L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Smajna lill-Appostlu Missierna stess jiġbor fi ftit kliem l-esperjenza li qegħdin niċċelebraw. F’waħda mill-ittri tiegħu li smajna fit-tieni qari llum jgħid li Alla li sejjaħlu sa mill-bidu fil-misteru tal-ħolqien tiegħu, laqqgħu ma’ ibnu Ġesù u tah missjoni (ara Gal 1:16). Dan li qed niċċelebraw llum.
L-ewwel nett qegħdin nirringrazzjaw lil Alla tal-Appostlu Missierna San Pawl. Aħna m’għandniex festa tat-twelid ta’ San Pawl bħalma għandna t-twelid ta’ San Ġwann il-Battista. Imma llum qegħdin niċċelebraw it-twelid tiegħu bħala Nisrani għax il-magħmudija hija t- twelid tagħna fi Kristu. Nistgħu ngħidu li din il-festa tħares ukoll lejn il-festa li nagħmlu fid-29 ta’ Ġunju meta niċċelebraw il-martirju tal-Appostlu Missierna flimkien mal-festa tal-martirju tal-appostlu San Pietru.
Aħna llum nirringrazzjaw lil Alla talli sejjaħ lil dan Pawlu – isem ieħor tiegħu hu Sawlu – li twieled u trabba f’Tarsu taċ-Ċiliċja llum fit-Turkija imma mbagħad tgħallem f’riġlejn Gamaljel bħalma hu stess jgħid f’Ġerusalemm. Minn familja Lhudija kien akkanit ħafna għat-tradizzjonijiet ta’ missirijietu u għal-liġi u meta sema’ bit-triq, kif sejjaħ hu t-triq tal-Mulej, għamilha gwerra. It-trasformazzjoni ta’ San Pawl, li qed niċċelebraw, hi trasformazzjoni kif jgħid hu stess: minn għadu għal dak li ġie msejjaħ minn Ġesù stess biex iwassal il-bxara t-tajba, l-aħbar it-tajba tal-imħabba ta’ Alla jew tal-grazzja tiegħu lill-ġnus, fostna wkoll.
Din hi waħda mill-festi li l-protagonista tagħha hu d-dawl. Jekk naqraw ir-rakkont tal-konverżjoni ta’ San Pawl, naraw li fit-triq ta’ Damasku, dan ir-raġel mimli rabja, mimli kefrija għall-Insara, jiltaqa’ ma’ dawl kbir, dija kbira. U fl-istess ħin imbagħad jgħaddi mit-trasformazzjoni fiżika ta’ wieħed li ma jibqax jara għax dak id-dawl jagħmih, għal wieħed li fil-magħmudija stess jerġa’ jakkwista d-dawl. Dak li jiġri fih fiżikament hu sinjal ta’ dak li jgħaddi minnu hu t-trasformazzjoni tiegħu spiritwali, jgħaddi mid-dlam tad-dnub għad-dawl tal-imħabba, tal-ħniena, tal-grazzja ta’ Alla. Pawlu l-Appostlu Missierna jagħmel din l-esperjenza qawwija, propju f’ġismu fil-perċezzjoni tiegħu imma minnu wkoll u fih isseħħ din it-trasformazzjoni spiritwali li nitolbu fuqna lkoll.
Din il-festa, li niċċelebraw fl-aħħar ta’ Jannar hi kollegata, tħares lejn festa kbira għalina li hi dik tal-10 ta’ Frar. L-antifona tal-10 ta’ Frar, dik li tibda l-quddiesa biha, tieħu silta mill-profeta Iżaija: “il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir” (Iż 9:2). Kemm hi sabiħa din l-analoġija, dan il-fatt li l-antifona tal-festa ta’ San Pawl Missierna, tal-konverżjoni ta’ Malta, hi wkoll festa ta’ poplu li ltaqa’ mad-dawl ta’ Ġesù, dak li Dun Karm isejjaħlu ‘l-oħla dawl’. “Ftakar li lilha bil-oħla dawl libbist” (Innu Malti). U d-dawl l-iżjed ħelu, l-oħla dawl hu d-dawl tal-Evanġelju, id-dawl li miegħu ltaqa’ San Pawl fit-triq ta’ Damasku.
Għalhekk meta nistaqsu lilna nfusna: imma din il-festa lilna l-Maltin għandha xi messaġġ għalina? Fil-konverżjoni tal-Appostlu Missierna, dak li hu msejjaħ mit-tnissil tiegħu imma mbagħad fil-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù jieħu missjoni li jxandar il-ħniena tal-Mulej lill-ġnus, aħna naraw ukoll l-istedina għall-konverżjoni tagħna, li ngħaddu mid-dlam ta’ ħajjitna għad-dawl tal-ħniena u tal-grazzja ta’ Alla, li forsi anke minn għajnejna jaqgħu l-qxur tal-mibegħda, tar-rabja, tal-preġudizzju li kultant javvelenaw l-għajxien bħala komunità.
Ejjew nitolbu l-interċessjoni ta’ Pawlu missierna anke għall-postijiet imbierka bil-konverżjoni, bit-tagħlim tiegħu. Twieled fit-Turkija f’Tarsu imma trabba Ġerusalemm u għalhekk nitolbu llum ukoll bl-interċessjoni tiegħu għall-Palestina u għal Iżrael, postijiet li hu kien jaf tajjeb ħafna. Minn hemmhekk imbagħad salpa biex imur Ruma u għadda fostna jagħtina l-aħbar tal-qawwa ta’ Ġesù li taf tfejjaq, qawwa li tgħaddi lil kull wieħed u waħda minna mid-dlam għad-dawl.
Nitolbu lill-Appostlu Missierna biex jibqa’ mal-poplu tagħna jinterċedi għalina u aħna li nifirħu fil-konverżjoni tiegħu, fil-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù, nitolbu wkoll li din tkun l-esperjenza tagħna: li aħna niltaqgħu mad-dawl ta’ Ġesù li hu dawl ta’ mħabba, dawl ta’ ħniena, dawl ta’ verità, dawl li anke meta jwissina, iridilna l-aqwa ġid.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġona 3:1-5,10
Salm: 24 (25):4bċ-5ab,6-7bċ,8-9
Qari II: 1 Kor 7:29-31
L-Evanġelju: Mk 1:14-20