Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija organizza seminar ta’ ġurnata għall-istudenti kollha li jinsabu fl-aħħar sena tal-B.Ed, PGCE, u NHD fl-edukazzjoni, bil-għan li jżomm il-kuntatti ma’ entitajiet edukattivi oħra. Għan ieħor huwa li jippromovi l-Iskejjel tal-Knisja bħala postijiet tax-xogħol prospettivi. Dan is-seminar sar fl-iskola Santa Monika tal-Gżira.
Matul din il-ġurnata, dawn l-istudenti li fi ftit ġimgħat sejrin itemmu l-istudji tagħhom u jibdew ifittxu impjieg bħala għalliema, ingħataw informazzjoni utli dwar x’inhi skola tal-Knisja, il-kundizzjonijiet ta’ mpjieg, u servizzi ta’ sapport li jistgħu isibu fl-impenji edukattivi tagħhom fl-iskejjel tal- knisja. Matul il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin bosta huma l-iskejjel tal-Knisja li jkunu qegħdin joħorġu sejħiet għal impjieg, u attivita’ bħal din isservi wkoll ta’ reklam sabiħ għall-iskejjel u s-servizzi edukattivi fi ħdan id-Djoċesi ta’ Malta. Attivita’ bħal din tikkumplimenta wkoll l-għanjiet tal-Fakulta’ tal-Edukazzjoni li ssaħħaħ il-kuntatti tagħha ma’ istituzzjonijiet edukattivi u żżomm djalogu konkret bejniethom.
Il-viżjoni tas-Segretarjat għall- Edukazzjoni tikkumplimenta x-xewqa ta’ Papa Franġisku li spiss itenni f’bosta okkażjonijiet, l-edukazzjoni fl-iskejjel tagħna għandha tkun immirata lejn il-bniedem sħiħ u għandha wkoll tkun okkażjoni fejn tqarrab lill-bniedem fl-esperjenzi tiegħu mat-traxxendentali.