L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Ġesù kien kemm-il darba mgħajjar b’diversi kliem. Kien hemm min qal li kien wikkiel u sakranazz, kien hemm min qal li għandu fih spirtu ħażin u li għandu fih xitan. Kien jaqla’ diversi tgħajjir u insulti.
Imma forsi tal-lum hija l-agħar. Fl-Evanġelju jgħidu li dak li qed jagħmel, qed jagħmlu bis-saħħa tax-xitan, għalhekk li hu strument tax-xitan. U dan qed jgħidu għall-ġid li qed jagħmel. Jgħidu li jkeċċi x-xitan “bis-saħħa ta’ Begħelżebul, il-prinċep tax-xjaten” (Lq 11:15).
Dan kien frott tal-preġudizzji ta’ dawn in-nies. Ġesù jispjegalhom b’mod ċar ħafna kif dak li qed jgħidu huwa redikolu, għax xitan ma jkeċċix xitan. Imma dawn in-nies tant kienu preġudikati li kienu lesti jgħidu wkoll dak li hu assurd, basta kontra Ġesù.
Nixtieq li naħsbu fil-messaġġ għal ħajjitna li llum il-Mulej jagħtina. L-ewwel nett, irridu dejjem noqogħdu attenti mill-preġudizzji li jinbtu fina, għax faċli nitmexxew mill-preġudizzji. Dawn jagħmlu ħafna ħsara, għax ma jħalluniex naraw ċar, idallmu lil ħajjitna. Lanqas iħalluna napprezzaw it-tajjeb, bħalma dawn in-nies ma kinux jaċċettaw it-tajjeb li kien qed jagħmel Ġesù. Il-preġudizzji jfixkluna fil-mod kif nittrattaw lil xulxin.
Irridu wkoll noqogħdu attenti mill-kliem li ngħidu mal-oħrajn u fuq l-oħrajn – dak li l-Papa Franġisku jinsisti tant fuqu: attenti mill-gossip li jagħmel ħafna ħsara. Jekk illum qed niffukaw fuq il-wellbeing, irridu nagħrfu kemm il-gossip ifixkel ambjent ta’ wellbeing. Il-kliem tagħna, bħalma jista’ jagħmel il-ġid, jista’ jweġġa’, jista’ joskura lin-nies, jista’ joħloq ambjent tqil. Il-Papa jitkellem mill-esperjenza tiegħu, minn dak li jiltaqa’ miegħu hu stess qalb in-nies li jaħdmu qrib tiegħu, u nagħmlu tajjeb li aħna wkoll dejjem nagħtu attenzjoni lill-kliem tagħna mal-oħrajn u fuq l-oħrajn.
Jagħmel ukoll ħsara kliem li jinsulta lill-oħrajn. L-insulti jbaxxu d-dinjità tal-persuna. Nafu li meta int tinsulta lil xi ħadd, iktar qed tgħid fuqek innifsek milli fuq ħaddieħor; qed tgħid fuq dak li hemm f’qalbek. Qed tgħid li hemm it-taħsir ġewwa, li mbagħad joħroġ f’dawn l-insulti.
Nitolbu llum lill-Mulej jippurifikana minn dak li hu ħażin. Fis-silta tal-lum, Ġesù hu dak li jegħleb ix-xitan, li jkexxi x-xitan. Għandu din il-qawwa. Kultant meta nsemmu x-xitan, l-ewwel ma jiġina f’moħħna hu xi ħadd ippossessat, u l-eżorċiżmu li jkeċċi x-xitan. Jeżistu dawn il-każijiet, imma l-iktar mod kif jaħdem ix-xitan, l-iktar komuni, hu bil-qerq, minn taħt, billi jidħaq bina, billi jiżra’ fina dawk l-attitudnijiet li ma jħalluniex fil-paċi, u jagħmlu minna wkoll dawk li ntellfu l-paċi tal-oħrajn.
Nitolbu lill-Mulej isaffina mill-preġudizzji, mill-kliem ta’ tfixkil fuq l-oħrajn, mill-għira, minn dak kollu li jfixkel il-ħajja tal-komunità. Nitolbuh biex jagħtina l-ispirtu tiegħu, ħalli nitgħallmu dejjem napprezzaw il-ġid li jsir, il-ġid li jagħmel ħaddieħor li miegħu jew magħha ngħixu u naħdmu, u nkunu strumenti tal-paċi tiegħu bejnietna ħalli nsaħħu l-ambjent ta’ wellbeing bejnietna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta