-
-
Is-sena 2018 se tibqa’ mfakkra fil-Parroċċa tas-Swatar mhux biss għaliex qed tiċċelebra l-10 snin mit-twaqqif tagħha mill-Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona O.P., imma wkoll għaliex se tasal l-istatwa titulari tal-parroċċa.
L-istatwa tfakkarna f’San Ġorġ Preca, l-ewwel qaddis Malti, fil-mument meta fl-24 ta’ Diċemrbu 1921 għamel l-ewwel purċissjoni bil-Bambin. Filfatt, il-Bambin li San Ġorġ se jkun qed iżomm f’idu huwa kopja fl-injam ta’ dak li kien uża San Ġorġ stess u li kien inħadem minn misssier l-iskultur il-Kav. Alfred Camilleri Cauchi. L-istatwa maħduma fl-injam minn Alfred u ibnu Aaron Camilleri Cauchi ġiet ġentilment mogħtija lill-parroċċa tas-Swatar mis-Sur Emanuel Vella.
Il-Programm taċ-ċelebrazzjonijiet
Is-Sibt 22 ta’ Settembru 2018, fil-5:30pm, l-istatwa ta’ San Ġorġ Preca tinkixef għall-ewwel darba fi Pjazza l-Eroj, ħdejn il-MUSEUM tal-Bniet. Wara jibda korteo bl-istatwa li tgħaddi minn Triq P. Borg Olivier u Triq il-Qattus. Wara li jinkixef il-Bambin ħdejn il-MUSEUM tas-subien, dan se jinġarr mit-tfal bħalma jsir fil-purċissjoni bil-Bambin nhar l-24 ta’ Diċembru. Il-korteo jkompli għal Triq it-Torri sal-knisja tas-Swatar.
Fis-7:15pm, l-istatwa tasal fil-parkeġġ tal-knisja fejn isir mument ta’ adorazzjoni ewkaristika b’riflessjonijiet mit-tagħlim ta’ San Ġorġ Preca. Janimaw l-adorazzjoni u wara s-serata, il-band Footprints flimkien ma’ Andrew Cauchi u l-familja.
Il-Ħadd 23 ta’ Settembru 2018, fis-6.30pm l-Arċisqof Charles J. Scicluna se jiċċelebra Quddiesa li matulha ser ipoġġi l-Bambin għall-ewwel darba f’idejn San Ġorġ Preca u jbierek l-istatwa titulari tal-parroċċa.
Kulħadd huwa mistieden jattendi.