħansitra qalu li m’għandhomx, jew għandhom ftit li xejn kuntatt ma’ uliedhom u li kieku ma jieħdux inizzjattiva huma biex ikunu parti mill-komunità, jispiċċaw maqtugħin mid-dinja ta’ hemm barra.
Is-solitudni: L-irġiel iħossu nuqqas prattiku, in-nisa jħossu nuqqas emozzjonali
Mistoqsija x’inhu l-ikbar nuqqas li jħossu meta spiċċaw weħidhom kien hemm differenza drastika fil-ġeneru. Filwaqt li fil-maġġoranza tan-nisa ħassew nuqqas fuq aspett emozzjonali, bħal meta ma jkollomx ma’ min jitkellmu u jiftħu qalbhom, fil-maġġoranza tal-irġiel ħassew nuqqas fuq aspett prattiku, bħal meta ma jsibux għajnuna fiżika li kienu jsibu qabel mingħand marthom.
Dan filwaqt li l-istaġuni jaffetwaw bl-istess mod liż-żewġ ġeneri hekk kif ix-xitwa toħloq sens ikbar ta’ solitudni milli s-sajf. Dan meta fix-xitwa jidlam iktar kmieni filwaqt li anke l-vaganzi joħloqu sens ta’ solitudni, bħalma huwa l-Milied sinonimu mall-ġabra tal-familja iżda numru ta’ anzjani jispiċċaw iqattgħuh weħidhom.
Isibu aspetti mill-ħajja biex iżommuhom għaddejjin
Filwaqt li l-anzjani kemm-il darba jsibu ruħhom weħidhom, ħafna jagħżlu li jagħmlu diversi attivitajiet sabiex iżommu ruħhom attivi.
L-iktar aspetti li ssemmew kienu:
- Ir-rutina li ttihom skop
- Il-kumpanija tal-annimali domestiċi
- Il-fidi u l-ispiritwalità li jtuhom sens ta’ konnessjoni spiritwali
- Support groups u l-volontarjat li jtuhom konnessjoni fiżika
Iġġudikati minn ta’ madwarhom
Minkejja l-ħafna sforzi, diversi anzjani qasmu l-esperjenzi tagħhom kif iħossuhom qed jiġu ġġudikati għaliex jipprovaw ikomplu b’ħajjithom wara t-telfa tal-mara jew raġel tagħhom.
Mara partikolari qalet kif uliedha għamlu ġest mill-isbaħ meta rieduha tmur safra magħhom ħalli ma tkunx weħidha. Iżda, meta ġiet biex tagħmel il-bagalja, għażlet li ddaħħalha minn lejliet ħalli l-ebda ġar tagħha ma jarawha sejra lejn l-ajruport u jiġġudikawha.
B’mara oħra tgħid li għax għamlet daqsxejn makeup wara l-mewt ta’ żewġha, bl-istess mod ħassitha qed tiġi ġġudikata minn dawk ta’ madwarha.
Rakkomandazzjonijiet
Caritas Malta tat numru ta’ rakkomandazzjonijiet sabiex l-anzjani f’pajjiżna ma jibqgħux iħossuhom weħidhom.
- Il-qraba u ħbieb tal-anzjani ma jabbandunawhomx u jiċċekkjaw ta’ spiss li jinsabu tajbin filwaqt li jżommulhom ukoll il-kumpanija;
- Il-mobiles ma jintużawx bla bżonn meta tkun fil-preżenza ta’ xi anzjan sabiex tkun tista’ ttihom l-attenzjoni kollha;
- Żieda ta’ spazji għall-anzjani fejn jistgħu jmorru fil-komunità;
- Iktar għajnuna lill-anzjani fejn tidħol it-teknoloġija;
- Kunsilli lokali b’ħidma ikbar fejn jidħol is-sehem tal-anzjani fil-komunità;
- Ninkoraġixxu l-aspett spiritwali, mhux biss ta’ fidi iżda anke sens ta’ ħajja.
Caritas Malta taħdem ferm favur l-anzjani fis-soċjetà Maltija tant li fl-aħħar snin kienet bdiet l-ikla tal-Milied li ma sservix biss għal min hu fqir iżda anke għal dawk li jħossuhom fis-solitudni. Riċentament, dawk il-persuni li jattendu din l-ikla għal dan l-iskop qed jirċievu telefonati mingħand membri ta’ Caritas biex jaraw li jinsabu tajbin u biex jingħataw spazju biex jiftħu qalbhom u jitkellmu ma’ persuna.
Huma qed jingħataw ukoll spazju biex jaqsmu l-esperjenzi u l-għerf tagħhom ma’ dawk iżgħar fl-età filwaqt li qed jappellaw lill-anzjani biex iwasslu l-pariri tagħhom permezz tal-użu tal-midja soċjali.
Fix-xhur li ġejjin mistenni li jiġi mnedi proġett ġdid ta’ Caritas Malta fejn se jagħti spazju lill-anzjani fi djarhom biex jiċċekkjaw fuq il-ġirien tagħhom f’każ li jkunu ilhom ma jaraw lill-ġirien. Dan filwaqt li qed jaħdmu biex persuni fi djar tal-anzjani, li ma jżuruhomx qraba jew ħbieb tagħhom, ikollhom persuna li żżurhom filwaqt li jingħataw iċ-ċans li jitkellmu bil-Malti.
Hawnhekk tista’ ssib id-dettalji tal-istudju.
Source: Newsbook.com.mt