L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
Minn Ġerusalemm għal Għemmaws kien hemm madwar ħdax-il kilometru. Imma ma kienx it-tul tal-mixja – kemm se jdumu mexjin – li kien qed itaqqal il-qalb ta’ dawn iż-żewġ dixxipli ta’ Ġesù. Kienet l-esperjenza trawmatika li għaddew minnha meta raw lil Ġesù, li fih qiegħdu t-tama tagħhom, jispiċċa fix-xejn. Meta Ġesù għadda mill-passjoni u l-mewt, imbagħad għalihom kien spiċċa kollox. Għalhekk kienu diżappuntati, mimlijin dwejjaq u diżillużi.
Tant kienu mimlija b’din l-esperjenza iebsa u kerha, jitkellmu ma’ xulxin fuqha, li lanqas intebħu b’Ġesù li kien miexi magħhom. Ironikament jagħmlulu dik il-mistoqsija: int waħdek ma tafx x’ġara? Inti biss? Jagħmluha lil dak li kien il-protagonista ta’ dak li ġara, u li fuqu kienu qed jitkellmu.
Nixtieq li nħarsu lejn Ġesù. Dak li għamel ma’ dawn iż-żewġ dixxipli hu proprju dak li jagħmel Ġesù magħna lkoll – dak li tfisser il-preżenza u l-kelma tiegħu.
Araw x’jagħmel Ġesù mad-dixxipli. L-ewwel jakkumpanjahom, jimxi bil-pass tagħhom, u jkun qribhom fil-mixja tagħhom. Imbagħad jismagħhom u jistaqsihom, jistaqsihom u jismagħhom. Dan ifakkarna f’dak li nsibu fl-Evanġelju ta’ San Luqa stess, bħal dan ir-rakkont, meta Ġesù kien għadu tnax-il sena, l-ewwel darba fit-tempju mal-għorrief, u l-Evanġelju jgħid li kien “jismagħhom u jistaqsihom” (Lq 2:46). Sa mill-bidu nett, l-ewwel darba li tfaċċa fit-Tempju, Ġesù jismagħhom u jistaqsihom, qabel ifissrilhom.
Lil dawn id-dixxipli beda bil-mod il-mod jispjegalhom, ifissrilhom, ikabbrilhom ukoll il-viżjoni tagħhom biex jistgħu jifhmu aħjar; biex jifhmu tassew dak li ġara, ir-realtà, u din tkun mhux dik li qed jaħsbu huma imma ħafna differenti kif qed jispjegahielhom Ġesù. Beda jqiegħed f’qalbhom fjamma li bil-mod il-mod iħeġġiġha, b’mod li huma u jisimgħu lilu, bdew iħossu xi ħaġa tħeġġeġ f’qalbhom.
Imbagħad, meta waslu u kien se jitlaq, qalulu biex jibqa’ magħhom. Meta daħal, qasam il-ħobż. Innutaw fir-rakkont l-istess kliem tar-rakkont tal-Ewkaristija: “qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu, u tahulhom”. F’dak il-mument huma għarfuh, u f’dak il-mument ma baqgħux jarawh.
Hemm seħħet fihom dik il-bidla kbira li turi ruħha f’dak li għamlu. San Luqa jgħid li dak il-ħin stess qamu u marru lura – ħdax-il kilometru lura – lejn Ġerusalemm biex jgħidu lil sħabhom li Ġesù kien qam mill-mewt. Dawk li lil Ġesù kienu qalulu: “Ibqa’ magħna għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm”, insew dan kollu; dak il-ħin stess marru lura. Din hi l-bidla kbira li seħħet fihom, bil-preżenza ta’ Ġesù, bil-kelma tiegħu, għax Ġesù ħaj.
Dan hu l-messaġġ importanti għall-ħajja tagħna llum. Ġesù, jekk aħna nħalluh, jekk aħna naċċettawh, jakkumpanjana fil-mixja ta’ ħajjitna. Meta aħna ngħaddu minn esperjenzi ta’ diżappunti fil-ħajja, ta’ tamiet li jisfaw fix-xejn, ta’ dwejjaq, ta’ qtigħ ta’ qalb, il-preżenza tiegħu tgħinna f’dawn il-mumenti u tagħmel id-differenza kollha.
Ġesù lilna joffrilna bħala għajnuna l-Kelma u l-Ewkaristija. Il-Kelma tiegħu tgħinna nifhmu aħjar ir-realtà, nifhmu aħjar l-esperjenza tagħna. Il-Kelma tiegħu dejjem hi kelma li tgħinna negħlbu l-biża’ u l-mumenti diffiċli tal-ħajja tagħna ma jħalluniex taħthom imma nqumu minnhom. Din hi l-kelma ħajja li tagħti d-dawl lil ħajjitna. U l-Ewkaristija li hija l-ikel li jsostnina fil-ħajja tagħna.
Ibqa’ magħna u akkumpanjana fil-mumenti sbieħ u fil-mumenti diffiċli tal-ħajja tagħna. Fil-mumenti meta naħbtu naqtgħu qalbna jew meta ngħaddu minn diżappunti fil-ħajja … Il-preżenza tiegħek hija preżenza li lilna tagħtina l-ħajja.
Hu proprju fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa li aħna għandna dawn it-tnejn flimkien bħala esperjenza ħajja: il-Kelma u l-Ewkaristija. Għalhekk il-quddiesa hi tant importanti għalina u nitolbu lill-Mulej il-grazzja li ma ndumux ma nkunu nistgħu niltaqgħu flimkien biex niċċelebraw il-quddiesa. Bħalissa nsegwuha mill-bogħod, permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, u nirringrazzjaw lil Alla ta’ dan. Imma nitolbuh ukoll din il-grazzja li ma jdumx ma nkunu nistgħu niċċelebraw flimkien. Għaliex il-quddiesa hi din l-esperjenza sabiħa fejn aħna għandna lil Ġesù ħaj li jagħtina l-għajnuna bil-Kelma u bl-Ewkaristija. Aħna niġu ħafna drabi bl-esperjenzi differenti fil-ħajja; ġieli ferħana u ġieli mdejqa, ġieli kuntenti kif għaddejjin imma ġieli bi qtigħ ta’ qalb u b’diffikultajiet. Niġu quddiem il-Mulej u hu jakkumpanjana u jgħinna biex nimxu ’l quddiem fil-ħajja tagħna, u biex imbagħad inkunu nistgħu nagħmlu bħal dawk iż-żewġ dixxipli, li mmorru u nħabbru l-Bxara t-Tajba. Hu jimlielna qalbna fil-paċi u l-ferħ tiegħu, biex nistgħu naqsmuhom mal-oħrajn u nwasslulhom l-Aħbar li Ġesù huwa ħaj.
F’din il-quddiesa għalhekk nitolbuh, u tajjeb li nagħmlulu t-talba li għamlulu dawn iż-żewġ dixxipli, talba tant sabiħa: “Ibqa’ magħna”. Ibqa’ magħna, Mulej, il-jiem kollha ta’ ħajjitna. Ibqa’ magħna u akkumpanjana fil-mumenti sbieħ u fil-mumenti diffiċli tal-ħajja tagħna. Fil-mumenti meta naħbtu naqtgħu qalbna jew meta ngħaddu minn diżappunti fil-ħajja, jew naraw it-tamiet tagħna jisfaw fix-xejn, kun int li takkumpanjana. Il-preżenza tiegħek hija preżenza li lilna tagħtina l-ħajja. Kun inti li ssostnina bil-kelma tiegħek u bl-Ewkaristija, u kun int li tgħinna ħalli qalbna timtela bil-paċi u bil-ferħ tiegħek u nkunu nistgħu nwasslu l-paċi u l-ferħ tiegħek lill-oħrajn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju