-
-
Nhar il‑Ħamis 29 ta’ Settembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fl‑okkażjoni tal‑festa tal-Arkanġli San Mikiel, San Gabrijel u San Rafel, fil‑Kunvent tal‑Kapuċċini, il‑Furjana.
Homily by Archbishop Charles J. Scicluna
-
-
Kunvent tal-Kapuċċini, il-Furjana
29 ta’ Settembru 2016
Nirringrazzja lill-aħwa Franġiskani Kappuċċini tal-istedina li niġi hawnhekk niċċelebra l-festa tal-Arkanġli Mikiel, Gabrijel u Rafel.. Dan il-kunvent għażiż ukoll li fl-istorja tiegħu, kif tafu, jgħodd ukoll dehra tal-Arkanġlu San Mikiel fl-1719, jiġifieri rridu nagħmlu tlett mitt sena b’mod solenni – jiġifieri dan il-post huwa għażiż ħafna anke għat-tifkira tal-qaddis San Mikiel.
F’din is-Sena tal-Ġublew tal-Ħniena xtaqt naqsam magħkom ħsieb ċkejken fuq kif it-tlett Arkanġli huma wkoll qaddejja tal-ħniena tal-Mulej. Il-Papa San Girgor il-Kbir jispjegalna li l-ismijiet tal-anġli huma frott il-missjoni li Alla jkun tahom. Anke l-gradi huma skont id-dinjità tal-missjoni li Alla jkun afdalhom. Aħna fit-2 ta’ Ottubru nagħmlu festa kbira lill-anġli kollha, b’mod speċjali lill-anġli kustodji tagħna, u ta’ min fit-2 ta’ Ottubru kulħadd isellem lill-anġlu kustodju tiegħu.
Il-Mulej fl-Evanġelju jgħid: “l-anġli ta’ dawn iż-żgħar li qegħdin quddiem Alla”. Illum fl-Evanġelju Ġesù jitkellem ma’ Natanjel “fuq l-anġli telgħin u niżlin” (ara Ġw 1, 51), is-sinjal tal-glorja ta’ Alla. Illum qegħdin nagħmlu festa partikolari għal dawn it-tlett Arkanġli għax il-missjoni tagħhom hija qawwija ħafna, hija wkoll għażiża għall-Mulej.
San Mikiel ifakkarna li m’hemmx aqwa minn Alla
Min kien Mikael? Ifakkarna li m’hemmx aqwa minn Alla. Min hu bħal Alla? L-isem Mikiel hekk ifisser: ‘min hu bħal Alla?’ Mikael! Min hu bħal Alla? Min hu bħal Alla fl-imħabba u fil-ħniena, ma jgħaddih ħadd, ma jilħqu ħadd!
Aħna ħafna drabi lil Mikiel, anke l-ktieb tal-Apokalissi jfakkarna fit-taqbida li qamet bejn Mikiel u l-anġli tiegħu u x-xitan u l-anġli tiegħu. Ħafna drabi nġibuh bis-sejf, ħafna drabi nġibuh ukoll jiżen bil-mizien għaliex huwa dak li jwassal il-ġudizzju ta’ Alla. Il-Liturġija tal-Knisja fl-Innu tal-Vespri ta’ din il-festa, tal-għasar li għadna kemm tlabna, issejjaħlu ‘l-anġlu tal-paċi’, angelus pacis Mikael. Issa l-ħniena ta’ Alla hija l-vera ġudizzju tiegħu, hija dik li tgħamlilna t-triq faċli biex f’qalbna jkollna l-veru paċi issa u għal dejjem. Mela aħna m’għandniex għalfejn nitwerrwru mill-ġudizzju ta’ Alla għax Alla se juri magħna, u hekk jixtieq juri magħna, ħniena kbira.
Għalkemm Mikiel ifakkarna fil-primat ta’ Alla li Alla għandu jieħu l-ewwel post fl-għażliet tagħna, ifakkarna wkoll li għall-imħabba u għall-ħniena m’hemmx aqwa minn Alla. Aħna bil-Malti ngħidu: ‘Alla fuq kulħadd’. Fuq kulħadd! Imma Alla fuq kulħadd ‘bħax-xemx tiżreġ’ jgħid il-Mulej, “li r-raġġi tagħha titfagħhom fuq kulħadd”. Ma toqgħodx tgħid: ‘dak naqra mqareb mela ma niżreġ fuqu’. Hu għalhekk il-Papa Franġisku xtaq ifakkarna li aħna rridu nkunu propju ta’ ħniena bħalma hu l-Missier, ta’ ħniena ma’ kulħadd u bejn xulxin. Nitolbu lill anġlu Mikiel biex ifakkarna fuq il-primat tal-ħniena tal-Mulej.
San Gabrijel – Il-Qawwa ta’ Alla
L-anġlu Gabrijel ismu jfisser ‘il-qawwa ta’ Alla’. Hu ġie biex iħabbar it-twelid ta’ Ġwanni u kien mibgħut ukoll hiex iħabbar it-twelid ta’ Ġesù. Kien l-anġlu Gabrijel li jfisser ‘il-qawwa ta’ Alla’ li lil Eliżabetta u anke lil Żakkarija qalilhom: “isem it-tifel ikun Ġwanni” (Lq 1, 13), Johanan, Alla ħanin. Mela kif ippermetta l-anġlu Gabrijel li Alla għażel il-ħniena tiegħu biex jindika lil dak li kellu jmur qablu, lill-prekursur, dak li jiġri qablu. U fil-fatt fil-kantiku ta’ Żakkarija, fil-kantiku li għandna fl-Evanġelju ta’ San Luqa u li qiegħed fuq il-fomm tal-papa’ ta’ Ġwanni, ta’ Żakkarija, li ismu jfisser ‘Alla jiftakar’, hemm li waslet il-ħniena, biex aħna nkunu nistgħu nimxu fil-passi tal-ħniena tal-Mulej (ara Lq 1, 79), din ix-xemx li tiela, ix-xemx tal-ħniena tal-Mulej.
L-anġlu Gabrijel iħabbar l-ikbar ħniena: Alla li jsir bniedem biex jifdina. Għalhekk jekk Mikiel ifakkarna fil-primat tal-ħniena t’Alla, Gabrijel huwa l-ħabbar ta’ kif il-ħniena t’Alla ssir bniedem. Alla jkollu wiċċ li aħna nistgħu nħarsu lejh, rajnih jibki, rajnih ibati, rajnih jidħaq ukoll, rajnih jiġġieled mal-midinbin, smajnih jgħid il-kliem ta’ ħniena: “jiena naħfirlek dnubietek, mur fis-sliem. Ħadd ma kkundannak lanqas jien ma nikkundannak” jgħid lill-mara adultera, “mur u tidnibx iżjed” (Ġw 8, 11). Lil Żakkew qallu: “inżel minn hemm, Żakkew għax illum nixtieq nidħol niekol fid-dar tiegħek” (Lq 19, 5), “illum f’din id-dar daħlet is-saltna ta’ Alla, il-paċi” (ara v. 9).
San Rafel – Il-Mediċina ta’ Alla
Rafel ismu jfisser il-mediċina ta’ Alla. Rafel ifakkarna li l-Mulej jidrob kultant bil-mard, bil-qsim il-qalb, bit-tradimenti, imma jfejjaq, mhux jidrob hu, imma n-nies u l-ħażen tan-nies jippermetti li jagħmlulna l-ħsara u jaqsmulna qalbna. Imma hu jwassal id-duwa tal-faraġ tiegħu, tal-ħniena tiegħu, tal-fejqan spiritwali tiegħu. Il-Mulej jgħaqqad il-fejqan li jagħmel għaliex, kif jgħid l-appostlu Pietru: “għadda fostna jgħallem u jfejjaq”. Ma dan id-don li jingħatalna, anke bħala grazzja mill-Mulej li aħna nintelqu fi ħdan il-Mulej ngħidulu: ‘jiena għandi bżonn it-tabib, fejjaqni Mulej, fejjaqni’. Ġesù stess qal: “il-morda għandhom bżonnu t-tabib”. Min jaħseb li mhux marid qatt mhu se jersaq għand il-Mulej għall-fejqan.
Rafel ifakkarna f’din il-ħaġa: li aħna quddiem Alla m’għandniex għalfejn ninkeddu jekk nistħu mill-mard tagħna, mill-vizzji tagħna, mid-dgħufijiet tagħna, mid-dnubiet tagħna għax Alla lest ifejjaq, Alla lest li jaħfer. Il-ħniena tiegħu hija dik il-qawwa li kapaċi tbiddel id-destin tagħna. Aħna bid-dnub nitilfu t-triq, bil-ħniena t’Alla nerġgħu nsibuha. “Kien mitluf u nstab” (Lq 15, 32) jgħid il-misseir fuq l-iben iż-żgħir li telaq, “kien mitluf u nstab”. Bil-ħniena t’Alla aħna nistgħu nkunu mejta u nerġgħu nirritornaw għall-ħajja għax “dan ibni kien mejjet u reġa’ qam”.
Ejjew nitolbu l-interċessjoni tal-arkanġli Mikiel, Gabrijel u Rafel biex f’din is-Sena tal-Ħniena nitolbu l-interċesjoni tagħhom ħalli aħna ma naqtgħux qalbna qatt mill-primat tal-ħniena t’Alla, ma naqtgħu qalbna qatt mill-qawwa ta’ Alla li twassal il-ħniena fejn naħsbu li ma tistax tasal, mill-mediċina li l-Mulej jagħtina billi bil-ħniena tiegħu ifejjaq il-ġerħa ta’ ruħna.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
Photos: Curia Communications Office