L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Il-ġrajja tal-laqgħa ta’ Ġesù mal-mara li nqabdet f’adulterju hija ġrajja mill-isbaħ li għandna fl-Evanġelju. U hija adattata ħafna għall-okkażjoni tal-lum meta qegħdin niċċelebraw is-sittin anniversarju mill-Ordinazzjoni Presbiterali tal-ħames reliġjużi, membri tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl. Dan għaliex turina min hu Ġesù għalina, kollu mħabba, maħfra, ħniena u fl-istess waqt, li jridna ngħixu b’dinjità u jagħtina ħajja ġdida; u għaliex seħibna, sieħeb lil dawn is-saċerdoti reliġjużi f’dan il-ministeru li jwasslu l-imħabba, maħfra u l-ħniena ta’ Alla.
Ħa nħarsu lejn din il-ġrajja. Il-kittieba u l-Fariżej ġabu quddiem Ġesù lil din il-mara li nqabdet f’adulterju. Kif nafu, ma ġewx b’intenzjoni tajba biex qishom jieħdu parir x’għandhom jagħmlu. Imma ġew biex lilu jonsbuh, ħalli jgħid x’jgħid, b’xi mod jew ieħor ixellifha magħhom.
Jikteb fit-trab
U x’għamel Ġesù? Ġesù siket quddiemhom. L-Evanġelju jgħid: “beda jikteb b’sebgħu fit-trab” (Ġw 8:6). Din is-sentenza forsi l-aħjar li nifhmuha meta nħarsu lejn dak li jgħid il-Profeta Ġeremija, f’kapitlu 17: “It-tama ta’ Israel int, Mulej. Kull min jabbandunak, jitħawwad. Dawk li jitbiegħdu minnu fit-trab jinkitbu għax telqu lill-Mulej, l-għajn tal-ilma ġieri” (Ġer 17:13) Qisu Ġesù, meta għandu lil dawn in-nies, qed jgħid: intom tbegħidtu minn dak li hu tassew il-Mulej, kollu mħabba, ħniena u maħfra.
Kif nafu, Ġesù jgħid, dik is-sentenza li aħna tant niftakruha: “Min fostkom hu bla dnub, jitfgħalha hu l-ewwel ġebla” (Ġw 8:7). Nafu li, bil-mod il-mod, kollha telqu, għax b’dil-kelma Ġesù ġabhom f’sensiehom. L-Evanġelju jgħid “ibda mix-xjuħ” (Ġw 8:9) għax wieħed jassumi li x-xjuħ kienu għorrief, allura mal-ewwel indunaw kemm kellu raġun f’li qed jgħid, u għarfu d-dnub tagħhom.
Hi verament sabiħa meta Ġesù jiġi waħdu ma’ din il-mara, u jgħidilha: “…anqas jien ma nikkundannak…Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed” (Ġw 8:11) Dil-mara sabet f Ġesù mhux biss dak li salvalha ħajjitha, imma dak li wasslilha wkoll l-imħabba, il-maħfra u l-ħniena ta’ Alla. Ta lura d-dinjità, u ta wkoll din l-opportunità biex tibda ħajja ġdida.
Maħfra u tiġdid
Ġesù jgħidilha: “Mur u… tidnibx iżjed”, għaliex Ġesù magħha hu kollu mħabba u ħniena u, fl-istess waqt, il-ħażin isejjaħlu b’ismu – ħażin. Ġesù ma jgħidilhiex: jekk inti tħoss hekk, agħmel hekk; jew: jekk int issa għażilt dan l-istil għall-ħajja tiegħek, imxi miegħu. Ma jgħidilhiex hekk. Imma jgħidilha: “Mur, u mil-lum ‘’il quddiem tidnibx iżjed”. Hija l-imħabba kbira ta’ Ġesù magħquda mal-għarfien li hu ċar dejjem: dak li hu tajjeb, tajjeb; dak li hu ħażin, ħażin. Fl-istess waqt, jagħtiha din l-opportunità ta’ ħajja ġdida.
Aħna llum, meta għandna din il-Kelma ta’ Alla, nagħrfu kemm hi ta’ grazzja għalina għaliex aħna lkoll midinbin li neħtieġu l-ħniena u l-maħfra ta’ Alla. Jekk aħna saċerdoti, iktar u iktar. Fil-bidu ta’ kull quddiesa, ilkoll ngħidu: “Nistqarr ’l Alla li jista’ kollox, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb, bil-kliem, bl-għemil u billi ħallejt dmirijieti”. Imma aħna s-saċerdoti, waqt il-quddiesa, hemm talbiet oħra li ngħidu, fejn nitolbu maħfra lil Alla u nitolbu biex Alla jsaffina. Dan għaliex aħna lkoll midinbin li għandna bżonn l-imħabba, il-maħfra u l-ħniena ta’ Alla. U aħna wkoll nagħmlu din l-esperjenza sabiħa li Alla lilna jġeddidna u jagħtina din l-opportunità ta’ ħajja ġdida. Għalhekk illum hi okkażjoni sabiħa fejn qed nitolbuh lill-Mulej biex ikompli lilna jġeddidna dejjem u jagħtina din il-ħajja ġdida.
Gratitudni u apprezzament
Hija okkażjoni sabiħa, għaliex lilna s-saċerdoti, lil dawn is-saċerdoti li qed jiċċelebraw is-sittin anniversarju, il-Mulej tahom il-grazzja li jissieħbu f’dan il-ministeru – li jwasslu lill-bnedmin il-maħfra u l-ħniena ta’ Alla. Kemm hu sabiħ meta jħarsu lura lejn is-snin u jiftakru kemm ħadmu b’dal-mod. Lill-persuni li ltaqgħu magħhom għenuhom biex isibu mill-ġdid lill-Mulej kollu mħabba u maħfra, u fl-istess waqt tawhom l-għajnuna biex jerġgħu jibdew ħajja ġdida u jgħixu tassew b’dinjità.
Għalhekk illum nirringrazzjaw lil Alla. Meta nħarsu lura lejn dawn is-sittin sena tas-saċerdozju, nirringrazzjaw lil Alla għall-ġid kollu li għamel permezz ta’ dawn is-saċerdoti reliġjużi, u kemm, permezz tagħhom, wassal din l-imħabba, il-maħfra u l-ħajja ġdida lil tant nies.
Bennejja tal-poplu
Dawn is-saċerdoti l-ġebel ma wżawhomx biex igarawhom, jew biex iħaġġru. Użawhom biex jibnu. Jibnu postijiet li jilqgħu lin-nies – bħalma niftakar li Fr Bernard tant ħadem biex jinbena l-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl. Jibnu tant postijiet fil-missjoni, għax dawn is-saċerdoti kienu l-Awstralja, il-Perù, il-Pakistan, min post min ieħor fi snin differenti. Imma speċjalment biex jibnu komunità, biex jibnu l-poplu, bħala “ġebel ħaj” (1 Pt 2:5) fil-Knisja fejn “Kristu hu l-ġebla tax-xewka” (Ef 2:20) . U biex dejjem ifakkru lin-nies li “jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja” (Salm 127:1)
Għalhekk, meta narawhom hawnhekk f’kuntrast ma’ dawn in-nies li riedu jħaġġru lill-mara, dawn il-ġebel użawhom biex jibnu tassew dak li hu sabiħ, dak li hu ta’ ġid, dak li tant għamel ġid lin-nies. Illum aħna nuru l-gratitudni tagħna lejhom, u lejn il-Mulej li tahom din il-grazzja sabiħa li llum jiċċelebraw dan is-sittin anniversarju. Magħhom hawn ukoll dawk li lbieraħ iċċelebraw il-ħamsa u sittin anniversarju, kif ukoll lilna lkoll li l-Mulej tana dan il-ministeru sabiħ biex naqdu lill-poplu ta’ Alla u nwasslulu tassew dak li hu l-aktar importanti għall-ħajja.
Nitolbu għall-vokazzjonijiet
Nirringrazzjaw lill-Mulej illum, nitolbuh biex ikompli jimliena bl-ispirtu tiegħu. U nitolbu speċjalment għal aktar vokazzjonijiet għall-ħajja saċerdotali u reliġjuża, speċjalment mas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl li tant għamlet ġid u tant tagħmel ġid f’postijiet differenti fid-dinja. Nitolbu biex iktar nies iwieġbu għas-sejħa tal-Mulej ħalli jaqduh bħalma qdewh dawn is-saċerdoti għal dawn is-sittin sena.
Nitolbu lill-Mulej biex ikompli jagħtina l-ispirtu tiegħu ħalli f’ħajjitna aħna nkunu nixbhuh: mimlijin imħabba u maħfra lejn l-oħrajn, qatt ma niġġudikaw u nikkundannaw lin-nies imma nħallu dan f’idejn il-Mulej, u dejjem ngħinu lill-oħrajn biex jgħixu ħajjithom b’mod sabiħ, b’dinjità, u jiġġeddu fil-ħajja tagħhom kif irid il-Mulej minnhom.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta